It-Tnejn

It-Tnejn huwa l-jum fil-ġimgħa li jiġi wara l-Ħadd u li jiġi qabel it-Tlieta.[1] Skont l-ISO 8601 tal-Organizzazzjoni Internazzjoni għall-Istandardizzazzjoni, huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa.[2]
Ismijiet
[immodifika | immodifika s-sors][depiction of Máni, the personified moon, and his sister Sól, the personified sun, from Norse mythology (1895) by Lorenz Frølich] L-ismijiet ta' dan il-jum tal-ġimgħa ngħataw fl-epoka Rumana, bil-Grieg u bil-Latin, bħala ἡμέρᾱ Σελήνης (b'ittri Rumani: "hemera Selenes"), diēs Lūnae, jiġifieri l-"jum tal-Qamar".[3]
F'bosta lingwi jintużaw termini li oriġinaw direttament minn dawn l-ismijiet jew traduzzjonijiet mislufa abbażi tagħhom. Bl-Ingliż, in-nom Monday oriġina xi żmien qabel l-1200 minn monedæi, li żviluppa mit-terminu bl-Ingliż Antik (għall-ħabta tas-sena 1000) mōnandæg u mōndæg, li litteralment ifisser "jum il-Qamar". Hemm termini simili f'lingwi Ġermaniċi oħra, inkluż il-Friżjan Antik mōnadeig, il-Ġermaniż Nofsani-t'Isfel u l-Olandiż Nofsani mānendag, mānendach (bl-Olandiż modern Maandag), il-Ġermaniż Għoli Antik mānetag (bil-Ġermaniż modern Montag), u n-Norveġiż Antik mánadagr (bl-Iżvediż u bin-Nynorsk Norveġiż måndag, bl-Iżlandiż mánudagur, bid-Daniż u bin-Norveġiż modern bokmål mandag). It-terminu Ġermaniku huwa interpretazzjoni Ġermanika tal-Latin lunae dies ("jum il-Qamar").

Il-Ġappuniż u l-Korean jikkondividu l-istess kelmiet taċ-Ċiniż Antik "月曜日" (bil-Hiragana: げつようび, trażlitterat getsuyо̄bi, bil-Hangeul: 월요일) għat-Tnejn li jfissru "jum il-Qamar". F'bosta lingwi Indo-Arjani, il-kelma għat-Tnejn hija Somavāra jew Chandravāra, li huma traduzzjonijiet mislufa mis-Sanskritu.
F'xi każijiet bħall-Malti jintużaw l-ismijiet "ekkleżjastiċi". Din hija tradizzjoni ta' enumerazzjoni tal-jiem tal-ġimgħa biex tiġi evitata l-konnotazzjoni pagana tal-ismijiet pjantetarji jew tad-divinitajiet, u biex iżommu mal-isem Bibbliku, fejn it-Tnejn huwa t-"tieni jum". Xi eżempji oħra huma: l-Ebrajk: יום שני, il-Grieg: Δευτέρα ἡμέρα (Deutéra hēméra), il-Latin: feria secunda, l-Għarbi: الأثنين (al-isnain).
F'bosta lingwi Slavi, l-isem ta' dan il-jum jista' jiġi tradott bħala "wara l-Ħadd/btala". Bir-Russu: понедельник (ponyedyelnik), it-Tnejn tfisser "qrib il-ġimgħa", по "qrib" jew "on" недельник "(il-)ġimgħa", bil-Kroat u bil-Bożnijaku: ponedjeljak, bis-Serbjan: понедељак (ponedeljak), bl-Ukren: понеділок (ponedilok), bil-Bulgaru: понеделник (ponedelnik), bil-Pollakk: poniedziałek, biċ-Ċek: pondělí, bis-Slovakk: pondelok, bis-Sloven: ponedeljek. Bit-Tork: pazartesi, li tfisser ukoll "wara l-Ħadd".
