Aqbeż għall-kontentut

Knejjes Barokki tal-Filippini

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja ta' Miagao.

Il-Knejjes Barokki tal-Filippini huma ġabra ta' erba' knejjes Barokki tal-era kolonjali Spanjola fil-Filippini, li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1] Il-knejjes jitqiesu wkoll bħala teżori kulturali nazzjonali tal-pajjiż.[2]

Kuntest storiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm konglomerazzjoni ta' fatturi li wasslu għall-preżenza tal-elementi Barokki fl-arkitettura tal-Filippini, b'mod speċifiku fl-arkitettura tal-knejjes. Matul il-perjodu kolonjali Spanjol (1565–1898), waslu l-missjunarji Spanjoli, li qasmu mhux biss ir-reliġjon tagħhom iżda wkoll l-arkitettura tagħha, ispirata minn art twelidhom. L-Ispanjoli xtaqu joħolqu knejjes permanenti u dejjiema bħala xhieda tas-setgħa ta' Alla, u ma kinux iqisu li l-istrutturi tal-knejjes ta' żmienhom fil-Filippini kienu postijiet xierqa ta' qima.[3] Peress li l-biċċa l-kbira tal-missjunarji Spanjoli ma kinux imħarrġin fl-arkitettura jew fl-inġinerija, kienu jkunu r-raħħala, inkluż il-migranti Filippini u Ċiniżi, flimkien mal-patrijiet Spanjoli, li kienu jieħdu sehem fil-kostruzzjoni u fid-disinn tal-knejjes lokali. Il-kombinament ta' ideat tal-missjunarji u taċ-ċittadini lokali effettivament ħolqu fużjoni ta' disinni Spanjoli nattivi mal-istil Orjentali uniku. L-estetika tal-knejjes issawret ukoll minħabba l-aċċess limitat għal ċertu materjali, u minħabba l-ħtieġa ta' rikostruzzjoni u ta' adattamenti għad-diżastri naturali, fosthom in-nirien u t-terremoti, u b'hekk inħoloq stil li xi kultant jissejjaħ bħala l-Barokk tat-Terremoti.[4] Il-Knejjes Barokki tal-Filippini jinkludu erba' knejjes Kattoliċi Rumani li nbnew bejn is-sekli 16 u 18 matul il-perjodu tal-Ispanjoli fil-Filippini. Dawn il-knejjes jinsabu f'żoni separati tal-arċipelagu tal-Filippini; tnejn jinsabu fil-gżira tat-Tramuntana ta' Luzon, waħda fil-qalba tal-Intramuros, Manila, u l-oħra fiċ-ċentru tal-gżejjer Visayas fil-Provinċja ta' Iloilo.

L-erba' knejjes Barokki tal-Filippini jitqiesu bħala Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-importanza kulturali tagħhom u l-influwenza tagħhom fuq id-disinn arkitettoniku futur fil-Filippini. Il-knejjes għandhom ċerti karatteristiċi qishom ta' "fortizzi Barokki", bħal ħitan ħoxnin u faċċati għoljin li joffru protezzjoni minn xi attakki ta' ħallelin kif ukoll minn xi diżastri naturali. Dan il-grupp ta' knejjes stabbilixxa stil ta' bini u disinn li ġie adattat għall-kundizzjonijiet fiżiċi fil-Filippini, u kellhom influwenza kbira fuq l-arkitettura tal-knejjes li nbnew warajhom fir-reġjun.

L-erba' knejjes joħorġu fid-dieher l-istil Barokk b'ikonografija elaborata u xeni dettaljati mill-ħajja ta' Ġesù Kristu, b'fużjoni ta' valuri Kattoliċi tradizzjonali minn Spanja mal-elementi tal-gżejjer bħall-friegħi tal-palm jew qaddisin patruni lebsin ilbies tradizzjonali tal-gżejjer imnaqqxin flimkine ma' xeni mill-Bibbja. It-tiżjin lussuż jirrifletti wkoll l-attitudni Filippina rigward l-estetika tat-tiżjin, magħrufa bħala horror vacui, jew "biża' tal-ispazji vojta". Ix-xewqa li kull spazju vojt jimtela hija evidenti fit-tiżjin tal-knejjes, mimlijin motivi kulturali mid-dinja tal-Punent flimkien ma' elementi tradizzjonali tal-Filippini.

