Khami
Khami (spelluta wkoll bħala Khame, Kame jew Kami) hija belt fi stat ta' fdalijiet li tinsab 22 kilometru (14-il mil) fil-Punent ta' Bulawayo, iż-Żimbabwe. Fl-imgħoddi kienet il-belt kapitali tar-Renju ta' Butua tad-dinastija Torwa. Issa hija monument nazzjonali u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]
Kuntest
[immodifika | immodifika s-sors]L-insedjament li huwa viżibbli llum il-ġurnata kien żvilupp tal-fdalijiet arkitettoniċi li feġġew f'Żimbabwe l-Kbir fis-seklu 13 W.K. u fil-kultura Kopje lokali tal-Leopardi li bniet pjattaformi permezz ta' ħitan bla tkaħħil, li fuqhom inbnew id-djar. Khami tirrappreżenta innovazzjoni li rrikonoxxiet l-ambjent tal-kostruzzjoni. L-inħawi madwar Khami, peress li jinsabu qrib xmara, huma sħan u kien hemm problemi ta' malarja. Il-ġebel li nstab f'Khami (granit laminari) kien differenti mill-ġebel li nstab f'inħawi oħra taż-Żimbabwe (bijotit). B'taħlita ta' dolerit, dan il-ġebel kien iktar diffiċli li jinkiseb mill-barrieri u kien jipproduċi ġebel tal-kostruzzjoni bla għamla partikolari. Huwa stmat li iktar minn 60 % tal-ġebel prodott fil-barrieri ma kienx ta' kwalità tajba biżżejjed biex jintuża fil-kostruzzjoni. B'hekk il-ġebel tal-kostruzzjoni kellu jingħata l-forma, iżda xorta waħda l-ġebel ma kienx adattat għall-kostruzzjoni ta' ħitan qishom tas-sejjieħ mingħajr l-użu ta' tkaħħil u ta' riffieda.[2]
Għaldaqstant il-bennejja għamlu innovazzjoni u minflok ipproduċew ħitan riffieda. It-tieni, il-kostruzzjoni tal-pjattaformi ppermettiet li d-djar ikunu iktar friski minn dawk fil-postijiet fil-beraħ iktar 'l isfel. Din eliminat ukoll il-problema tal-malarja għall-irjali b'xortihom ħażina li baqgħu jissoġġornaw fiż-żoni mibnija. Għad-differenza ta' Żimbabwe l-Kbir, uħud mill-ħitan ta' Khami għandhom pedamenti li nbnew permezz ta' blokok enormi li x'aktarx li kienu jiġu olzati mill-inqas minn erbgħa min-nies. L-iskavi żvelaw binjiet ippjanati sew, speċjalment fil-Kumpless tal-Għolja, li kien okkupat mir-re. Il-kumpless għall-ewwel inbena billi nħolqu artijiet imtarrġa permezz ta' ħitan magħmula minn ġebel fuq xulxin mingħajr l-użu ta' tkaħħil jew riffieda. Dawn il-ħitan stabbli mbagħad kienu jitgħattew b'ħitan ta' ġebel ta' kwalità. Kull art imtarrġa kienet tiġi mżejna b'mudell qisu ta' grilja, ta' xewk tal-aringi, jew ta' korda. L-artijiet imtarrġa kien ikollhom xaqliba 'l ġewwa biex il-gravità ma twassalx biex iċedu. L-artijiet imtarrġa li nħolqu b'dan il-mod kellhom lasti tal-injam x'aktarx biex il-gwardji jkunu jistgħu jżommu magħhom huma u mexjin tul il-ħitan għoljin u weqfin.[2]