Arranġament fil-ġimgħa
[immodifika | immodifika s-sors]Storikament, il-ġimgħa Griega-Rumana kienet tibda bil-Ħadd (dies solis), u t-Tnejn (dies lunae) kien it-tieni jum tal-ġimgħa. Għadha drawwa li wieħed jirreferi għat-Tnejn bħala feria secunda fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattolika. Il-Quakers tradizzjonalment kienu jirreferu għat-Tnejn bħala t-"Tieni Jum".[4]
Il-Portugiż u l-Knisja Ortodossa Griega tal-Lvant jimxu wkoll mat-tradizzjoni ekkleżjastika (bil-Portugiż: segunda-feira, bil-Grieg: Δευτέρα "deutéra", "it-tieni"). Bil-Vjetnamiż, li l-alfabett tiegħu bbażat fuq il-Latin oriġinarjament ġie Latinizzat mill-missjunarji Ġiżwiti Portugiżi, adotta din id-drawwa u b'hekk jirreferi wkoll għat-Tnejn bħala t-Tieni Jum (thứ Hai). Bl-istess mod, l-isem bl-Ebrajk modern għat-Tnejn huwa yom-sheni (יום שני).
Filwaqt li fl-Amerka ta' Fuq, il-Ħadd huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni bbażata f'Ġinevra tqiegħed it-Tnejn bħala l-ewwel jum tal-ġimgħa fl-istandard ISO 8601. It-Tnejn huwa xīngqīyī (星期一) biċ-Ċiniż, li jfisser "l-ewwel jum tal-ġimgħa".
Osservanzi reliġjużi
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Duttrina bikrija tat-Tnax-il Appostlu kienet twissi lill-fidili biex wieħed ma jsumx nhar ta' Tnejn biex ma jimxix mal-Ġudaiżmu (ara iktar 'l isfel), u kienet tissuġġerixxi biex is-sawm minflok isir nhar ta' Erbgħa.[5]
It-Tnejn huwa l-jum li fih jiġi ċċelebrat it-Tnejn tal-Għid, l-għada ta' Ħadd il-Għid u t-tieni jum taż-żmien tal-Għid. It-Tnejn tal-Għid hija btala pubblika f'bosta pajjiżi Kristjani. Fil-Kristjaneżmu tal-Punent dan il-jum jimmarka t-tieni jum tal-Ottavena tal-Għid; fil-Kristjaneżmu tal-Lvant dan il-jum jimmarka t-tieni jum tal-Ġimgħa Mdawla.
Fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant, it-Tnejn huwa l-jum li fih jitfakkru l-anġli. L-Octoechos fih l-innijiet dwar din it-tema, irranġati f'ċiklu ta' tmien ġimgħat, li jiġu kantati nhar ta' Tnejn matul is-sena kollha. Fl-aħħar tas-Servizzi Divini nhar ta' Tnejn, id-diskors tal-għeluq jibda bil-kliem: "J'Alla Kristu, Alla tagħna, permezz tal-interċessjonijiet mill-iktar safjin ta' Omm Alla, tal-Qawwiet bla Ġisem onorevoli (jiġifieri l-anġli) tas-Sema…".
F'bosta monasteri tal-Lvant, it-Tnejn jiġi osservat bħala jum ta' sawm. Peress li t-Tnejn jiġi ddedikat lill-anġli, il-patrijiet jistinkaw biex jgħixu ħajja anġelika. F'dawn il-monasteri, il-patrijiet ma jiħdux laħam, annimali selvaġġi, prodotti tal-ħalib, ħut, inbid u żejt. Jekk jum ta' btala tinzerta it-Tnejn, jaf ikunu jistgħu jieħdu ħut, inbid u żejt, skont liema tkun il-festa partikolari.
Il-membri tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jum iqattgħu lejla fil-ġimgħa, imsejħa l-Lejla d-Dar tal-Familja jew il-Lejla tal-Familja.[6] Normalment din il-lejla tkun it-Tnejn, meta l-familji jiġu mħeġġin iqattgħu l-ħin flimkien jistudjaw, jitolbu u jagħmlu attivitajiet oħra tal-familja.
