Katina Muntanjuża ta' Mulanje

Il-Katina Muntanjuża ta' Mulanje, magħrufa wkoll bħala l-Muntanja ta' Mulanje, hija inselberg kbira u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fin-Nofsinhar tal-Malawi.[1] Il-Quċċata ta' Sapitwa, l-ogħla punt tal-katina muntanjuża b'3,002 metru, hija l-ogħla punt fil-Malawi. Tinsab 65 kilometru fil-Lvant ta' Blantyre, b'elevazzjoni f'salt mill-pjanuri tal-madwar ta' Phalombe u tad-distrett ta' Mulanje. Tifforma parti minn reġjun ekoloġiku propost, li għandu jissejjaħ bħala l-Arċipelagu Muntanjuż tax-Xlokk tal-Afrika.[2]
Il-biċċa l-kbira tal-katina muntanjuża tikkonsisti minn bwar tal-ħaxix f'elevazzjonijiet ta' 1,800–2,200 metru, mifrudin minn fniedaq fondi bil-foresti. Fiha bosta qċaċet individwali li jlaħħqu sa għoli ta' iktar minn 2,500 metru, inkluż il-Quċċata ta' Chambe, li x-xaqliba tal-Punent tagħha tinvolvi l-itwal tixbit mal-blat fl-Afrika.
Il-katina muntanjuża ffurmat bl-intrużjoni tal-magma fil-qoxra tad-Dinja madwar 130 miljun sena ilu. Il-blat tal-madwar ittiekel maż-żmien, u tħalla l-blat igneu reżistenti għall-erożjoni tal-Katina Muntanjuża ta' Mulanje. L-ewwel Ewropew li rrapporta li ra l-katina muntanjuża kien David Livingstone fl-1859, iżda l-investigazzjoni arkeoloġika żvelat l-evidenza ta' żjarat umani lejn il-katina muntanjuża minn Żmien il-Ħaġar 'il quddiem. L-elevazzjoni tal-muntanja hija għolja biżżejjed biex tfixkel il-fluss tal-arja fl-ogħla livell u twassal biex jifforma s-sħab tax-xita madwarha, u b'hekk hija sors importanti ta' ilma tax-xita fil-bidu ta' kważi kull xmara li tgħaddi minn din il-parti tal-Malawi.

Ix-xaqlibiet bil-foresti tal-katina muntanjuża jsostnu industrija mdaqqsa tal-injam. Fl-imgħoddi kien hemm cableway għat-trasport tal-injam mit-tarf tal-promontorju 'l isfel lejn l-Impjant tal-Forestrija ta' Likhubula, iżda ma baqgħetx taħdem u attwalment l-injam jinġarr 'l isfel bl-idejn.
Il-muntanja stess tagħmel parti mir-Riżerva Forestali protetta tal-Muntanja ta' Mulanje. Iċ-ċipress nattiv ta' Mulanje (Widdringtonia whytei) tant ġie maqtugħ li jitqies bħala fil-periklu ta' estinzjoni u l-park fih l-aħħar siġriet eżistenti ta' din l-ispeċi, kif ukoll għadd ta' speċijiet ta' pjanti u ta' annimali oħra — bosta minnhom endemiċi. Pereżempju hemm il-friefet tal-foresti, għasafar bħaċ-cholo alethe u l-apalis tal-ġwienaħ bojod, kamaleonte nanu, wiżgħat, xaħmet l-art, iż-żrinġ żaqżaqi, u speċi rari ta' xaħmet l-art mingħajr saqajn. L-art ta' madwar il-park hija mhedda mill-popolazzjoni dejjem tikber, ix-xejriet tal-użu tal-art bħall-ikklerjar tal-foresti għall-biedja u għall-ħatab, u speċijiet invażivi bħal-lampun dehbi tal-Himalayas (Rubus ellipticus) u ż-żnuber Messikan (Pinus patula).
Il-katina muntanjuża hija popolari għall-mixi u għat-tixbit, u hemm diversi refuġji tal-muntanji sparpaljati fiha li jieħu ħsiebhom il-Klabb tal-Muntanji tal-Malawi u d-Dipartiment tal-Forestrija tal-Malawi. L-ewwel persuna li rnexxielha tixxabbat sal-Quċċata ta' Sapitwa għamlet dan fl-1894, u issa saret l-iktar post popolari għat-tixbit fil-promontorju.
