Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Neuschwanstein

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Neuschwanstein.

Il-Kastell ta' Neuschwanstein (bil-Ġermaniż: Schloss Neuschwanstein, pronunzja: [ˈʃlɔs nɔʏˈʃvaːnʃtaɪn]; bid-djalett tan-Nofsinhar tal-Bavarja: Schloss Neischwanstoa) huwa palazz storiku tas-seklu 19 li jinsab imperreċ fuq l-għoljiet ta' qabel l-Alpi fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, qrib il-fruntiera mal-Awstrija. Jinsab fir-reġjun ta' Swabja tal-Bavarja, fil-muniċipalità ta' Schwangau, fuq il-villaġġ inkorporat ta' Hohenschwangau, fejn hemm ukoll il-Kastell ta' Hohenschwangau. L-eqreb raħal tal-kastell huwa Füssen. Il-kastell jinsab fuq il-fondoq dejjaq tan-nixxiegħa ta' Pöllat, fil-Lvant tal-Lagi ta' Alpsee u ta' Schwansee, qrib il-bokka tax-xmara Lech li tnixxi fil-Lag ta' Forggensee.

Minkejja li r-residenza prinċipali tal-monarki Bavarjani ta' dak iż-żmien — ir-Residenza ta' Munich — kienet wieħed mill-iżjed kumplessi ta' palazzi estensivi fid-dinja, ir-Re Luwiġi II tal-Bavarja ħass il-ħtieġa li jaħrab mir-restrizzjonijiet li ħass li kien espost għalihom f'Munich, u kkummissjona l-Kastell ta' Neuschwanstein fit-truf remoti tat-Tramuntana tal-Alpi bħala post ta' rtir iżda anke f'ġieħ il-kompożitur Richard Wagner, li hu tassew kien jammira.

Luwiġi għażel li jħallas minn butu għall-palazz billi ssellef b'mod estensiv minflok uża l-fondi pubbliċi Bavarjani. Il-kostruzzjoni bdiet fl-1869 iżda qatt ma tlestiet. Il-kastell kellu jservi bħala residenza privata tar-re iżda miet fl-1886, u nfetaħ għall-pubbliku ftit wara mewtu.[1] Minn dak iż-żmien 'l hawn, iktar minn 61 miljun ruħ żaru l-Kastell ta' Neuschwanstein.[2] Kull sena jżuruh iżjed minn 1.3 miljun ruħ, b'saħansitra 6,000 ruħ kuljum fis-sajf.[3]

Il-muniċipalità ta' Schwangau tinsab f'elevazzjoni ta' 800 metru (2,620 pied) fil-fruntiera tal-Lbiċ tal-istat federali Ġermaniż tal-Bavarja. Madwaru hemm tranżizzjoni bejn l-għoljiet ta' qabel l-Alpi fin-Nofsinhar (lejn il-fruntiera mal-Awstrija fil-qrib) u pajsaġġ bl-għoljiet fit-Tramuntana li meta mqabbel mal-bqija jidher ċatt. Fil-Medju Evu, kien hemm tliet kastelli jħarsu fuq il-villaġġi. Wieħed kien jismu l-Kastell ta' Schwanstein. Fl-1832, missier Luwiġi, ir-Re Massimiljanu II tal-Bavarja, xtara l-fdalijiet tiegħu biex minflok jibni palazz Neo-Gotiku komdu magħruf bħala l-Kastell ta' Hohenschwangau. Il-palazz tlesta fl-1837 u sar ir-residenza tas-sajf tal-familja tiegħu. Ibnu l-kbir Luwiġi (li twieled fl-1845) qatta' l-biċċa l-kbira ta' tfulitu hemmhekk.

Il-Kastell ta' Vorderhohenschwangau u l-Kastell ta' Hinterhohenschwangau kienu jinsabu mperrċin fuq għolja li tħares fuq il-Kastell ta' Schwanstein, iż-żewġ lagi fil-qrib (Alpsee u Schwansee), u l-villaġġ. Isseparat biss minn ħandaq, flimkien kienu jikkonsistu minn sala, fortizza u torri ffortifikat bħala residenza. Fis-seklu 19 kien fadal biss fdalijiet taż-żewġ kastelli Medjevali; dawk ta' Hinterhohenschwangau ntużaw bħala post ta' osservazzjoni magħruf bħala Sylphenturm.

Il-prinċep eredi kien midħla tal-fdalijiet ta' fuq il-palazz tal-familja. Huwa ħażżeż tpinġija ta' wieħed mill-kastelli fid-djarju tiegħu fl-1859. Meta r-re żagħżugħ kiseb il-poter fl-1864, il-kostruzzjoni ta' palazz ġdid minflok il-fdalijiet taż-żewġ palazzi saret l-ewwel proġett ta' kostruzzjoni ta' palazzi tiegħu. Peress li sejjaħ il-palazz il-ġdid bħala l-Kastell l-Ġdid ta' Hohenschwangau, dan wassal għal konfużjoni tant li effettivament isem iż-żewġ kastelli ta' Hohenschwangau u ta' Schwanstein ħadu isem xulxin: il-Kastell ta' Hohenschwangau ħa post il-fdalijiet tal-Kastell ta' Schwanstein, u l-Kastell ta' Neuschwanstein ħa post il-fdalijiet taż-żewġ Kastelli ta' Hohenschwangau. Il-kastell ingħata l-isem ta' Kastell ta' Neuschwanstein wara l-mewt ta' Luwiġi.

Ispirazzjoni u disinn

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Neuschwanstein jinkorpora kemm il-gost arkitettoniku kontemporanju magħruf bħala r-Romantiċiżmu tal-kastelli (bil-Ġermaniż: Burgenromantik) kif ukoll l-entużjażmu tar-Re Luwiġi II għall-opri ta' Richard Wagner. Fis-seklu 19, bosta kastelli nbnew jew ġew rikostruwiti, spiss b'tibdil sinifikanti, biex isiru iktar pittoreski. Iktar kmieni kienu twettqu proġetti simili tal-kostruzzjoni tal-palazzi għal dak tal-Kastell ta' Neuschwanstein f'diversi stati federali tal-Ġermanja u dawn kienu jinkludu dawk tal-Kastell ta' Hohenschwangau, il-Kastell ta' Lichtenstein, il-Kastell ta' Hohenzollern, u bosta binjiet mar-Renu, bħall-Kastell ta' Stolzenfels. L-ispirazzjoni għall-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Neuschwanstein nibtet minn żewġ vjaġġi li Luwiġi għamel fl-1867: wieħed f'Mejju lejn il-Kastell rikostruwit ta' Wartburg qrib Eisenach, u ieħor f'Lulju lejn Château de Pierrefonds, li Eugène Viollet-le-Duc kien qed jittrasforma minn fdalijiet ta' kastell f'palazz storiku.