Knisja ta' Santu Wistin f'Manila

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' Santu Wistin f'Manila.

Il-Knisja ta' Santu Wistin f'Manila, magħrufa wkoll bħala l-Knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata ta' Santu Wistin, kienet l-ewwel knisja li nbniet fil-gżira ta' Luzon fl-1571, eżatt wara l-konkwista Spanjola ta' Manila. Sit fi ħdan id-distrett ta' Intramuros ġie assenjat lill-Ordni Awgustinjana, l-ewwel li evanġelizzaw fil-Filippini. Fl-1587, l-iżjed binja mhux permanenti li kienet mibnija bl-injam u bil-friegħi tal-palm ġiet sostitwita bi knisja u monasteru tal-ġebel; dan tal-aħħar imbagħad sar is-sede tal-Ordni Awgustinjana fil-Filippini. Fl-1854 żdiedu żewġ torrijiet tal-kampnari, iżda l-kampnar tat-Tramuntana mtela konsenturi fit-terremot tal-1880 u kellu jitwaqqa'. Minħabba l-periklu ta' diżastri naturali, il-biċċa l-kbira tal-estetika tal-knisja kellha tiġi ssagrifikata favur id-durabbiltà u l-funzjonalità tal-knisja. Fl-1762, matul il-Gwerra tas-Seba' Snin, il-qawwiet Brittaniċi serqu r-rikkezzi tal-knisja. Fl-1898, fil-Knisja ta' Santu Wistin l-Amerikani u l-Ispanjoli ddiskutew dwar iċ-ċediment ta' Manila lill-Amerikani u l-Ispanjoli ffirmaw il-qbil hemmhekk.

Minn ġewwa l-knisja fiha opri tal-arti li jmorru lura għas-seklu 19, b'pitturi trompe-l'œil magħmula mill-pitturi Taljani Alberoni u Dibella, iżda dawn saru fuq l-affreski oriġinali tal-knisja. Il-knisja ġiet imżejna b'retablo fin, pulptu, ambone u sedji tal-kor. Barra minn hekk, il-knisja fiha wkoll dettalji Orjentali, fosthom klieb fu Ċiniżi maġenb id-daħla tal-binja. Ta' interess speċjali huma s-sensiela ta' kappelli laterali bil-kripti fiż-żewġ naħat tan-navata. Il-ħitan li jisseparawhom jagħmluha ta' riffieda. Il-volta tal-ġebel b'għamla ta' bittija, il-koppla, u l-vestibolu bil-ħnejjiet huma kollha uniċi fil-Filippini, l-istess bħat-tiżjin li spiss jinkludi l-flora lokali. Kumpless ta' monasteru fl-imgħoddi kien ikkollegat mal-knisja permezz ta' sensiela ta' kjostri, arkati, btieħi u ġonna. Il-knisja kienet l-unika struttura fl-Intramuros li rreżistiet il-Liberazzjoni ta' Manila fl-1945.

Fil-kappella lapterali tal-knisja hemm il-fdalijiet tal-Ispanjol Miguel Lopez de Legaspi, il-fundatur tal-belt ta' Manila, il-belt kapitali tal-Filippini.[5]

Knisja ta' Santa Marija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' Santa Marija fin-Nofsinhar ta' Ilocos.

Il-Knisja ta' Santa Marija, magħrufa wkoll bħala l-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, tinsab fil-muniċipalità ta' Santa Maria, fin-Nofsinhar ta' Ilocos. Għad-differenza ta' knejjes oħra tal-bliet fil-Filippini, li jikkonformaw mat-tradizzjoni Spanjola li jinsabu fil-pjazza ċentrali, il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna bil-kunvent tagħha tinsab fuq għolja mdawra b'ħajt difensiv. Il-fatt li l-kunvent jinsab parallel mal-faċċata tal-knisja u li t-torri tal-kampnar huwa separat (karatteristika tal-arkitettura Filippina-Ispanika) f'nofs il-ħajt tan-navata huma karatteristiċi mhux tas-soltu. Dan kien minħabba li l-knisja nbniet fuq għolja.