Fl-2014 il-katina muntanjuża ma rnexxilhiex issir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minkejja t-tentattiv ta' nominazzjoni bħala sit indikattiv. Madankollu, fl-2025 irnexxielha titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][3]
Storja umana tal-inħawi ta' Mulanje
[immodifika | immodifika s-sors]Skont leġġenda tal-poplu Chewa, il-poplu li kien jgħix fil-Malawi qabel il-wasla tagħhom kien il-poplu Akafula.[4]
Għalkemm għadha qatt ma nstabet fil-Katina Muntanjuża ta' Mulanje, l-arti fuq il-blat ġiet skoperta fl-għoljiet fil-qrib ta' Machemba u ta' Mikolongwe. Permezz tax-xogħol reċenti mill-Università Kattolika nstabu siti tal-produzzjoni tal-għodod tul il-medda ta' Thuchila li jmorru lura għal Żmien il-Ħaġar Nofsani, jiġifieri madwar 100,000 sena ilu.
L-immigrazzjoni prinċipali tal-poplu Bantu ġiet mill-Baċir tal-Congo fis-seklu 17, meta l-poplu Mang'anja insedja għadd ta' siti madwar l-inħawi ta' Mulanje. Dan kien poplu paċifiku li bena l-għajxien tiegħu mill-ħamrija u mir-riżorsi naturali lokali. Kien hemm kuntatt mad-dinja ta' barra permezz tal-Għarab kostali u l-Portugiżi, u l-kummerċjanti tal-poplu Yao li ġabu magħhom xi merkanzija għat-tpartit mal-avorju u mal-iskjavi.
Il-paċi waslet fi tmiemha bil-migrazzjoni tal-poplu Yao mill-Grigal lejn ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Lag ta' Malawi (li dak iż-żmien kien jissejjaħ bħala l-Lag ta' Nyasa) u ż-żoni għoljin ta' Malawi fis-seklu 19, peress li kien qed jaħrab mill-għawġ tribali intern tiegħu stess. Bid-domanda kostali qawwija, l-attakki mill-iskjavi fil-villaġġi tal-poplu Mang'anja żdiedu sew u l-insedjament spiss kienu sparpaljati. Din is-sitwazzjoni ġiet innotata minn David Livingstone meta vvjaġġa f'dawn l-inħawi f'nofs is-seklu 19.
It-talba ta' Livingstone għall-għajnuna biex jintemm il-kummerċ tal-iskjavi wasslet biex missjunarji u insedjaturi Skoċċiżi jaslu fl-inħawi u dawn stabbilew ruħhom permezz ta' missjoni max-xaqlibiet tal-muntanja u t-tħaddim tal-artijiet għall-agrikoltura, rispettivament. Minkejja tentattivi biex tiġi żviluppata relazzjoni ta' ħbiberija, il-kunflitt mal-poplu Yao żdied u dan malajr wassal għall-vjolenza. Sas-snin 90 tas-seklu 19, il-Brittaniċi ħassew il-ħtieġa li jiġi stabbilit protettorat u stabbilew amministrazzjoni militari fit-Tramuntana tal-muntanja fil-Forti ta' Lister u fin-Nofsinhar fil-Forti ta' Anderson. F'dawn il-fortijiet ġew skjerati suldati Indjani u dan ta bidu għar-rabtiet dejjiema mas-subkontinent Indjan.
Minn dak iż-żmien, seħħew migrazzjonijiet interni tal-poplu Lomwe mil-Lvant Portugiż, peress li kien qed jaħrab mill-għawġ kolonjali kif ukoll tal-poplu Yao, li fil-biċċa l-kbira insedja qalb l-artijiet Ewropej u l-missjonijiet Kattoliċi. Din l-immigrazzjoni kompliet saż-żminijiet reċenti matul l-indipendenza mill-Mozambique u l-gwerer ċivili.
Illum il-ġurnata, dawn it-tliet kulturi tribali għadhom jgħixu madwar il-muntanja b'waħda mill-ikbar densitajiet ta' popolazzjonijiet rurali fl-Afrika. Għalkemm hemm distinzjoni territorjali permezz tal-awtoritajiet tradizzjonali tribali tagħhom, hemm taħlit mifrux fost il-popli.
