Kibbeh

Il-kibbeh (pronunzja: /ˈkɪbi/; magħrufa wkoll bħala kubba u spelluta b'modi oħra; bl-Għarbi: كبة, b'ittri Rumani: kibba; bl-Għarbi Eġizzjan: كبيبة, b'ittri Rumani: kobeba) hija ikla popolari fid-dinja Għarbija u b'mod partikolari fil-Lvant. Din l-ikla hija magħmula bil-kapuljat tal-laħam imħawwar u bil-qamħ tal-bulgur. Il-kibbeh titqies bħala l-ikla nazzjonali tal-Libanu u tas-Sirja.[1][2]
Fil-gastronomija tal-Lvant, il-kibbeh issir bit-taħlit tal-qamħ tal-bulgur mal-laħam sabiex jitħejjew pulpetti fini b'għamla ovojdali, u miżjuda bil-prinjoli inkaljati u bil-ħwawar. Din l-ikla tista' tissajjar fuq tilar, moqlija fiż-żejt, mixwija jew servuta nejja. Il-belt Sirjana ta' Aleppo tiftaħar li għandha mill-inqas 17-il tip ta' kibbeh. Fil-gastronomija tal-Mesopotamja jeżistu varjazzjonijiet bir-ross jew bid-dqiq.[3]
'Il barra mil-Libanu u mis-Sirja jeżistu varjazzjonijiet tal-kibbeh f'Ċipru, fl-Eġittu, f'Iżrael, fil-Palestina, fil-Golf Persjan, fl-Armenja, fit-Turkija, u fost il-poplu Assirjan. Il-kibbeh teżisti wkoll fil-pajjiżi tal-Amerka Latina li laqgħu għadd sostanzjali ta' immigranti mil-Lvant fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, kif ukoll f'partijiet mill-Amerka ta' Fuq.[4]
Il-kelma moderna kibbeh (bl-Għarbi: كبة) oriġinat mill-għerq Għarbi k-b-b (bl-Għarbi: ك-ب-ب).
L-użu tal-kelma kubbeh biex tirreferi għall-ikel bil-mili jaf oriġina wkoll mil-lingwa Akkadjana, kubbu. Il-kelma kubbeh stess feġġet fit-testi Bibbliċi tal-qedem, u kienet tfisser "tinda" jew "għata". Iktar 'il quddiem il-kelma ħadet tifsira ġdida bl-Aramajk bħala kababa, jiġifieri "għata".
Il-ktieb tat-tisjir tas-seklu 10 ta' Ibn Sayyar al-Warraq irrefera għall-pulpetti tal-laħam bħala kubab (kubba bis-singular).

Kif innotat mill-istoriku tal-ikel Nawal Nasrallah, l-iżjed tismija bikrija tal-kibbeh kif nafuha llum, magħmula minn qoxra mimlija ta' kapuljat u qamħ, saret fix-xogħol tas-seklu 18 Taj al-'Arus min Jawahir al-Qamus. It-test jiddeskriviha bħala għamla tonda ta' kapuljat u dqiq tar-ross magħmula mill-poplu ta' "al-Sham" (il-Lvant).
Il-missjunarju Metodist Amerikan American William McClure Thomson innota fil-memorji tiegħu ta' matul iż-żjara tal-1847 fil-Libanu li l-kibbeh, li dak iż-żmien kienet issir bit-tħin tal-qamħ bil-lida u l-mehrież, kienet popolari ħafna. Huwa ddeskriviha bħala "l-ikla nazzjonali tal-Għarab", minkejja l-assoċjazzjoni tagħha mal-Lvant. L-Orjentalist Żvediż Jacob Berggren iddeskriva tmien tipi ta' kibbeh fid-dizzjunarju tiegħu tal-1844, u semma wkoll proverbju dwar l-importanza soċjali tagħha: "[...], mingħajr il-koubbé tagħna, konna mmutu lkoll".
Il-ktieb tat-tisjir tal-1885 ta' Bejrut Ustadh al-Tabbakhin tal-awtur Khalil Khattar Sarkis ipprovda 15-il riċetta tal-kibbeh, u kien jinkludi riċetti għall-kibbeh labaniyyeh, għall-kiyyeh bil siniyyeh, għall-kibbeh mashwiyyeh, fost l-oħrajn. L-Enċiklopedija Komparattiva ta' Aleppo tal-awtur Sirjan Khayr al-Din al-Asadi (li tlestiet fl-1971 u ġiet ippubblikata wara mewtu fl-1981) iddeskriviet 58 tip differenti ta' kibbeh.
Varjazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Lvant
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kibbeh nayyeh hija ikla nejja magħmula minn taħlita ta' bulgur, kapuljat tal-laħam taċ-ċanga jew tal-ħaruf imqatta' fin ħafna, simili għal tartar tal-laħam, u ħwawar tal-Lvant, servuta fuq platt spiss bħala parti minn meze fil-Libanu u fis-Sirja, imżejjen bil-weraq tan-nagħniegħ u ż-żejt taż-żebbuġa, flimkien mal-basal aħdar, il-bżar aħdar pikkanti, u l-ħobż tat-tip pita jew markouk. Peress li l-kibbeh nayyeh hija ikla nejja, teħtieġ laħam ta' kwalità għolja u titqies bħala mod tradizzjonali kif jintlaqgħu l-mistednin.
Il-kibbeh labaniyeh (bl-Għarbi: كبة لبنية) hija varjant tal-kibbeh li tissajjar fil-jogurt u tisserva fuq ir-ross. Din l-ikla hija popolari fil-Libanu u fis-Sirja. Il-kibbeh mishwiyyeh (bl-Għarbi: كبة مشوية) hija kibbeh mixwija minflok moqlija.
Il-Kibbeh bil siniyeh (bl-Għarbi tal-Lvant: كبة بالصينية) hija varjazzjoni tal-kibbeh fejn il-mili bil-laħam jiddeffes bejn żewġ saffi ta' għaġina tal-kibbeh u wara jinħema; din l-ikla hija popolari fil-Libanu u fis-Sirja.
Libanu
[immodifika | immodifika s-sors]
Fil-Libanu jeżistu wkoll verżjonijiet tal-kibbeh mingħajr laħam, u xi kultant jissejħu "kibbeh tal-foqra". Il-mili jsir bil-basal, bil-ġellewż u bil-qamħ. Il-Kibbet samak, magħmula bil-ħut, hija popolari fost il-Musulmani Sunniti fit-Tramuntana tal-Libanu.
Il-kibbeh tal-patata hija varjazzjoni ta' kibbeh fejn il-patata titħallat mal-bulgur. Spiss titlesta bi tliet saffi: saff tal-patata, segwit mill-mili tal-laħam, u wara saff ieħor tal-patata fil-wiċċ. L-awtriċi Claudia Roden tiddeskrivi din l-ikla bħala "shepherd's pie Orjentali". Din l-ikla hija popolari ferm fil-Libanu.
Sirja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt Sirjana ta' Aleppo hija magħrufa għall-bosta varjetajiet ta' kibbe. Dawn jinkludu l-kibbeh imħejjija bis-sumak (kibbe sumāqiyye), bil-jogurt (kibbe labaniyye), bl-isfarġel (kibbe safarjaliyye), bil-meraq tal-lumi (kibbe ḥāmḍa), biz-zalza tar-rummien (kibbeh rummaniyeh), biz-zalza taċ-ċirasa, u varjetajiet oħra, bħall-kibbeh tonda (kibbe arāṣ), "platt" tal-kibbeh (kibbe biṣfīḥa jew kibbe bṣēniyye) u l-kibbeh nejja (kibbeh nayyeh). Il-kibbeh sajiyeh (bl-Għarbi: كبة صاجية) hija kibbeh b'għamla tonda rqiqa bil-mili tal-laħam li tradizzjonalment tiġi miblula fil-jogurt.

Soppa Sirjana magħrufa bħala l-kubbi kishk tikkonsisti minn kubbi ("blalen") fil-jogurt (kishk) u brodu tal-kaboċċi u l-butir. Soppa oħra, magħrufa bħala l-kibbeh hamda, tikkonsisti minn stokk tat-tiġieġ bil-ħxejjex (normalment kurrat, karfus, ġdur u qarabagħli), meraq tal-lumi u tewm, b'kibbeh żgħar magħmula bir-ross mitħun bħala pulpetti. Fid-diaspora Lhudija Sirjana, din l-ikla hija popolari kemm għall-Pesach kif ukoll bħala ikel qabel is-sawm lejliet il-Yom Kippur.
Il-kubba Mosul fl-Iraq tkun ċatta u tonda, u ngħatat isem il-belt ta' Mosul. Il-kubba Halab hija verżjoni Iraqqina tal-kibbeh li ssir b'qoxra tar-ross u tal-patata, u ngħatat isem l-ikbar belt fis-Sirja, Aleppo. Il-kubbat shorba hija verżjoni Iraqqina u Kurda li titħejja bħala stuffat, u spiss tkun magħmula bil-ġdur u bis-selq f'stuffat biz-zalza tat-tadam. Spiss tisserva flimkien mal-arak u diversi insalati.
