Aqbeż għall-kontentut

Khuttal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Wieħed mis-siti arkeoloġiċi ta' Khuttal.

Khuttal, spiss magħrufa wkoll fil-forma bil-plural Khuttalan (kif ukoll varjanti oħra bħal Khutlan, Khatlan, f'sorsi Ċiniżi K'o-tut-lo), kienet reġjun u prinċipat Medjevali fix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Oxus (illum il-ġurnata magħrufa bħala Amu Darya), u tinsab bejn it-tributarji tagħha Vakhsh u Panj. Khuttal tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-Provinċja moderna ta' Khatlon tat-Taġikistan.

Ir-reġjun ta' Transoxiana fis-seklu 8.

Il-Prinċipat ta' Khuttal pre-Iżlamiku kellu rwol attiv, xi kultant bħala alleat, xi kultant bħala għadu, tal-Umajjad matul il-ħakma Musulmana ta' Transoxiana, u ma kienx qabel is-750-751 li l-Abbasidi rnexxielhom jistabbilixxu kontroll dirett fuqha. Fergħa tal-Baniġuridi ta' Tokharistan kellhom it-tmexxija f'idejhom fir-rigward tal-inħawi taħt l-Abbasidi, u kienu jirrikonoxxu l-poter fewdali tas-Samanidi fis-seklu 10.[1]

Milli jidher fl-inħawi kien hemm linja awtonoma ta' mexxejja fis-sekli 11-12, meta l-ewwel Khuttal sfat taħt il-kontroll dgħajjef tal-Gażnavidi, u wara f'nofs is-seklu 11 tal-Imperu tas-Seljuk. Malli batta l-poter tas-Seljuk, Khuttal għaddiet taħt il-kontroll tal-Guridi u tax-shahs ta' Kwarazm, u taħthom mhija magħrufa l-ebda linja ta' prinċpijiet-mexxejja.[1]

Fis-seklu 13, Khuttal saret parti mill-Imperu tal-Mongoli u tas-suċċessur tiegħu, il-Khanat ta' Chagatai, u b'hekk reġgħet feġġet bħala prinċipat awtonomu wara li dan tal-aħħar sfaxxa f'nofs is-seklu 14. Fis-seklu 16, ix-Xajbanidi ħadu l-kontroll ta' Khuttal, u isem dan ir-reġjun ma baqax jintuża iktar, u minflok ġie sostitwit b'Kulob.[1]

F'Lulju 2025, is-Siti tal-Wirt Kulturali ta' Khuttal tal-Qedem tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Siti tal-Wirt Kulturali ta' Khuttal tal-Qedem ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

  1. ^ a b ċ "ḴOTTAL" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-21.
  2. ^ a b ċ UNESCO World Heritage Centre. "Cultural Heritage Sites of Ancient Khuttal". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-21.
  3. ^ "Ancient Khuttal in Tajikistan Added to UNESCO World Heritage List - The Times Of Central Asia" (bl-Ingliż). 2025-07-14. Miġbur 2025-07-21.