Luwiġi kien jemmen li ż-żewġ binjiet kienu jirrappreżentaw interpretazzjoni Romantika tal-Medju Evu, kif ukoll il-mitoloġija mużikali tal-ħabib tiegħu Wagner; l-opri Tannhäuser u Lohengrin tiegħu kienu tassew impressjonawh. Fi Frar 1868, in-nannu ta' Luwiġi, ir-Re Luwiġi I tal-Bavarja, miet, u b'hekk illibera flejjes konsiderevoli li qabel kienu qed jintefqu fuq il-kapriċċi tar-re li kien abdika. B'hekk Luwiġi II seta' jibda l-proġett arkitettoniku biex jibni rifuġju privat fil-pajsaġġ familjari għalih 'il bogħod mill-belt kapitali ta' Munich, biex b'hekk ikun jista' jgħix l-idea tiegħu tal-Medju Evu. F'ittra lil Richard Wagner ta' Mejju 1868, Luwiġi kiteb:

Beħsiebni nagħmel rikostruzzjoni tal-fdalijiet tal-kastell antik ta' Hohenschwangau qrib il-Fondoq ta' Pöllat bl-istil awtentiku tal-kastelli antiki tal-kavallieri Ġermaniżi, u nqerr miegħek li ħerqan ħafna li mmur ngħix hemmhekk xi darba (fi żmien 3 snin); ... inti taf lil min nixtieq nistieden hemmhekk; il-pożizzjoni tal-kastell hija waħda mill-isbaħ, sagra u setgħana, tempju xieraq għall-ħabib divin li wassal għas-salvazzjoni u għal barka reali lid-dinja. Se jfakkrek ukoll f'"Tannhäuser" (is-Sala tal-Kantanti b'veduta tal-kastell fl-isfond), f'"Lohengrin'" (il-bitħa interna tal-kastell, kuritur miftuħ u passaġġ li jagħti għal kappella); ... .

Id-disinn tal-binja tħejja mid-disinjatur tal-palk Christian Jank u twettaq mill-arkitett Eduard Riedel. Għal raġunijiet tekniċi, il-fdalijiet tal-kastelli ma setgħux jiġu integrati fil-pjanta. L-ideat inizjali tal-palazz kienu bbażati stilistikament fuq il-Kastell ta' Nuremberg u kien maħsub li jinbena kastell sempliċi minflok il-Kastell antik ta' Vorderhohenschwangau, iżda dawn ġew irrifjutati u ġew sostitwiti minn pjanti tassew estensivi, li laħqu l-qofol tagħhom f'palazz ikbar immudellat fuq il-Kastell ta' Wartburg. Ir-re insista li titħejja pjanta dettaljata u kull abbozz kellu jiġi approvat personalment minnu. Il-kontroll ta' Luwiġi tant kien kbir li l-palazz tqies bħala xi ħaġa maħluqa minnu iktar milli frott ix-xogħol tal-arkitetti involuti. Filwaqt li l-kritiċi tal-arkitettura kontemporanja maqdru l-Kastell ta' Neuschwanstein bħala wieħed mill-aħħar proġetti ta' palazzi kitsch kbar tas-seklu 19, il-Kastell ta' Neuschwanstein u binjiet oħra ta' Luwiġi II issa jitqiesu fost l-aqwa xogħlijiet tal-istoriċiżmu Ewropew. Għal raġunijiet finanzjarji, proġett simili għal dak tal-Kastell ta' Neuschwanstein — il-Kastell ta' Falkenstein — baqa' qatt ma twettaq.

Il-palazz jista' jitqies bħala tipiku tal-arkitettura tas-seklu 19. L-għamliet tal-arkitettura u tal-arti Rumaneska (figuri ġeometriċi sempliċi bħal kubojdi u ħnejjiet semiċirkolari), Gotika (linji ppuntati 'l fuq, torrijiet irqaq, tiżjin delikat), u Biżantina (it-tiżjin tas-Sala tat-Tron) kienu mħalltin b'mod eklettiku u ssupplimentati b'kisbiet tekniċi tas-seklu 19. Il-Patrona Bavariae u San Ġorġ fil-faċċata tal-Palas (il-binja prinċipali) tpittru bl-istil lokali tal-Lüftlmalerei, teknika tal-affreski tipika tad-djar tal-bdiewa ta' Allgäu, filwaqt li l-abbozzi tal-pjanti li qatt ma twettqu tal-gallerija tad-Dar tal-Kavallieri kellhom ħjiel ta' elementi tal-Art Nouveau. Karatteristika tad-disinn tal-Kastell ta' Neuschwanstein huma t-temi teatrali: Christian Jank ħejja abbozzi ta' coulisse mill-esperjenza tiegħu bħala pittur xeniku. L-istil bażiku għall-ewwel kien ippjanat li jkun Neo-Gotiku iżda fl-aħħar mill-aħħar il-palazz primarjament inbena bi stil Rumanesk. It-temi tal-opri jgħaddu gradwalment mit-Tannhäuser u l-Lohengrin għall-Parsifal.

Fl-1868, il-fdalijiet taż-żewġ kastelli Medjevali ġġarrfu għalkollox; il-fdalijiet tal-fortizza antika ġew sploduti. Il-ġebla tax-xewka tal-palazz tpoġġiet fil-5 ta' Settembru 1869; fl-1872 tlestiet il-kantina, u fl-1876 tlesta kollox sal-ewwel sular. Fl-aħħar tal-1882, il-kastell tlesta u ġie mgħammar għalkollox, u b'hekk Luwiġi seta' jissoġġorna proviżorjament hemmhekk u josserva x-xogħol tal-kostruzzjoni li kien għadu għaddej. Fl-1874, il-ġestjoni tax-xogħlijiet ċivili għaddew minn idejn Eduard Riedel għal idejn Georg von Dollmann. Iċ-ċerimonja tat-tlestija tal-Palas saret fl-1880, u fl-1884 ir-re mar jgħix fil-binja l-ġdida. Fl-istess sena, it-tmexxija tal-proġett għaddiet f'idejn Julius Hofmann, wara li Dollmann ma baqax fdat mir-re. Il-palazz inbena bħala kostruzzjoni konvenzjonali tal-brikks u iktar 'il quddiem ġie miksi b'diversi tipi ta' ġebel. Il-ġebla tal-ġir bajda li ntużat għall-faċċati oriġinat minn barriera fil-qrib.