Il-knisja tal-brikks issegwi l-konfigurazzjoni standard fil-Filippini, b'faċċata monumentali li taħbi l-linja dritta tas-saqaf fuq binja rettangolari twila. Jingħad li l-knisja nbniet fuq raff solidu bħala prekawzjoni kontra l-ħsarat mit-terremoti. Il-ħitan ma fihom tiżjin iżda fihom daħliet laterali b'tinqix delikat u riffieda b'saħħithom.[6]

Knisja ta' Paoay

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' Paoay fit-Tramuntana ta' Ilocos.

Il-Knisja ta' Paoay, magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' Santu Wistin, tinsab f'Paoay, fit-Tramuntana ta' Ilocos. Hija l-iżjed eżempju straordinarju fil-Filippini ta' arkitettura bl-istil Barokk tat-Terremoti. Erbatax-il riffieda huma rranġati tul il-linji ta' volta ġganteska li tirfed waħda iżgħar, b'tiżjin piramidali fuqha. Par riffieda f'nofs kull ħajt tan-navata fihom taraġ li jagħti aċċess għas-saqaf. Il-parti t'isfel tal-apsida u l-biċċa l-kbira tal-ħitan inbnew bi blokok tal-ġebel tal-qroll, u s-sulari ta' fuq tlestew bil-brikks, iżda din l-ordni ġiet invertita fuq il-faċċata. It-torri enormi tal-kampnar tal-ġebel tal-qroll, li żdied nofs seklu wara li tlestiet il-knisja, jinsab isseparat mill-knisja, mill-ġdid bħala protezzjoni mill-ħsarat tat-terremoti. Il-Knisja ta' Paoay inbniet bil-brikks moħmija, bil-blat tal-qroll, bis-salbot (polpa tas-siġar) u bl-injam, u sserraħ fuq 24 riffieda mnaqqxa enormi. Din kienet soluzzjoni arkitettonika għall-ambjent naturali diffiċli tal-inħawi. Fiż-żewġ naħat tan-navata hemm l-iżjed riffieda voluminużi tal-ġebel fil-gżejjer kollha. Intuża ġebel tal-qroll kbir ħafna għas-sular t'isfel filwaqt li l-brikks intużaw għas-sulari ta' fuq tal-knisja. Il-ħitan huma ħoxnin 1.67 metru u ġew magħmula bl-istess materjali. It-torri tal-kampnar isseparat huwa ta' interess notevoli billi s-saffi mtarrġin tiegħu jenfasizzaw l-istil Orjentali, struttura unika li tirrifletti d-disinn ta' pagoda.

Minn barra l-knisja hija magħmul mill-ġebel tal-qroll u mill-brikks, miżmuma flimkien bit-tkaħħil bil-meraq tal-kannamiela, bil-weraq tal-mango, u bil-ħuxlief tar-ross fost l-ingredjenti oħra. Il-faċċata tal-knisja fiha ħjiel ukoll tal-Gotiku b'pilastri estiżi minn fuq għal isfel, u b'hekk joħolqu moviment vertikali b'saħħtu. Filwaqt li minn barra l-knisja hija mżejna bir-rużuni u bil-motivi tal-fjuri li jfakkru fit-tempji ta' Ġava, minn ġewwa l-knisja hija sempliċi u solenni. Oriġinarjament is-saqaf tal-knisja minn ġewwa kien impitter, iżda llum kulma fadal huma ftit fdalijiet tax-xeni grandjużi li fl-imgħoddi kienu jżejnu s-saqaf.[7]

Knisja ta' Miagao

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' Miagao f'Iloilo.