L-insedjament tal-Ewropej tkattar u żviluppaw l-artijiet estensivi tat-tkabbir tat-te li jirrappreżentaw l-ewwel kultivazzjoni sinifikanti ta' din l-għalla 'l barra mill-pajjiżi tal-oriġini tagħha. Il-missjonijiet wessgħu wkoll is-servizzi tagħhom fl-edukazzjoni u fil-kura tas-saħħa primarja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Muntanja ta' Mulanje ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-klima tal-inħawi tal-Katina Muntanjuża ta' Mulanje tiġi influwenzata ferm miż-żona ekwatorjali bi pressjoni baxxa, fejn l-irjieħ tal-Grigal tal-Emisferu tat-Tramuntana jikkonverġu mal-irjieħ tax-Xlokk tal-Emisferu tan-Nofsinhar. Din iż-żona hija magħrufa bħala Żona ta' Konverġenza Intertropikali. Fuq l-immaġnijiet satellitari, din iż-żona spiss tidher bħala medda twila ta' sħab fir-reġjun ekwatorjali, u l-effett prinċipali tagħha hija l-ħolqien ta' staġuni tan-nixfa u tax-xita fiż-żona ekwatorjali.
Minħabba l-pożizzjoni unika tagħha bħala "gżira-muntanja", il-Katina Muntanjuża ta' Mulanje, li hija ogħla minn 2,500 metru 'l fuq mill-pjanuri tal-madwar, tiġi affettwata ferm miż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali, li taġixxi bħala barriera tax-xita. Dan isir viżibbli ħafna meta wieħed iqabbel ix-xita annwali normali fil-katina muntanjuża u fil-madwar. Il-livell tal-promontorju, f'għoli ta' madwar 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, kull sena jesperjenza iktar minn 2,500 millimetru (100 pulzier) ta' xita, madankollu, fil-pjanuri baxxi madwar il-bażi tal-katina muntanjuża, ix-xita annwali tlaħħaq madwar 40 pulzier. Fil-pjanuri madwar il-muntanja normalment ix-xita tinżel fl-istaġun tax-xita, filwaqt li fil-livell tal-promontorju tinżel xita s-sena kollha.
Għad hemm differenzi fl-ammonti ta' xita madwar il-katina muntanjuża. Ix-xaqliba tal-Lbiċ tal-muntanja madwar Likhubula, Lichenya u Mulanje Boma hija n-naħa fejn jaħkem ir-riħ. B'hekk tesperjenza l-ogħla ammonti ta' xita minħabba l-irjieħ tax-Xlokk tal-emisferu tan-Nofsinhar li jwasslu l-arja bl-indewwa miż-Żambja u mir-Repubblika Demokratika tal-Congo fir-reġjun ta' Mulanje. Ix-xaqliba tal-Majjistral tal-katina muntanjuża tesperjenza inqas xita, minħabba effett ta' kopertura tax-xita.

Ix-xhur tal-istaġun tan-nixfa (Mejju–Awwissu) ikunu l-iżjed xhur friski tas-sena u l-iktar adattati għall-mixi fil-katina muntanjuża. L-istaġun tax-xita (Novembru–April) ma tantx huwa adattat għall-mixi fil-katina muntanjuża, peress li min imur jimxi jrid jiffaċċja xita qliel fil-promontorju u temperaturi għoljin għat-telgħa.
Il-borra qajla tinżel. Jaf tinżel għal ftit iżda l-aħħar darba li niżlet ħafna borra u akkumulat mal-art kien f'Ġunju 1954.[5]
Ċedru ta' Mulanje
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċedru ta' Mulanje (Widdringtonia whytei) ġie pproklamat bħala s-siġra nazzjonali tal-Malawi fl-1984 mill-President ta' dak iż-żmien Hastings Banda. Din is-siġra twila, W. whytei, ingħatat kunjom Alexander Whyte, botaniku tal-gvern kolonjali fi Nyasaland. L-ispeċi ġiet deskritta għall-ewwel darba fl-1894 u tinsab biss fil-Muntanja ta' Mulanje (u fil-Muntanja ta' Mchese, skont jekk wieħed iqisx dik il-popolazzjoni bħala konspeċifika). Ix-xjenzati ma jaqblux dwar jekk din hijiex speċi distinta jew forma ġganteska ta' ċedru ieħor li jinsab fil-muntanja, W. nodiflora, li huwa komuni fin-Nofsinhar tal-Afrika. Il-foresti taċ-ċedru ta' Mulanje ġew stmati fl-2004 li kellhom erja totali mnaqqsa ta' 8.5 km2, nofs tal-kopertura forestali oriġinali stmata. Din l-erja jaf naqset minħabba l-qtugħ illegali kontinwu tas-siġar.
