Knisja tal-Madonna tal-Ħniena, Bir id-Deheb

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fl-2017

Il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena f’Bir id-Deheb hi fiċ-ċentru taż-żona, mibnija fil-limiti taż-Żejtun. Il-knisja li naraw illum hi waħda kbira u moderna imma din ħadet post l-oħra antika. Dun Ġwann Vella bena l-knisja kbira “Tal-Ħniena” li tintuża llum. Wara l-gwerra n-numru ta’ nies f’Bir id-Deheb tant kiber li nħasset il-ħtieġa uġrenti ta’ knisja bil-bosta akbar mill-kappella li nbniet fl-1865. lx-xogħol beda fl-1959 fuq pjanta tal-perit Ġużeppi D’Amato. Il-bennejja kienu Ġanni Vella u Franġisku Desira u l-ewwel quddiesa f’din il-knisja spazjuza saret fis-27 ta’ Mejju, 1962. Il-kwadru titulari tagħha hu meqjus bħala l-aqwa xogħol tal-pittur Ġorġ Preca u ġie regalat lill-knisja mill-imħallef Vincent Camilleri u s-sinjura tiegħu. Dun Ġwann ħa ħsieb jibni wkoll dar għas-saċerdot li jkun inkarigat mill-knisja, dar li llum tintuża għat-tagħlim tad-duttrina tat-tfal billi l-knisja kien jonqosha xi xogħol dan tkompla fi żmien ir-rettur ta’ wara, fosthom Dun Joe Abela (il-kittieb ta’ dan it-tagħrif), Dun Anton Abela u Dun Remiġ Saliba.

Dun Joe Abela ħa hsieb jibda l-bini tal-kampnar, bena l-kmamar ta’ wara u rranġa ċ-ċentru taż-żgħażagħ. Dun Remiġ Saliba bena l-gallarija tal-orgni u ġedded is-sistema tad-dawl elettriku. Aktar tard kompla bil-bini tal-kampnar u biex jagħti dehra ġdida u sabiħa lill-faċċata tal-knisja. Il-perit inkarigat minn dan ix-xogħol kien is s-sur Joe Magro miż-Żejtun. Dan ix-xogħol tlesta fl-2005.

Illum il-knisja tal-Madonna Tal-Ħniena f’Bir id-Deheb hi imbegħda mill-knisja parrokkjali u allura, ġustament, qed taqdi missjoni mportanti fil-parroċċa taż-Żejtun billi sservi ta’ ċentru ta’ ħidma pastorali, mhux biss fl-amministrazzjoni tas-sagramenti u x-xandir tal-Kelma t’Alla, iżda wkoll fit-tagħlim u l-formazzjoni Nisranija tat-tfal, żgħażagħ u adulti. Kull sena f’Settembru ssir festa ħelwa dedikata lill-Madonna bil-parteċipazzjoni ta’ waħda mill-baned taż-Żejtun.

Dehra tal-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena wara li reġgħet inbniet fis-sittinijiet tas-seklu dsatax. Diversi tibdiliet li saru wara jirrendu l-knisja tal-lum

Kitba tal-kanonku Dun Joe Abela editjat minn Jeffrey Zammit