Josephine Burns de Bono
Josephine Burns de Bono, imwielda Burns (1908–1996), kienet attivista politika u femminista Maltija. [1]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Hi kienet bint Hugh Burns u Laura Rosina Ada Agius u oħt il-ġurnalist tat-Times of Malta Hugh Burns. Burns de Bono żżewġet lit-tabib Joseph Edward de Bono u kienet omm Edward de Bono (1933–2021), li kien professur fl-Universita’ ta’ Cambridge. [2] Hi kienet ġurnalista attiva f’Londra fl-għoxrinijiet u aktar tard ħadmet mat-Times of Malta.
Burns de Bono waqqfet l-Għaqda Nisa ta’ Malta flimkien ma’ Helen Buhagiar fl-1944. Hi serviet bħala l-President tal-għaqda mit-twaqqif tagħha sakemm iddaħħal id-dritt tal-vot għan-nisa fl-1947. Burns de Bono kellha rwol importanti fl-attiviżmu għad-dritt tal-vot għan-nisa f’Malta. Infatti, hi kitbet: “Id-dritt tan-nisa li jivvotaw u jikkandidaw ruħhom kien rikonoxxut fl-Ingilterra u fl-Amerika b’riżultat tal-ħidma eċċelenti tan-nisa waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija bejn l-1914 u l-1918. Illum, wara kważi erba’ snin u nofs ta’ gwerra, in-nisa f’Malta qed isiru konxji li huma jistħoqqilhom l-istess rikonoxxioment ċiviku”. [3]
Id-dritt tal-vot għan-nisa u d-dritt li jinħatru f’kariga politika kienu inklużi fil- Kostituzzjoni MacMichael, li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru tal-1947. Wara li r-riforma ġiet approvata fil-Parlament, Josephine Burns de Bono rriżenjat mill-kariga tagħha bħala President tal-Għaqda Nisa ta’ Malta permezz ta’ stqarrija, fejn qalet li l-għan tal-organizzazzjoni kien intlaħaq. [4]
L-ittra tar-riżenja tagħha kienet ippubblikata fit-Times of Malta fl-24 ta’ Settembru 1947:
- "... Kienet ta’ ispirazzjoni li naħdem magħkom, u l-għaqda tagħna li ħadmet għall-għan nobbli li tiftaħ il-bibien tal-ħajja pubblika għan-nisa Maltin kisbet suċċess notevoli bir-rieda tas-Smewwiet… Permezz tal-kooperazzjoni ta’ sħabna minn kull qasam tal-ħajja u permezz tal-appoġġ tal-Partit Laburista u l-GWU fl-Assemblea. Kien ta’ privileġġ li naraw il-kampanja twila tagħna fl-istampa u fl-Assemblea toħroġ rebbieħa, doppjament għażiża għalina għax kif osserva Harold MacMichael, l-aħħar vot ma kienx akkumpanjat min-nota ta’ divrenzja f’Assemblea li kkonvertiet kompletament għal din il-Kawża importanti…Nemmen li l-Għaqda kisbet l-għanjiet stabbiliti fil-karta oriġinali ta’ meta twaqqfet, u li l-aħjar mod li naqdu l-pajjiż hu permezz tal-kooperazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika”. [5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Sammut, Carmen (2017). The Road to women's suffrage and beyond: women's enfranchisement and the nation-building project in Malta. Valletta: Central Bank of Malta. ISBN 978-99957-875-6-1. Miġbur 15 Jannar 2025.
- ↑ "De Bono, Edward 1933– ." Contemporary Authors, New Revision Series. . Encyclopedia.com. 4 Mejju 2023 <https://www.encyclopedia.com>
- ↑ (Times of Malta, 9 Frar 1944, p. 3)
- ↑ "The road to Maltese women's suffrage and beyond".
- ↑ (Times of Malta, 23 Settembru 1947)