Il-W. whytei hija siġra kbira li dejjem ikollha weraq aħdar, li tikber sa għoli ta' 40–50 metru, filwaqt li l-W. nodiflora għandha għamla ġejja iktar għat-tond, u hija inqas għolja. Fuq il-muntanja, iċ-ċedru ta' Mulanje huwa limitat għal altitudnijiet ta' 1,800-2,550 metru u normalment jikber fil-boskijiet u fil-widien fejn hemm protezzjoni min-nirien.
L-injam taċ-ċedru għandu lewn aħmar mhux skur u jfuħ. Il-kwalitajiet ewlenin tiegħu huma li jinħadem faċilment u jiflaħ ferm, peress li huwa reżistenti naturalment għall-attakki tat-termiti, l-insetti li jattakkaw l-injam u l-fungi. Il-likwidu tas-siġra huwa velenuż għall-insetti. Għal dawn ir-raġunijiet, l-injam kiseb importanza kummerċjali mis-snin 40 tas-seklu 20 'il quddiem, kif deskritt minn Laurens van der Post fil-ktieb tiegħu Venture to the Interior, u sar riżorsa prinċipali għall-bini u għax-xogħol bl-injam. Mill-2010 l-injam jintuża l-iktar fil-produzzjoni tal-arti u tal-artiġjanat lokali, tad-dgħajjes tas-sajd għal-Lag ta' Malawi, u fil-kostruzzjoni u fit-tiżjin ta' bosta binjiet prestiġjużi.
Peress li d-domanda għal dan l-injam hija għolja, is-siġra hija mhedda bl-estinzjoni. Iċ-ċedru ta' Mulanje huwa speċi pijunier, li jfisser li tieħu vantaġġ mis-siti li jiġu ħielsa minn speċijiet kompetituri oħra, iżda tbati iktar meta jkun hemm ħafna kompetizzjoni. Meta n-nirien jeqirdu s-siġar f'żona bil-boskijiet, normalment iċ-ċedru ta' Mulanje jkun l-ewwel speċi ta' siġra li terġa' tistabbilixxi ruħha. Speċijiet oħra jiġu ferm wara, iżda dan għaliex iċ-ċedru jikber relattivament malajr, u b'hekk ma tantx ikollu kompetizzjoni għad-dawl tax-xemx.
Id-Dipartiment tal-Forestrija tal-Malawi huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-foresti taċ-ċedru min-nirien li jikkawżaw tant ħsara. Kull sena, fil-bidu tal-istaġun tan-nixfa, l-irqajja' tal-art li jintużaw biex f'każ ta' nar dan ma jinxteridx jiġu kklerjati mill-veġetazzjoni biex jintużaw bħala barrieri kontra l-avvanz tan-nirien forestali. Barra minn hekk, jitwettaq tqabbid bikri kkontrollat biex il-materjal kombustibbli ma jakkumulax u b'hekk potenzjalment jikkawża nirien kbar u intensivi iktar 'il quddiem fl-istaġun tan-nixfa. Għal iktar sikurezza, gruppi mgħammra b'tagħmir tat-tifi tan-nar jiġu stazzjonati fiż-żoni kollha tal-promontorju prinċipali kull meta jkun hemm periklu ta' nirien forestali.
Apparti li jipprovdi protezzjoni min-nirien, id-Dipartiment tal-Forestrija huwa responsabbli għall-kontroll tal-użu tas-siġar għall-injam. Fl-imgħoddi d-dipartiment ħareġ liċenzji annwali għall-issegar, iżda minħabba żieda f'salt fil-ħsad illegali, l-istaġun tal-issegar ilu magħluq mill-2007. Madankollu, is-suq illegali għaċ-ċedru huwa b'saħħtu u l-ħsad taċ-ċedru għadu ma ntemmx għalkollox. L-injam taċ-ċedru kollu li ġie ssegat wara l-2007 huwa injam illegali, u jista' jiġi kkonfiskat mid-Dipartiment tal-Forestrija u mill-Pulizija tal-Malawi. Fl-2010 kien hemm żieda sinifikanti fl-azzjoni tal-infurzar tal-liġi li involviet timijiet armati tal-forestrija li wettqu rondi fil-foresti taċ-ċedru biex iwaqqfu lil dawk li ppruvaw jissegaw dawn is-siġar illegalment.
