Aqbeż għall-kontentut

Knisja Santa Marija, Gudja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi tal-Assunzjoni ta' Marija magħrufa bħala l-Knisja Parrokkjali ta' Santa Marija hija knisja parrokkjali Kattolika Rumana Barokka. Din il-knisja taqdi lir-raħal tal-Gudja, f'Malta .

Il-parroċċa ta' Bir Miftuħ, illum parti mill-Gudja, kienet waħda mill-parroċċi medjevali msemmija fir-rapport tal-Isqof De Mello fl-1436. Il-knisja parrokjali dak iż-żmien kienet għadha dik ta' Santa Marija ta' Bir Miftuħ. Wara li kibret il-popolazzjoni, il-poplu Gudjan iddeċieda li jmexxi l-knisja parrokkjali għaċ-ċentru tar-raħal u mhux fiċ-ċentru Medjevali. B' hekk fl-1656 beda l-pjan għal bini ta' knisja ġdida, dik preżenti llum il-ġurnata fuq il-pjanti ta' Tumas Dingli. Il-knisja tlestiet fl-1666 u ġiet ikkonsagrata fil-11 ta' Diċembru tal-1785 mill-isqof Labini. Fl-1858 ġie deċiż li jitneħħa l-kampnar li fassal Tumas Dingli u minflok jinbena kampnar fuq wara fil-ġenb tal-knisja. Dan il-kampnar hu fuq stil neoklassiku, fuq il-pjanta tal-inġinier Ingliż William Baker u mibni mill-mastru Gudjan Rużar Formosa. Il-kampnar illum il-ġurnata hu magħruf bħala l-kampnar ta' William Baker imma fil-passat kien aktar magħruf bħala l-kampnar il-qadim.