Il-brikks tal-ġebel ramli għall-portali u għat-twieqi ġew minn Schlaitdorf f'Württemberg. L-irħam minn Untersberg qrib Salzburg intuża għat-twieqi, għall-oqfsa tal-ħnejjiet, għall-kolonni u għall-kapitelli. Is-Sala tat-Tron żdiedet wara fil-pjanta u kienet teħtieġ qafas tal-azzar. It-trasport tal-materjali tal-bini ġie ffaċilitat mill-armar u minn krejn tal-istim li kien jgħolli l-materjali sas-sit tal-kostruzzjoni; intuża wkoll krejn ieħor fis-sit tal-kostruzzjoni. L-assoċjazzjoni stabbilita reċentement Dampfkessel-Revisionsverein (l-Assoċjazzjoni tal-Ispezzjoni tal-Bojler tal-Istim) spezzjonat iż-żewġ bojlers regolarment.

Għal kważi żewġ deċennji, is-sit tal-kostruzzjoni kien l-impjegatur prinċipali fir-reġjun. Fl-1880, madwar 200 artiġjan intużaw fis-sit, mingħajr ma jingħaddu l-fornituri u persuni oħra li kienu involuti indirettament fil-kostruzzjoni. Xi drabi meta r-re kien jinsisti fuq skadenzi partikolarment stretti u fuq bidliet urġenti, x'aktarx li kien hemm sa 300 ħaddiem attivi kuljum, xi kultant jaħdmu anke billejl bid-dawl tal-lampi taż-żejt. L-istatistika mill-1879/1880 taqbel mal-ammont enormi ta' materjali tal-bini: 465 tunnellata ta' irħam ta' Salzburg, 1,550 tunnellata ta' ġebel ramli, 400,000 brikksa u 2,050 metru kubu (2,680 jarda kubika) ta' injam għall-armar. Fl-1870 ġiet stabbilita soċjetà għall-assigurazzjoni tal-ħaddiema, għal tariffa baxxa fix-xahar, miżjuda mir-re. Il-werrieta ta' dawk li mietu matul il-kostruzzjoni (30 każ jissemmew fl-istatistika) ingħataw pensjoni żgħira.

Fl-1884, ir-re mar jgħix fil-Palas (li kien għadu ma tlestiex għalkollox), u fl-1885 huwa stieden lil ommu Marie fil-Kastell ta' Neuschwanstein fl-okkażjoni ta' għeluq sninha (60 sena). Sal-1886, l-istruttura esterna tal-Palas (sala) fil-biċċa l-kbira kienet tlestiet. Fl-istess sena, Luwiġi ordna li l-ewwel pont tal-injam (Marienbrücke) fuq il-Fondoq ta' Pöllat jiġi sostitwit b'kostruzzjoni tal-azzar.

Minkejja d-daqs tiegħu, il-Kastell ta' Neuschwanstein ma kellux spazju għall-qorti rjali iżda kien fih biss ir-residenza privata tar-re u l-kmamar tal-qaddejja. Il-binjiet tal-qorti servew għal skopijiet dekorattivi iktar milli għal skopijiet residenzjali: il-palazz kien maħsub għar-Re Luwiġi II bħala speċi ta' ambjent teatrali abitabbli. Bħala tempju tal-ħbiberija, ġie ddedikat ukoll għall-ħajja u għax-xogħol ta' Richard Wagner, li miet fl-1883 mingħajr qatt ma żar il-binja. Fl-aħħar mill-aħħar, Luwiġi II għex fil-palazz għal total ta' 172 jum biss.

It-talbiet tar-re żdiedu matul il-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Neuschwanstein, u magħhom żdiedu wkoll l-ispejjeż. L-abbozzi tal-pjanti u l-kostijiet stmati ġew riveduti kemm-il darba. Inizjament ġie ppjanat studjo modest minflok is-Sala l-kbira tat-Tron, u l-kmamar tal-mistednin inizjali tneħħew mill-abbozzi biex tkun tista' tinbena s-Sala tal-Għarab Iberiċi, li ma setgħetx titwettaq minħabba nuqqas ta' riżorsi. It-tlestija oriġinarjamant kienet ippjanata għall-1872 iżda ġiet differita kemm-il darba.

Il-Kastell ta' Neuschwanstein, il-kastell simboliku tal-kavallieri Medjevali, ma kienx l-uniku proġett enormi tal-kostruzzjoni tar-re Luwiġi II. Ġie segwit mill-istil Rokokò tal-Lustschloss tal-Palazz ta' Linderhof u mill-palazz Barokk ta' Herrenchiemsee, monument għall-era tal-assolutiżmu. Il-Palazz ta' Linderhof, l-iżgħar fost il-proġetti, tlesta fl-1886, u t-tnejn l-oħra baqgħu qatt ma tlestew. It-tliet proġetti flimkien xorbulu r-riżorsi kollha. Ir-re ħallas għall-proġetti tal-kostruzzjoni tiegħu b'mezzi privati u mill-introjtu tal-lista ċivili tiegħu. Kuntrarjament għal dak li jintqal spiss, it-teżor Bavarjan ma ġiex affettwat direttament mill-binjiet tiegħu. Mill-1871, Luwiġi kellu introjtu sigriet addizzjonali bħala tpattija għal pjaċir politiku li kien għamel lil Otto von Bismarck.

Il-kostijiet tal-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Neuschwanstein matul il-ħajja tar-re ammontaw għal 6.2 miljun mark tad-deheb Ġermaniż (ekwivalenti għal €47 miljun fl-2021), kważi d-doppju tal-istima tal-kost inizjali ta' 3.2 miljun mark. Peress li l-mezzi privati tiegħu ma kinux biżżejjed għall-proġetti tal-kostruzzjoni tiegħu, ir-re kellu jissellef kontinwament. Fl-1876, konsulent tal-qorti ġie sostitwit wara li indika l-periklu ta' insolvenza. Sal-1883, ir-re diġà kien jaf 7 miljun mark, u fir-rebbiegħa tal-1884 u f'Awwissu 1885 kienu meħtieġa konverżjonijiet tad-dejn ta' 7.5 miljun mark u ta' 6.5 miljun mark, rispettivament.