Khami kienet il-belt kapitali tad-dinastija Torwa għal madwar 200 sena mill-ħabta tal-1450 u milli jidher ġiet stabbilita fi żmien meta għeb l-istat ta' Żimbabwe l-Kbir. Wara dik id-data (id-data tradizzjonali hija l-1683), inħakmet miċ-Changamire Dombo li mexxew armata ta' ribelli Rozvi mill-istat ta' Mwenemutapa ("Monomotapa"). Milli jidher l-iskavi żvelaw li s-sit ma kienx okkupat wara li r-Rozvi ħadu l-kontroll f'idejhom. Ir-Rozvi għamlu lil Danamombe (Dhlo-Dhlo), sit ieħor tal-fażi ta' Khami, bħala l-belt kapitali tagħhom. Fis-snin 30 tas-seklu 19, seħħew attakki mill-poplu Ndebele li jitkellem bl-iNguni u dawn spostaw ir-Rozvi minn Khami u minn bosta siti oħra li kienu stabbilew.[2]
Is-sit ta' Khami joħroġ fid-dieher seba' żoni mibnija li kienu okkupati mill-familja rjali, u żoni fil-beraħ fil-wied li kienu okkupati miċ-ċittadini komuni. Il-kumpless huwa magħmul minn pjattaformi ċirkolari artifiċjali, xi kultant imtarrġa, tal-ġebel mingħajr l-użu ta' tkaħħil. Il-ħajt riffied għoli 6 metri u twil 68 metru, imżejjen bir-reqqa, tal-pjattaforma fil-preċipizju għandu disinn qisu ta' grilja fit-tul kollu tiegħu. Fuq il-pjattaformi, għoljin bejn 2 metri u 7 metri 'l fuq mill-art, inbnew għorfiet tad-dhaka (tafal) u spazji fil-beraħ fejn kienu jgħixu ċ-ċittadini komuni. Il-fdalijiet ta' kraals għall-bhejjem tal-ifrat u ta' għorfiet għan-nies ordinarji huma viżibbli taħt il-Kumpless tal-Għolja. Il-fdalijiet jinkludu kompartiment irjali jew Kumpless tal-Għolja, li kienet tinsab f'art ogħla mill-binjiet, mill-ħitan tal-ġebel u mill-pjattaformi tal-għorfiet l-oħra, kif ukoll salib Kristjan li huwa maħsub li tqiegħed hemmhekk minn missjunarju kontemporanju. Hemm ukoll il-fdalijiet fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Khami. Huwa maħsub li pjattaformi oħra ntużaw bħala kraals għall-bhejjem tal-ifrat, b'ħajt riffied bi pjanta qisha ta' grilja. Skavi li saru bejn is-sena 2000 u l-2006 żvelaw li l-ħitan fuq in-naħa tal-Punent tal-Kumpless tal-Għolja kienu kollha mżejnin b'disinni ta' grilja, tax-xewk tal-aringi, ta' korda, kif ukoll b'mod varjegat.[2]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-bidu tal-ewwel deċennju tas-seklu 21, il-Mużewijiet u l-Monumenti Nazzjonali taż-Żimbabwe nedew programm ta' konservazzjoni u ta' żamma tar-rekords, bl-iskop li ssir enfasi fuq il-preservazzjoni u r-restawr tal-ħitan tal-ġebel. Sa issa, kisbiet notevoli li saru jinkludu l-istabbilizzazzjoni u r-restawr tal-ħitan imtarrġa fil-pjattaformi ċentrali, tas-salib u tat-Tramuntana. Bejn is-sena 2000 u l-2007, volontarji mill-assoċjazzjoni C.H.A.M ipparteċipaw fi sforz ta' restawr.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monument Nazzjonali tal-Fdalijiet ta' Khami ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Khami Ruins National Monument - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-27.
- ^ a b ċ d Burrett, Rob; Nyoni; Hubbard (2016). Khami: Capital of the Torwa/Butua State. [KhamiPress]. ISBN 978-0-7974-9764-1.
- ^ "Association CHAM | Qui sommes-nous ?". cham-asso (bil-Franċiż). Miġbur 2025-01-27.