Fost il-Lhud Kurdi, hemm soppa tal-kubba mħawra bil-weraq tas-sagħtar li tisserva fix-xitwa.
Fit-Turkija, il-kibbeh tissejjaħ içli köfte.
Diversi varjanti tal-içli köfte huma protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi mill-Uffiċċju tal-Privattivi u tal-Marki Kummerċjali tat-Turkija:
- il-varjetà ta' içli köfte ta' Adana. Din hija forma ta' içli köfte mixwija fuq virga;
- il-Malatya içli köftesi hija pulpetta tal-bulgur li titgħalla minflok tinqela;
- il-Polat içli köftesi hija pulpetta tal-bulgur mgħollija bil-mili tal-laħam taċ-ċanga u l-basal.
Eġittu
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-Eġittu, il-kibbeh tissejjaħ kobeba (bl-Għarbi Eġizzjan: كبيبة). Jeżistu wkoll varjazzjonijiet tal-kobeba bil-frott tal-baħar, bħall-kobeba tal-gambli, li hija ikla popolari f'Port Said.
Amerka Latina
[immodifika | immodifika s-sors]Il-quibe Brażiljana xi kultant issir bil-mili tal-Catupiry jew varjetà oħra ta' requeijão, zalza simili għall-irkotta u pejst tal-ġobon. Il-biċċa l-kbira tal-quibe Brażiljani jsiru bil-kapuljat taċ-ċanga biss, iżda hemm varjazzjonijiet oħra li jsiru bil-mili tat-tahini, tal-carne de soja (proteini tas-sojja), tas-seitan (sostitut tal-laħam ibbażat fuq qamħ Ġappuniż bil-glutina) jew tat-tofu (baqta tal-fażola tas-sojja).
Fl-istat Brażiljan ta' Acre, hemm varjazzjoni ta' quibe msejħa quibe de arroz (kibbeh tar-ross) li ssir bil-panura tad-dqiq tar-ross. Din inħolqot mill-immigranti Għarab tal-Brażil li ma kellhomx aċċess għall-qamħ fir-reġjun remot tal-Amażonja fil-Brażil.
Mal-kosta tal-Karibew tal-Kolombja, il-biċċa l-kbira tal-varjazzjonijiet lokali tal-ikla jużaw il-kapuljat taċ-ċanga minflok tal-ħaruf, iżda r-riċetta oriġinali, jew waħda b'taħlita ta' laħam taċ-ċanga u tal-ħaruf, tiġi servuta mill-popolazzjoni Libaniża u Sirjana kbira tal-inħawi. Din l-ikla kisbet kważi preżenza tradizzjonali u spiss tiġi servuta f'okkażjonijiet soċjali f'familji Għarab u mhux Għarab. Meta tiġi servuta bħala ikla lokali adottata, spiss tiġi offruta bħala bukkun qabel il-platt prinċipali, flimkien ma' speċjalitajiet reġjonali oħra, fosthom l-empanadas, id-deditos u l-carimañolas.
Il-verżjoni tar-Repubblika Dominicana ġabuha magħhom fil-pajjiż l-immigranti Libaniżi.
Xi ikliet reġjonali Sirjani u Libaniżi jikkombinaw il-kibbeh ma' elementi meħuda mill-gastronomija tal-Amerka Latina; pereżempju, tipikament il-Messikani Sirjani jieklu l-kibbeh tradizzjonali flimkien maz-zalza ħadra pikkanti.
Ħafna jsostnu li l-kibbeh hija platt pjuttost diffiċli biex tlestih, u b'hekk, il-kwalità tal-kibbeh titqies bħala punt referenzjarju tal-ħila ta' kok fl-Iraq u fil-Lvant.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Top 10 National Dishes -- National Geographic". 2011-09-13. Miġbur 2026-04-04.
- ↑ George, Maria. Mediterranean Cuisine: Flavors for a Healthier You, Christian Faith Publishing, Inc. 2019, p. 301.
- ↑ Annia Ciezadlo (2012). Day of Honey: A Memoir of Food, Love, and War. Simon and Schuster. p. 361. ISBN 978-1-4391-5753-4.
- ↑ Sisters, The Kitchen (2008-01-31). "Kibbe at the Crossroads: A Lebanese Kitchen Story" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-04-04.