Konsonanti Xemxin u Qamrin

Fil-Malti u l-Għarbi, il-konsonanti kollha huma kklassifikati f'żewġ tipi differenti magħrufa bħala konsonanti xemxin (bl-Għarbi: حروف شمسية, ħurûf xamsija, "ittri xemxin") u konsonanti qamrin (Arabic: حروف قمرية, ħurûf qamarija, "ittri qamrin").
Din id-distinzjoni taffetwa kif l-/l/ tal-artiklu definit il- jiġi mlissen jew assimilat qabel ċertu konsonanti: meta l-kelma tibda b'konsonanti xemxija, l-artiklu jassimila ruħu mal-ewwel konsonanti ta' din il-kelma. Iżda jekk il-kelma tibda b'konsonanti qamrija, din l-assimilazzjoni ma sseħħx u l-artiklu jibqa' kif inhu.
B'hekk it-terminoloġija wara dawn iż-żewġ tipi toriġina minn appuntu kif l-artiklu jinteraġixxi mal-kliem xemx u qamar għax fil-Malti il-xemx tiġi ix-xemx (b'assimilazzjoni) waqt illi il-qamar tibqa' kif inhi (mingħajr assimiliazzjoni). Dan iseħħ bl-istess mod fl-Għarbi fejn il-lam tal-artiklu (l- f'al-) wkoll tassimila ruħha max-x ta' xams iżda mhux mal-q ta' qamar.
Fil-Malti
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Malti l-konsonanti xemxin u qamrin huma dawn:
| Konsonanti
Xemxin |
ċ | d | l | n | r | s | t | x | ż | z | |||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| /t͡ʃ/ | /d/ | /l/ | /n/ | /r/ | /s / | /t/ | /ʃ/, /ʒ/ | /z/ | /t͡s/, /d͡z/ | ||||||
| Konsonanti
Qamrin |
b | f | ġ | g | għ | h | ħ | j | k | m | p | q | v | w | |
| /b/ | /f/ | /d͡ʒ/ | /g/ | /ˤː/ | bla ħoss | /h/, /ħ/ | /j/ | /k/ | /m/ | /p/ | /ʔ/ | /v/ | /w/ | ||
B'hekk jekk kelma tibda b'xi waħda minn dawn il-konsonanti qamrin, l-artiklu definit il- jibqa' l-istess u ma jassimilax ruħu magħhom, iżda jassimila jekk dil-kelma tibda b'waħda minn dawn il-konsonanti xemxin, jiġifieri b': iċ-, id-, in-, ir-, is-, it-, ix-, iż-, iz-. Ta' min issemmi li l-ġ tidher ħarira eċċezzjonali, biss għax l-verżjoni mniffsa tagħha ċ hija xemxija waqt illi hi nnifisha li hija iebsa hija qamrija, b'hekk hija l-unika fonema fil-Malti fejn iż-żewġ verżjonijiet tagħha jaqaw taħt tipi differenti ta' konsonanti f'dan il-lat. Fil-verità, hemm ħafna kelliema li jispiċċaw ilissnuha inċidentalment u aċċidentalment, iżda din tiddependi mill-kelma, r-reġjun, u fatturi oħra li wara kollox jiddefinixxu dan il-fenominu bħala wieħed li ma jistax jinbasar.
L-ittri s u ż huma eċċezzjonijiet għal din ir-regola, għax fi kliem li jibdew b'żewġ konsonanti fejn l-ewwel waħda hija waħda minn dawn, jista' jaqa' l-każ li tidħol il-vokali tal-leħen i qabel il-kelma u wara l-artiklu. Din il-vokali nistgħu nsibuha mdaħħla fi kliem oħra li jibdew b'żewġ konsonanti iżda li l-ewwel waħda minnhom hija qamrija, bħal fil-kelma l-Imdina flok il-Mdina. Iżda fil-każ tas-s u ż-ż id-dħul ta' din il-vokali tiddependi fuq it-tieni konsonanti ta' warajhom. Jiġifieri, jekk dit-tieni konsonanti hija l, m, n, r, j, w, ħ, għ, jew h il-vokali tal-leħen ma tidħolx u l-artiklu jassimila ruħu skont l-ewwel konsonanti, bħal f': is-slaten, is-smewwiet, is-snajja', is-sram, is-Sjamiż, is-swar, is-sħana, is-Sgħajtar. Fil-bqija ta' konsonanti il-vokali tal-leħen tidħol bħal f': l-iskola u l-Iżvezja.[1]
Fl-Għarbi
[immodifika | immodifika s-sors]Meta segwita minn ittra xemxija, l-/l/ tal-artiklu definit Għarbi al- tassimila ruħha mal-ewwel konsonanti tan-nom li jmiss, u tirriżulta f'konsonanti doppja. Pereżempju, in-Nil fl-Għarbi jiġi mlissen an-Nīl, mhux al-Nīl, l-istess bħal fil-Malti.