Anke wara li d-dejn tiegħu kien laħaq l-14-il miljun mark, ir-Re Luwiġi II insista fuq it-tkomplija tal-proġetti arkitettoniċi tiegħu; huwa hedded li jwettaq suwiċidju jekk il-kredituri tiegħu jissekwestrawlu l-palazzi tiegħu. Fil-bidu tal-1886, Luwiġi staqsa l-kabinett tiegħu għal kreditu ta' 6 miljun mark, li ġie miċħud. F'April, huwa segwa l-parir ta' Bismarck biex japplika għall-flus għand il-parlament tiegħu. F'Ġunju, il-gvern Bavarjan iddeċieda li jiddeponi lir-re li dak iż-żmien kien qed jgħix fil-Kastell ta' Neuschwanstein. Fid-9 ta' Ġunju ġie depost u fl-10 ta' Ġunju ordna li l-kummissjoni li ddeponietu tiġi arrestata fil-fortizza tal-kastell. Hu u jistenna l-kummissjoni, allerta lill-gendarmerie u lill-iskwadri tat-tifi tan-nar tal-madwar għall-protezzjoni tiegħu. Kummissjoni oħra mmexxija minn Bernhard von Gudden waslet l-għada, u r-re ġie mġiegħel jitlaq mill-palazz billejl. Luwiġi tqiegħed taħt is-superviżjoni ta' Gudden. Fit-13 ta' Ġunju, it-tnejn mietu taħt ċirkostanzi misterjużi fl-ilma baxx tal-Lag ta' Starnberg qrib il-Kastell ta' Berg.

Tlestija ssimplifikata

[immodifika | immodifika s-sors]

Mal-mewt tar-Re Luwiġi, il-palazz ma kienx għadu lest. L-istrutturi esterni tal-fortizza u tal-Palas kienu fil-biċċa l-kbira tlestew iżda t-Torri Rettangolari kien għadu miksi bl-armar. Ix-xogħol fuq it-torri kien għadu ma bediex iżda tlesta b'mod issimplifikat sal-1892 mingħajr il-figuri ppjanati tal-qaddisin femminili. Id-Dar tal-Kavallieri ġiet issimplifikata wkoll. Fil-pjanti tar-Re Luwiġi, il-kolonni tal-gallerija tad-Dar tal-Kavallieri kienu mirfuda qishom zkuk tas-siġar u l-kapitelli kienu qishom il-kuruni tagħhom. Il-parti ewlenija tal-kumpless tal-palazz kienet għadha pedamenti biss: fortizza għolja 90 metru (300 pied) ippjanata fil-bitħa interna ta' fuq, li sserraħ fuq kappella bi tliet navati. Din ma twettqitx, l-istess bħal sezzjoni ta' kollegament bejn it-torri u l-fortizza. Il-pjanti tal-ġnien tal-kastell bit-terrazzi u b'funtana fil-Punent tal-Palas ġew abbandunati wkoll wara l-mewt tar-re.

L-ispazju residenzjali rjali minn ġewwa kien għadu ma tlestiex fl-1886; is-sali u l-kurituri ġew miżbugħin bi stil iktar sempliċi sal-1888. Is-Sala tal-Għarab Iberiċi, li xtaqha r-re u kienet ippjanata taħt is-Sala tat-Tron, ma twettqitx lanqas, l-istess bħall-Banju tal-Kavallieri, li kien immudellat fuq il-Banju tal-Kavallieri fil-Kastell ta' Wartburg u kien maħsub bħala ġieħ għall-kavallieri bħala fonti Medjevali tal-magħmudija. Il-proġetti tas-Sala tal-Għarusa fit-Torri (ispirat mil-Lohengrin), tal-kmamar tal-mistednin fl-ewwel u fit-tieni sulari tal-Palas u tas-sala l-kbira tal-banketti ġew abbandunati wkoll. Fil-fatt, l-iżvilupp sħiħ tal-Kastell ta' Neuschwanstein qatt ma kien ġie ppjanat, u mal-mewt tar-re ma kienx hemm kunċett għall-użu ta' bosta kmamar.

Ir-re qatt ma kellu l-intenzjoni li l-palazz ikun aċċessibbli għall-pubbliku. Mhux iktar minn sitt ġimgħat wara l-mewt tar-re, il-Prinċep Reġġenti Luitpold ordna li l-palazz jinfetaħ għall-viżitaturi li jħallsu biex iżuruh. L-amministraturi tal-wirt tar-re Luwiġi rnexxielhom isaldaw id-dejn tal-kostruzzjoni sal-1899. Minn dak iż-żmien sal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Kastell ta' Neuschwanstein kien sors stabbli u redditizju ta' dħul għall-familja Wittelsbach, u l-kastelli tar-Re Luwiġi x'aktarx li kienu l-uniku introjtu kbir li qalgħet il-familja rjali Bavarjana fl-aħħar snin qabel l-1914. Sabiex jiġu ggarantiti żjarat bla xkiel, xi kmamar u l-binjiet tal-qorti kienu l-ewwel li tlestew. Inizjalment, il-viżitaturi kienu jitħallew iżuru l-palazz liberament, u dan wassal biex il-kundizzjoni tal-għamara tiddeterjora malajr.

Meta l-Bavarja saret repubblika fl-1918, il-gvern issoċjalizza l-lista ċivili. Id-diżgwid li rriżulta mal-familja Wittelsbach wassal għal separazzjoni fl-1923: il-palazzi tar-Re Luwiġi, inkluż il-Kastell ta' Neuschwanstein, spiċċaw f'idejn l-istat u issa jiġu ġestiti mid-Dipartiment tal-Palazzi Bavarjani, fergħa tal-Ministeru għall-Finanzi Bavarjani. Il-Kastell ta' Hohenschwangau fil-qrib spiċċa f'idejn il-Fond ta' Kumpens tal-familja Wittelsbach (Wittelsbacher Ausgleichsfonds), u d-dħul jgħaddi għand il-familja Wittelsbach. L-għadd ta' viżitaturi baqa' jiżdied u laħaq il-200,000 ruħ fl-1939.

