Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali

Il-Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali jinkludi erja ta' kważi 6 miljun ettaru fil-Brażil u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 u s-sit ġie estiż fl-2003.[1] Dan il-kumpless huwa l-ikbar żona protetta madwar ix-xmara Amażon u huwa wieħed mir-reġjun fid-Dinja bl-ogħla bijodiversità.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sena 2000, fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien tniżżel il-Park Nazzjonali ta' Jau.[1] Dan il-park sar parti mill-Kuritur Ekoloġiku Ċentrali tal-Amażonja, li ġie stabbilit fl-2002.[2] Fl-2003 is-sit ġie estiż biż-żieda tal-Park Nazzjonali ta' Anavilhanas, tar-Riżerva għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' Amanã u tar-Riżerva għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' Mamirauá, li kollha flimkien jiffurmaw il-Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali. Il-kumpless jagħmel parti wkoll mill-Mużajk tan-Naħa t'Isfel ta' Rio Negro, li nħoloq fl-2010.[3] L-unità ta' konservazzjoni hija appoġġata mill-Programm taż-żoni protetti fir-reġjun tal-Amażonja.
Ekosistema
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali hemm foresti tal-varzea u tal-igapó (foresti tal-għargħar u l-mangrovji), lagi u nixxigħat li fihom tgħix l-ikbar diversità ta' ħut elettriċi fid-Dinja. Il-kumpless jospita wkoll speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni bħall-arapajma ġganteska, il-baqra tal-baħar tal-Amażonja, il-kajman iswed u żewġ speċijiet ta' dniefel tal-ilma ħelu. Fil-kumpless wieħed jista' josserva qishom twapet mobbli ta' veġetazzjoni tax-xmara li l-ħin kollu jevolvu b'għadd konsiderevoli ta' speċijiet endemiċi. Il-kumpless jitqies bħala waħda mill-200 ekoreġjun prijoritarji tad-WWF (World Wildlife Fund, il-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi) għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 u ġie estiż fl-2003.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 "Kumpless ta' Konservazzjoni tal-Amażonja Ċentrali - UNESCO".
- ↑ "CEC Central da Amazônia | Unidades de Conservação no Brasil". uc.socioambiental.org (bil-Portugiż). Miġbur 2025-08-22.
- ↑ "Depoimentos | Unidades de Conservação no Brasil". uc.socioambiental.org (bil-Portugiż). Miġbur 2025-08-22.