Kien hemm ukoll programm sostanzjali ta' tħawwil għall-forestazzjoni mill-ġdid taċ-ċedru ta' Mulanje fis-serer mgħottijin bil-plastik li huma viżibbli madwar il-muntanja. Fl-istaġun tax-xita tal-2008-2009, il-mixtliet ġew stabbiliti fil-muntanja biex jitkabbru iktar minn 50,000 nebbieta li mbagħad tħawwlu, b'rata ta' sopravivenza stmata ta' iktar minn 30 %. Fl-istaġun tal-2009-2010, il-pjan tal-mixtliet kien li jitkabbru iktar minn 20,000 nebbieta, bi strateġija mtejba ta' tħawwil biex tiġi żgurata rata ogħla ta' suċċess.
Il-konservazzjoni taċ-ċedri mhix sigura. Fl-2010 il-Fond Fiduċjarju tal-Konservazzjoni tal-Muntanja ta' Mulanje sostna li l-ispeċi x'aktarx tiġi estinta sal-2020. Iċ-ċedru ta' Mulanje għall-ewwel ġie vvalutat bħala "fil-periklu" fl-1997, u mill-ġdid fl-1998 mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazjoni tan-Natura (IUCN). Ġie vvalutat mill-ġdid bħala "f'periklu kritiku" mill-IUCN fl-2011, meta l-valutatur Aljos Farjon, abbażi tad-data tal-2004, stqarr li l-ispeċi kienet se tesperjenza tnaqqis fil-popolazzjoni ta' 80 % sal-2030. Fl-2019 reġa' ġie vvalutat bħala "f'periklu kritiku", u l-awturi saħqu li kien għad fadal inqas minn 50 siġra matura, u tefgħu l-ħtija fuq l-esportazzjoni barranija. Dan sostnewh abbażi tal-fatt li l-inħawi jinsabu qrib il-fruntiera, il-Malawi ma tantx jagħmel għassa rigoruża, u l-injam la jintuża u lanqas jinbigħ fil-Malawi. Minkejja dawn l-istqarrijiet, il-gvern tal-Malawi u sħab bħall-Fond Fiduċjarju tal-Konservazzjoni tal-Muntanja ta' Mulanje ħawwlu 250,000 nebbieta kull sena f'dawn l-aħħar snin mill-2019. Minbarra r-riskju li din is-siġra tintilef, hemm ukoll it-telf potenzjali tal-pjanti u tal-annimali endemiċi l-oħra li jgħixu f'dawn il-foresti uniċi.[6]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Katina Muntanjuża ta' Mulanje toffri opportunitajiet eċċellenti ta' mixi u tixbit. Il-promontorju jista' jiġi aċċessat fi żmien 3 sa 6 sigħat minn waħda mid-diversi mogħdijiet. Mill-promontorju, wieħed jista' jixxabbat ma' bosta qċaċet. Hemm diversi refuġji li jieħdu ħsiebhom persunal tar-Riżerva Forestali tal-Muntanja ta' Mulanje u tal-Klabb tal-Muntanji tal-Malawi. Dawn joffru akkomodazzjoni rustika lix-xabbaturi u lil dawk li jmorru jimxu fil-katina muntanjuża. Jinkludu Sombani, Chinzama, Minunu, Tuchila, Chombe, Lychenya, fost l-oħrajn. Wieħed jista' jaċċess l-ogħla quċċata ta' Sapitwa mir-refuġju ta' Chisepo.[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 UNESCO World Heritage Centre. "Mount Mulanje Cultural Landscape". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-31.
- ↑ GrrlScientist. "Hundreds Of New Species Discovered On Africa's Isolated Sky Islands". Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-31.
- ↑ "UNESCO adds Cameroon, Malawi sites to heritage list". France 24 (bl-Ingliż). 2025-07-11. Miġbur 2025-07-31.
- ↑ Nurse, G. T. (July 1967). "The Name "Akafula"". The Society of Malawi Journal. 20 (2): 17–22. JSTOR 29778159.
- ↑ Worldmark Encyclopedia of the Nations. Gale Research. 1976. ISBN 9780471748335.
- ↑ Chanyenga, T.; Shaw, K.; Mitole, I. (2019). "Widdringtonia whytei". IUCN Red List of Threatened Species. 2019: e.T33216A126090798. doi:10.2305/IUCN.UK.2019-3.RLTS.T33216A126090798.en.
- ↑ "Mountain Club of Malawi". Mountain Club of Malawi (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2025-05-04. Miġbur 2025-07-31.