Minħabba l-pożizzjoni mwarrba u strateġikament mhux daqstant importanti tiegħu, il-kastell ma nqeridx minkejja ż-żewġ gwerer dinjin. Sal-1944, intuża bħala maħżen tal-oġġetti misruqa minn Franza min-Nażisti tal-Istitut Reichsleiter Rosenberg għat-Territorji Okkupati (bil-Ġermaniż: Einsatzstab Reichsleiter Rosenberg für die besetzten Gebiete), sottoorganizzazzjoni tal-Partit Nażista. Il-kastell intuża biex jiġu kkatalogati l-opri tal-arti. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija II, instabu 39 album tar-ritratti li jiddokumentaw l-iskala tal-opri tal-arti ssekwestrati. L-albums issa jinsabu maħżuna fl-Arkivji Nazzjonali tal-Istati Uniti.

F'April 1945, in-Nażisti kkunsidraw li jisplodu l-palazz biex jipprevjenu li l-binja u l-opri tal-arti ta' ġo fiha jispiċċaw f'idejn l-għadu. Il-pjan ma twettaqx mill-SS-Gruppenführer li ġie assenjat dan il-kompitu, u fi tmiem il-gwerra l-palazz safa f'idejn ir-rappreżentanti tal-forzi Alleati qawwi u sħiħ. L-awtoritajiet tal-okkupazzjoni tal-Alleati eventwalment reġgħu taw lura l-palazz lill-gvern statali Bavarjan rikostitwit. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-arkivji Bavarjani użaw uħud mill-kmamar bħala maħżen proviżorju għall-materjal salvat mill-arkivji, peress li l-istabbiliment fi Munich kien ġie bbumbardjat.

L-effett arkitettoniku tal-kumpless tal-Kastell ta' Neuschwanstein huwa stilistiku ferm, kemm esternament kif ukoll internament. L-influwenza tar-re hija viżibbli kullimkien, u wera interess personali fid-disinn u fit-tiżjin tiegħu. Eżempju ta' dan joħroġ ċar fil-kummenti jew fil-kmand tiegħu, rigward affresk ta' Lohengrin fil-Palas: "Il-Maestà Tiegħu jixtieq li ... il-bastiment jitqiegħed iktar lil hinn mill-kosta, li għonq Lohengrin ikun inqas immejjel, li l-katina mill-bastiment saċ-ċinju tkun tad-deheb u mhux tal-ward, u finalment li l-istil tal-kastell għandu jibqa' Medjevali".

Fost il-kmamar fi ħdan il-Palas hemm is-Sala tat-Tron, il-kamra tar-Re Luwiġi, is-Sala tal-Kantanti, u l-Grotta. L-ispazji interni u speċjalment is-Sala tat-Tron b'kostruzzjoni Biżantina-Għarbija jfakkru fil-kappelli u fil-knejjes tal-perjodu rjali Sqalli Normann-Swabjan f'Palermo b'rabta mar-Rejiet tal-familja Ġermaniża Hohenstaufen. Fil-kastell kollu, id-disinn jagħti ġieħ lil-leġġendi Ġermaniżi ta' Lohengrin, il-Kavallier taċ-Ċinju. Il-Kastell ta' Hohenschwangau, fejn ir-Re Luwiġi qatta' ħafna minn tfulitu, kellu tiżjin ta' dawn il-ġrajjiet. Dawn it-temi ttieħdu mill-opri ta' Richard Wagner. Bosta kmamar għandhom bordura b'tiżjin minn diversi opri miktuba minn Wagner, inkluż teatru b'xena permanenti ta' dik l-opra. Ħafna mill-kmamar minn ġewwa ma fihom tiżjin, u 14-il kamra biss tlestew qabel il-mewt ta' Luwiġi. Il-palazz kien għadu qed jinbena meta miet ir-re, u b'hekk waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu baqgħet ma nbnietx. Din kienet fortizza enormi, li kieku kienet tifforma l-ogħla punt u l-enfasi ċentrali tal-kumpless, u kienet ippjanata għal nofs il-bitħa interna ta' fuq iżda qatt ma nbniet, skont id-deċiżjoni tal-familja tar-re. Il-pedamenti tal-fortizza huma viżibbli fil-bitħa interna ta' fuq.

Il-Kastell ta' Neuschwanstein jikkonsisti minn diversi strutturi individwali li nbnew f'tul ta' 150 metru fil-quċċata ta' rdum. Il-binja tawwalija hija mgħammra b'bosta torrijiet, turretti ornamentali, soqfa forfċi, gallariji, pinnakli u skulturi. Skont l-istil Rumanesk, il-biċċa l-kbira tal-aperturi tat-twieqi huma mżejnin b'biforji u triforji. Quddiem l-isfond tat-Tegelberg u tal-Fondoq ta' Pöllat fin-Nofsinhar u l-għoljiet ta' qabel l-Alpi bil-lagi tagħhom fit-Tramuntana, il-kumpless ta' binjiet individwali jipprovdi veduti pittoreski varjati tal-palazz mid-direzzjonijiet kollha. Il-kastell ġie ddisinjat bħala l-kastell Romantiku ideali tal-kavallieri Medjevali. Għad-differenza tal-kastelli reali, li l-qalba tal-binjiet tagħhom fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kienet ir-riżultat ta' sekli ta' attivitajiet ta' kostruzzjoni, il-Kastell ta' Neuschwanstein ġie ppjanat mill-bidu nett bħala binja asimetrika apposta, u nbena fi stadji konsekuttivi. Ġew inklużi karatteristiċi tipiċi ta' kastell, iżda l-fortifikazzjonijiet reali — l-iżjed karatteristika importanti ta' kastell aristokratiku Medjevali — tneħħew.

Wieħed jidħol fil-kumpless tal-palazz minn binja simetrika b'żewġ torrijiet bit-taraġ fuq kull naħa. Il-binja tad-daħla li tħares lejn il-Lvant hija l-unika struttura tal-palazz b'ħitan b'kuntrast kbir ta' kuluri; il-ħitan ta' barra huma miksijin bil-brikks ħomor, filwaqt li l-faċċata tal-bitħa interna hija miksija bil-ġebla tal-ġir safra. Id-daqra tal-bejt hija mdawra bil-pinnakli. Is-sular ta' fuq tal-binja prinċipali għandu saqaf forfċi mtarraġ u kien fih l-ewwel akkomodazzjoni tar-Re Luwiġi II fil-Kastell ta' Neuschwanstein, li minnha minn żmien għal żmien kien josserva x-xogħol tal-kostruzzjoni qabel ma tlestiet is-Sala tat-Tron. Il-pjan terran tal-binja kien maħsub għall-istalel.