Meta l-artiklu definit Għarbi (الْـ, al-) ikun segwit minn ittra qamrija, ma sseħħ l-ebda assimilazzjoni.
Bl-istess mod mal-Malti, l-ittri xemxin jirrappreżentaw il-konsonanti koronali skont il-fonoloġija tal-Għarbi Klassiku, u l-ittri qamrin jirrappreżentaw l-oħrajn kollha. Innota kif l-imnemoniku اِبْغِ حَجَّكَ وَخَفْ عَقِيمَهُ (ibgħi ħaġġaka wakhaf għaqijmahu) jiġbor l-ittri qamrin kollha.

Ġim
[immodifika | immodifika s-sors]L-ittra ج ġīm hija mlissna differenti skont ir-reġjun tal-kelliem. F'ħafna reġjuni tirrappreżenta konsonanti koronali bħal [d͡ʒ] jew [ʒ]. Madankollu, fl-Għarbi Klassiku, kienet tirrappreżenta plussiva velari mleħħna palatalizzata /ɡʲ/ jew plussiva palatali mleħħna /ɟ/. Tlissin kontemporanju bħala [ɡ][2] tinżamm fl-Eġittu, l-Oman, u l-Jemen kostali jew [ɟ] fil-lvant tal-Jemen, u bħala varjant fis-Sudan. Bħala riżultat, ġiet ikklassifikata bħala ittra qamrija, u ma tassimilax l-artiklu tal-Għarbi Klassiku. Il-Malti ġ /d͡ʒ/ hija wkoll ikkunsidrata bħala konsonanti qamrija, filwaqt li l-kontroparti bla leħen tagħha ċ /t͡ʃ/ hija konsonanti xemxija.
Madankollu, f'xi varjetajiet tal-Għarbi Marokkin, Mesopotamjan, u Palestinjan, ġim (spiss /ʒ/) tassimila, bħal ittra xemxija, pereżempju, il-ġemel jew al-ġamal isir ġ-ġmel; il-ġurnal isir ġ-ġurnal.[3][4]
Konsonanti emfatiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fid-djaletti Għarab, bħall-Palestinjan, l-artiklu al- qabel konsonanti emfatika tassimila ruħha biss fil-post tal-artikolazzjoni iżda mhux fil-farinġalizzazzjoni, għalhekk it-ṭâwla minflok aṭ-ṭâwila (الطاولة, "il-mejda").[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Aidan. "The Definite Article in Maltese" (bl-Ingliż).
- ↑ al Nassir, Abdulmunʿim Abdulamir (1985). Sibawayh the Phonologist (PDF) (bl-Għarbi). University of New York. p. 80. Miġbur 23 April 2024.
- ↑ Heath, Jeffrey (2013). Jewish and Muslim Dialects of Moroccan Arabic (bl-Ingliż). Routledge. p. 169. ISBN 978-1-136-12642-0.
Although CA j ... was not a "sun" letter, its MA reflex 'ʾ normally is, hence ž-žbəl 'the mountain' (CA al-jabal). There are some exceptions in Jebli dialects. ... borrowings from e.g. French normally assimilates, as in ž-žuṛnal 'the newspaper'.
- 1 2 Sirhan, N. (2014). Folk Stories and Personal Narratives in Palestinian Spoken Arabic (bl-Ingliż). Springer. p. 91. ISBN 978-1-137-32576-1.
Although /j/ is not a sun letter, in PA it assimilates as though it were: il-jamal – ij-jamal (camel). […] when an emphatic sun letter has a less emphatic counterpart (i.e. non-pharyngealised) […] the definite article assimilates in place of articulation but not in pharyngealisation. [..] it-ṭāwla […] is-ṣalātu