Il-Knisja ta' Miagao, magħrufa wkoll bħala l-Knisja ta' San Tumas ta' Villanueva, tinsab fl-ogħla punt tar-raħal ta' Miagao, Iloilo. It-torrijiet tal-kampnari tal-knisja kienu jintużaw għall-għassa kontra l-attakki Musulmani u jingħad li hija l-ifjen eżempju eżistenti ta' "Fortizza Barokka". Il-faċċata mill-isbaħ hija epitomija tat-trasfigurazzjoni Filippina ta' elementi dekorattivi tal-Punent, bil-figura ta' San Kristofru fuq il-frontun liebes bl-ilbies nattiv, iġorr lill-Bambin Ġesù fuq dahru, u jżomm ma' siġra tal-palm tal-ġewż tal-Indì għall-appoġġ. Maż-żewġ naħat tal-faċċata kollha mżewqa bit-tiżjin hemm torrijiet enormi tal-kampnari ta' għoli mhux indaqs. Dawn iż-żewġ kampnari huma asimetriċi peress li ġew iddisinjati minn żewġ patrijiet f'okkażjonijiet differenti. Minn ġewwa l-knisja għandha artal maġġuri, li huwa maħsub li kien l-artal oriġinali tas-seklu 18 li kien intilef qalb in-nirien, iżda mbagħad ġie rkuprat fl-1982. L-artal huwa indurat b'motivi Barokki, u huwa magħmul minn tliet alkovi li fihom l-effiġji ta' San Tumas ta' Villanova u ta' San Ġużepp, bil-kurċifiss fin-nofs.[8]

Il-Pont ta' Binondo–Intramuros.

Il-Pont ta' Binondo-Intramuros tlesta fl-2022.[9] Għalkemm il-pont jinsab madwar 550 metru 'l bogħod mill-Knisja ta' Santu Wistin f'Manila, x'aktarx li qabeż kemxejn iż-żona ta' lqugħ preskritta għall-knisja, li tinkludi s-swar ta' Intramuros u l-inħawi esterni tal-madwar.[10][11] Li kieku l-Knisja ta' Santu Wistin f'Manila kellha titneħħa mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, magħha jitneħħew ukoll it-tliet knejjes Barokki l-oħra fil-Filippini peress li flimkien jgħoddu bħala sit wieħed.[12][13]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knejjes Barokki tal-Filippini ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 u s-sit ġie estiż fl-2013.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Estensjoni possibbli

[immodifika | immodifika s-sors]

L-estensjoni tal-Knejjes Barokki tal-Filippini ġiet proposta bħala sit indikattiv għall-ġejjieni. Din l-estensjoni proposta, jekk tiġi aċċettata, iżżid ħames knejjes oħra li joħorġu fid-dieher l-interpretazzjoni lokali tal-arkitettura Barokka.[14] Il-ħames knejjes huma dawn li ġejjin:

  • il-Knisja ta' Loboc f'Bohol;
  • il-Knisja ta' Boljoon f'Cebu;
  • il-Knisja ta' Guiuan fil-Lvant ta' Samar;
  • il-Knisja ta' Tumauini f'Isabela;
  • il-Knisja ta' Lazi f'Siquijor.
  1. ^ a b ċ "Baroque Churches of the Philippines - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-23.
  2. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2025-01-23.
  3. ^ Villalon, Augusto Fabella (1996-11-01). "Baroque churches of the Philippines". UNESCO Courier . 49 (11): 44–47.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ del Castillo, Fides A. (April 10, 2015). "Christianization of the Philippines". Mission Studies. 32 (1): 47–65. doi:10.1163/15733831-12341379. ISSN 0168-9789.
  5. ^ "San Agustin Church (Intramuros, Manila)" (bl-Ingliż). 2006-07-29. Miġbur 2025-01-23.
  6. ^ "Information about Paoay Church". Guide to the Philippines (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  7. ^ "Paoay Church" (bl-Ingliż). 2006-07-27. Miġbur 2025-01-23.
  8. ^ "MIAGAO CHURCH : UNESCO WORLD HERITAGE SITE". thehappytrip.com. Miġbur 2025-01-23.
  9. ^ Flores, Helen. "Duterte leads inauguration of Binondo-Intramuros bridge". Philstar.com. Miġbur 2025-01-23.
  10. ^ "Unesco lauds PH on Baroque churches but . . ". Lifestyle.INQ (bl-Ingliż). 2021-09-13. Miġbur 2025-01-23.
  11. ^ "China-funded bridge risks Unesco World Heritage status of San Agustin church, 3 others". Lifestyle.INQ (bl-Ingliż). 2018-11-18. Miġbur 2025-01-23.
  12. ^ Corrales, Nestor (2019-04-25). "NCCA won't allow delisting of 4 PH churches from World Heritage Sites". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  13. ^ Esguerra, Darryl John (2018-11-22). "Palace assures China-funded bridge won't affect World Heritage status of San Agustin Church". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
  14. ^ "Baroque Churches of the Philippines (Extension) | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2025-01-23.