Il-passaġġ minn ġo din il-binja, imżejjen fuq nett bl-istemma rjali tal-Bavarja, jagħti direttament għall-bitħa interna li fiha żewġ livelli; l-iktar wieħed baxx jinsab fil-Lvant tal-binja prinċipali u fit-Tramuntana tal-pedamenti tat-Torri Rettangolari u l-binja tal-gallerija. In-naħa tan-Nofsinhar tal-bitħa interna hija miftuħa, u toffri veduta tax-xenarju muntanjuż tal-madwar. Fin-naħa tal-Punent tagħha, il-bitħa interna hija delimitata minn xatt bil-brikks, b'biċċa imbuzzata 'il barra b'mod poligonali li hija l-kor tal-kappella li kienet ippjanata oriġinarjament; din il-knisja bi tliet navati, li qatt ma nbniet, kienet maħsuba biex tifforma l-bażi ta' fortizza ta' 90 metru (295 pied), li kellha tkun il-parti ċentrali tal-kumpless arkitettoniku. Sett ta' taraġ fil-ġenb jagħti aċċess għal-livell ta' fuq.

Illum il-ġurnata, il-pjanta tal-pedamenti tal-kappella-fortizza hija mmarkata fil-pavimentar tal-bitħa interna ta' fuq. L-iżjed struttura li tispikka tal-bitħa interna ta' fuq hija t-Torri Rettangolari (għoli 45 metru jew 148 pied). Bħall-biċċa l-kbira tal-binjiet tal-qorti, għandu skop dekorattiv bħala parti mill-kumpless. Il-pjattaforma tiegħu toffri veduta kbira fuq l-għoljiet ta' qabel l-Alpi lejn it-Tramuntana. In-naħa tat-Tramuntana tal-bitħa interna ta' fuq hija definita mid-Dar tal-Kavallieri. Din il-binja ta' tliet sulari hija kkollegata mat-Torri Rettangolari u mal-binja prinċipali permezz ta' gallerija kontinwa b'arkata msaqqfa. Mill-puntdivista tal-kastelli Romantiċi, id-Dar tal-Kavallieri kienet ir-residenza tal-irġiel tal-fortizza; fil-Kastell ta' Neuschwanstein, il-kmamar tal-qaddejja kienu ppjanati hemmhekk. It-Torri, li jikkomplementa d-Dar tal-Kavallieri bħala r-residenza tan-nisa iżda li qatt ma ntuża għal dan l-iskop, jiddefinixxi n-naħa tan-Nofsinhar tal-bitħa interna. Flimkien, dawn iż-żewġ strutturi jiffurmaw il-motiv tal-Kastell ta' Anversa li jissemma fl-ewwel att tal-Lohengrin. Integrat fil-pavimentar hemm il-pjanta tal-pedamenti tal-kappella ppjanata tal-palazz.

In-naħa tal-Punent tal-bitħa interna hija delimitata mill-Palas (sala). Din tikkostitwixxi l-binja residenzjali prinċipali tal-kastell u fiha s-sala statali tar-re u l-kmamar tal-qaddejja. Il-Palas huwa struttura kolossali ta' ħames sulari b'għamla ta' żewġ kubojdi enormi kkollegati b'angolu ċatt u msaqqfin b'żewġ bjut forfċi għoljin biswit xulxin. L-għamla tal-binja ssegwi l-għamla tal-irdum. Fl-angoli tagħha hemm żewġ torrijiet bit-taraġ, u dak tat-Tramuntana jisboq il-bejt tal-palazz b'diversi sulari, b'għoli kumplessiv ta' 65 metru (213-il pied). Minħabba l-bjut polimorfiċi tagħhom, iż-żewġ torrijiet jixbħu dawk ta' Château de Pierrefonds. Il-faċċata tal-Punent tal-Palas tirfed gallarija ta' żewġ sulari b'veduta fuq il-Lag ta' Alpsee, filwaqt li lejn it-Tramuntana torri iktar baxx u l-konservatorju joħorġu 'l barra mill-istruttura prinċipali. Il-Palas kollu fih bosta ċmieni dekorattivi u turretti ornamentali, filwaqt li l-faċċata tal-bitħa interna hija mżejna b'affreski kkuluriti. Fuq is-saqaf forfċi tan-naħa tal-bitħa interna hemm iljun tar-ram, filwaqt li fis-saqaf forfċi tal-Punent (ta' barra) hemm kavallier.

Li kieku tlesta, il-palazz kien ikollu iktar minn 200 kamra fuq ġewwa, inkluż spazju għall-mistednin u għall-qaddejja, kif ukoll għas-servizzi u għal-loġistika. Fl-aħħar mill-aħħar, ma tlestewx iktar minn madwar 15-il kamra u swali. Fis-sulari t'isfel, il-Palas jakkomoda l-kmamar amministrattivi u tal-qaddejja, kif ukoll il-kmamar tal-amministrazzjoni attwali tal-palazz. Ir-residenza tar-re tinsab fis-sulari ta' fuq. L-istruttura ta' quddiem takkomoda r-residenzi l-oħra fit-tielet sular, u fuqhom is-Sala tal-Kantanti. Is-sulari ta' fuq tal-istrutturi ta' wara li tħares lejn il-Punent fihom is-Sala tat-Tron. L-ispazju totali tas-sulari kollha jammonta għal kważi 6,000 metru kwadru (65,000 pied kwadru).

Il-Kastell ta' Neuschwanstein jospita bosta kmamar interni sinifikanti tal-istoriċiżmu Ġermaniż. Il-palazz ġie mgħammar b'diversi innovazzjonijiet tekniċi tal-aħħar tas-seklu 19. Fost l-oħrajn, kellu sistema ta' qanpiena li taħdem bil-batteriji għall-qaddejja u linji tat-telefon. It-tagħmir tal-kċina kien jinkludi forn Rumford li bis-sħana tiegħu kien idawwar il-laħam u b'hekk kien jaġġusta ruħu awtomatikament. L-arja sħuna kienet tintuża għal sistema tat-tisħin ċentrali. Innovazzjonijiet oħra għal dak iż-żmien kienu l-misħun u t-tojlits bi flushing awtomatiku.

L-ikbar kamra tal-palazz bħala erja hija s-Sala tal-Kantanti, segwita mis-Sala tat-Tron. Is-Sala tal-Kantanti fiha erja ta' 27 metru b'10 metri (89 pied bi 33 pied) u tinsab fil-Lvant tal-Palas lejn in-naħa tal-bitħa interna, fir-raba' sular fuq ir-residenza tar-re. Hija ddisinjata bħala amalgamazzjoni taż-żewġ kmamar tal-Kastell ta' Wartburg: is-Sala tal-Kantanti u s-Sala tal-Ballu. Dan kien wieħed mill-iżjed proġett għall-qalb ir-re għall-palazz tiegħu. Il-kamra rettangolari kienet imżejna b'temi minn Lohengrin u minn Parzival. Fi tmiem in-naħa tawwalija tagħha hemm gallerija msaqqfa bi tribuna, immudellata fuq il-Kastell ta' Wartburg. Fi tmiem in-naħa dejqa tal-Lvant hemm palk strutturat bl-arkati u magħruf bħala s-Sängerlaube. Is-Sala tal-Kantanti qatt ma kienet iddisinjata għaċ-ċerimonji tal-qorti tar-re. Minflok, bħas-Sala tat-Tron, kienet isservi bħala monument li wieħed seta' jgħaddi minnu u li fih ġiet irrappreżentata l-kultura tal-kavallieri u l-imħabba tal-qorti għall-Medju Evu. L-ewwel spettaklu f'din is-sala ttella' fl-1933, u kien kunċert biex ifakkar il-50 anniversarju tal-mewt ta' Richard Wagner.

Is-Sala tat-Tron, b'erja ta' 20 metru bi 12-il metru (66 pied b'39 pied), tinsab fis-sezzjoni tal-Punent tal-Palas. B'għoli ta' 13-il metru (43 pied), tokkupa t-tielet u r-raba' sulari. Julius Hofmann immudellaha abbażi tal-Allerheiligen-Hofkirche tar-Residenza ta' Munich. Fuq tliet naħat, is-sala mdawra b'arkati kkuluriti, li jintemmu f'apsida li kienet maħsuba għat-tron tar-Re Luwiġi iżda li qatt ma tlestiet. Mad-dawra tat-tron hemm pitturi ta' Ġesù, tat-Tnax-il Appostlu, u ta' sitt rejiet kanonizzati. L-affreski saru minn Wilhelm Hauschild. Il-mużajk tal-art tlesta wara l-mewt tar-re. Il-linfa għandha għamla ta' kuruna Biżantina. Is-Sala tat-Tron tagħti l-impressjoni ta' post sagru. Skont ix-xewqa tar-re, kienet tamalgama s-Sala tal-Kalċi minn Parzival b'simbolu tad-dritt divin tar-rejiet, bħala turija tal-poter sovran bla restrizzjonijiet, li r-Re Luwiġi bħala l-kap ta' monarkija kostituzzjonali ma kellux iktar. Iż-żwieġ tas-sagru mal-irjali joħroġ fid-dieher fir-ritratti fl-apsida ta' sitt rejiet kanonizzati: San Lwiġi ta' Franza, San Stiefnu tal-Ungerija, San Dwardu l-Konfessur tal-Ingilterra, San Wenceslaus tal-Boemja, San Olaf tan-Norveġja, u San Enriku, l-Imperatur Ruman Sagru.

Apparti mill-kmamar ċerimonjali l-kbar, inħolqu diversi kmamar iżgħar għall-użu tar-Re Luwiġi II. Il-kmamar residenzjali rjali jinsabu fit-tielet sular tal-palazz fis-sezzjoni tal-Lvant tal-Palas. Jikkonsistu minn tmien kmamar bi spazju abitabbli u diversi kmamar iżgħar. Minkejja t-tiżjin elaborat tiegħu, l-ispazju abitabbli b'daqs moderat u bis-sufanijiet tiegħu, jagħtu laqta relattivament modern għall-viżitaturi attwali. Ir-Re Luwiġi II ma tax importanza lir-rekwiżiti rappreżentattivi tal-imgħoddi, fejn il-ħajja ta' monarka kienet pjuttost pubblika. It-tiżjin fuq ġewwa bl-affreski, bit-tapizzeriji, bl-għamara u b'artiġjanat ieħor ġeneralment jirreferu t-temi ppreferuti mir-re: il-leġġenda tal-kalċi, ix-xogħlijiet ta' Wolfram von Eschenbach, u l-interpretazzjoni tagħhom ta' Richard Wagner.

Il-kamra tal-Lvant hija mżejna b'temi mil-leġġenda ta' Lohengrin. L-għamara, inkluż sufan, mejda, pultruni, u siġġijiet f'niċċa lejn it-Tramuntana, hija komda u residenzjali. Qrib din il-kamra hemm grotta artifiċjali żgħira li tifforma passaġġ li jagħti għall-istudjo. Din il-kamra mhux tas-soltu, li oriġinarjament kienet mgħammra b'kaskata artifiċjali u b'magna li tipproduċi qawsalla, hija kkollegata ma' konservatorju żgħir. Filwaqt li turi l-grotta ta' Hörselberg, tfakkar it-Tannhäuser ta' Wagner, l-istess bħat-tiżjin tal-istudjo biswit. Fil-park tal-Palazz ta' Linderhof, ir-re installa grotta simili ta' daqs ferm ikbar. Fuq in-naħa opposta tal-istudjo hemm is-sala tal-ikel, imżejna b'temi tal-imħabba tal-qorti. Peress li l-kċina fil-Kastell ta' Neuschwanstein tinsab tliet sulari taħt is-sala tal-ikel, ma kienx possibbli li tiġi installata mejda tal-ikel li tisparixxi permezz ta' mekkaniżmu apposta bħal dik tal-Palazz ta' Linderhof u Herrenchiemsee. Minflok, is-sala tal-ikel ġiet ikkollegata mal-kċina permezz ta' lift tas-servizz.

Il-kamra tas-sodda biswit is-sala tal-ikel u l-kappella sussegwenti huma l-uniċi kmamar tal-palazz li għad għandhom stil Neo-Gotiku. Il-kamra tas-sodda tar-re hija ddominata minn sodda enormi mżejna bit-tinqix. Erbatax-il artiġjan ħafmu għal iktar minn 4 snin fuq din is-sodda b'bosta pinnakli u panewijiet tal-ballut. Luwiġi ġie arrestat f'din il-kamra billejl bejn il-11 u t-12 ta' Ġunju 1886. Il-kappela żgħira biswit il-kamra tas-sodda ġiet ikkonsagrata lil San Luwiġi, li jingħad li s-sid ingħata ismu f'ġieħu.

Il-kmamar tal-qaddejja jinsabu fis-sular ta' taħt l-art tal-Palas, u ma tantx huma mgħammra b'għamara kbira tal-ballut. Apparti mejda u armadju, hemm żewġ sodod twal 1.80 metru (5 piedi u 11-il pulzier). Twieqi opaki tal-ħġieġ isseparaw il-kmamar mill-kuritur li jikkollega t-taraġ ta' barra mit-taraġ prinċipali, biex b'hekk ir-re seta' jidħol u joħroġ mingħajr ma jarah ħadd. Il-qaddejja ma setgħux jużaw it-taraġ prinċipali iżda kellhom jużaw it-taraġ ferm idjaq u iktar wieqaf tal-qaddejja.

Il-Kastell ta' Neuschwanstein jilqa' kważi 1.5 miljun viżitatur fis-sena, u b'hekk huwa wieħed mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi popolari fl-Ewropa. Għal raġunijiet ta' sigurtà, wieħed jista' jżur il-palazz bi żjara gwidata ta' 35 minuta biss, u l-fotografija mhix permessa ġol-kastell. Hemm ukoll żjarat gwidati speċjali li jiffukaw fuq suġġetti speċifiċi. Matul l-eqqel tal-istaġun minn Ġunju sa Awwissu, il-Kastell ta' Neuschwanstein jilqa' sa 6,000 viżitatur kuljum, u dawk li ma jkollhomx prenotazzjoni jaf ikollhom jistennew fi kju għal diversi sigħat. Dawk li ma jkollhomx biljett xorta jistgħu jimxu tul il-passaġġ twil mill-bażi sal-quċċata tal-muntanja u jżur il-bitħa interna mingħajr ħlas, iżda ma jitħallewx jidħlu fil-kastell. Il-bejgħ tal-biljetti jiġi pproċessat b'mod esklużiv minn ċentru tal-bejgħ tal-biljetti f'Hohenschwangau. Mill-2008, l-għadd totali ta' viżitaturi qabeż is-60 miljun. Fl-2004, id-dħul mill-biljetti laħaq is-€6.5 miljun.

Fl-14 ta' Ġunju 2023, żewġ turisti żgħażagħ Amerikani ġew attakkati minn Amerikan ieħor ta' 30 sena qrib il-pont Marienbrücke, u wieħed minnhom inqatel.

Il-Kastell ta' Neuschwanstein huwa simbolu globali tal-era tar-Romantiċiżmu. Il-palazz deher b'mod prominenti f'diversi films bħal Luwiġi II ta' Helmut Käutner (1955) u Luwiġi ta' Luchino Visconti (1972), it-tnejn li huma dwar ir-re; l-ispettaklu mużikali Chitty Chitty Bang Bang (1968), il-kummiedja Spaceballs, u d-dramm tal-gwerra The Great Escape (1963). Ispira wkoll il-Kastell ta' Disneyland, il-Palazz ta' Cameran fil-film animat tal-Pokémon Lucario and The Mystery of Mew (2005), u strutturi simili sussegwenti. Iżżuru wkoll il-karattru Grace Nakimura qrib Herrenchiemsee fil-logħba The Beast Within: A Gabriel Knight Mystery (1996).

Fl-1977, il-Kastell ta' Neuschwanstein intuża bħala s-suġġett ta' bolla definittiva tal-Ġermanja tal-Punent, u deher f'munita kommemorattiva ta' €2 għas-sensiela Ġermaniża tal-Bundesländer fl-2012. Fl-2007, kien il-finalist fl-għażla online rreklamata sew tas-Seba' Għeġubijiet il-Ġodda tad-Dinja. Meteorita li laħqet id-Dinja b'mod spettakolari fis-6 ta' April 2002 fil-fruntier mal-Awstrija qrib Hohenschwangau ngħatat isem Neuschwanstein. Instabu tliet frammenti: Neuschwanstein I (1.75 kg (3.9 libbri), li nstabet f'Lulju 2002), Neuschwanstein II (1.63 kg (3.6 libbri), li nstabet f'Mejju 2003) fuq in-naħa Ġermaniża, u Neuschwanstein III (2.84 kg (6.3 libbri), li nstabet f'Ġunju 2003) fin-naħa Awstrijaka qrib Reutte. Il-meteorita hija kklassifikata bħala kondrit tal-enstatit b'proporzjonijiet kbar mhux tas-soltu ta' ħadid pur (29%), enstatit, u l-mineral estremament rari sinoit (Si2N2O).

Fit-12 ta' Lulju 2025, il-Kastell ta' Neuschwanstein tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien ma' Linderhof, Schachen u Herrenchiemsee.[4][5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz tar-Re Luwiġi II tal-Bavarja: Neuschwanstein, Linderhof, Schachen u Herrenchiemsee ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]

  1. Bayerische Verwaltung der staatlichen Schlösser, Gärten und Seen, Thomas Leschke. "Bayerische Schlösserverwaltung | Presse | Pressemitteilungen". www.schloesser.bayern.de (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-16. Miġbur 2025-07-16.Manutenzjoni CS1: iktar minn isem wieħed: authors list (link)
  2. Bayerische Verwaltung der staatlichen Schlösser, Gärten und Seen, Thomas Leschke. "Bayerische Schlösserverwaltung | Presse | Pressemitteilungen". www.schloesser.bayern.de (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-16. Miġbur 2025-07-16.Manutenzjoni CS1: iktar minn isem wieħed: authors list (link)
  3. "Bayerische Schlösserverwaltung | Presse | Pressemitteilungen". www.schloesser.bayern.de. Miġbur 2025-07-16.
  4. "'Fairytale' Neuschwanstein castle becomes UNESCO heritage site". France 24 (bl-Ingliż). 2025-07-12. Miġbur 2025-07-16.
  5. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "The Palaces of King Ludwig II of Bavaria: Neuschwanstein, Linderhof, Schachen and Herrenchiemsee". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-16.