Fl-Induiżmu, it-Tnejn jiġi assoċjat mad-divinità Induista tal-qamar, Chandra jew Soma. F'diversi lingwi tan-Nofsinhar tal-Asja, it-Tnejn huwa magħruf bħala Somavara jew Somavaram. L-Induisti li jsumu nhar ta' Tnejn jagħmlu dan bħala dedikazzjoni lejn id-divinità Xiva. Uħud josservaw is-Solah Somvar Vrat, li huwa sawm ta' sittax-il nhar ta' Tnejn iddedikat lil Xiva, bit-tama li jiżżewġu u jsibu sieħeb/sieħa li jixirqilhom. Is-sawm nhar ta' Tnejn fix-xahar Induista ta' Shravana jitqies ukoll bħala xieraq peress li huwa wieħed mill-iżhed xhur sagri għall-Induisti u dan is-sawm jiġi ddedikat lil Xica u lill-konsorti tiegħu Parvati.[7][8]
Fl-Iżlam, it-Tnejn huwa wieħed mill-jiem fil-ġimgħa li fih il-Musulmani jiġu mħeġġin jagħmlu sawm volontarju; il-jum l-ieħor huwa nhar ta' Ħamis.[9]
Hemm għadd ta' Ħadit li jirrakkontaw li Muħammed osserva s-sawm f'dawn il-jiem. Skont l-istess Ħadit, Muħammed twieled it-Tnejn. Jiġi rrakkontat ukoll li ngħata l-ewwel rivelazzjoni tiegħu (li iktar 'il quddiem saret il-Koran) it-Tnejn.[10]
Fil-Ġudaiżmu, it-Tnejn jitqies bħala jum tajjeb għas-sawm.
Fil-Ġudaiżmu, parti żgħira mill-Parashah ta' kull ġimgħa fit-Torah tinqara fil-pubbliku nhar ta' Tnejn u ta' Ħamis filgħodu, bħala suppliment għall-qari tas-Sibt). Jingħad talb penitenzjali speċjali nhar ta' Tnejn sakemm ma jkunx hemm okkażjoni speċjali ta' ferħ li tikkanċellahom. Skont il-Mixna u t-Talmud, dawn it-tradizzjonijiet isiru t-Tnejn u l-Ħamis peress li huma l-"jiem tas-suq" meta n-nies kienu jinġabru mill-irħula fil-belt.
Teżisti wkoll tradizzjoni fost il-Lhud Axkenażi li jsumu b'mod volontarju fl-ewwel Tnejn, Tlieta u Ħamis konsekuttivi tax-xahar Ebrajk u din hija prevalenti fost l-ultra-Ortodossi.
Bl-Ebrajk, it-Tnejn jissejjaħ "Yom Shení", li litteralment ifisser it-"Tieni Jum", skont ir-referenza Bibblika tas-Sabbath bħala s-"Seba' Jum" u t-tradizzjoni li dak il-jum ikun is-Sibt. Ġie stabbilit li r-rabta fonetika u kulturali bejn il-pjaneta Saturnu, is-Sibt u s-Sabbath oriġinat mill-Mesopotamja tal-qedem.[11]
Referenzi kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]
Għadd ta' kanzunetti popolari fil-kultura tal-Punent spiss jiddeskrivu t-Tnejn bħala jum ta' depressjoni, ansjetà, nuqqas ta' motivazzjoni, isterija jew melankonija, l-iktar minħabba l-assoċjazzjoni mal-ewwel jum tal-ġimgħa tax-xogħol. It-Tnejn spiss jitqies bħala jum ta' buri u xorti ħażina, speċjalment għal bosta persuni fis-snin tal-iskola, li jkollhom imorru lura l-iskola kull nhar ta' Tnejn wara li ma jkollhomx skola s-Sibt u l-Ħadd, u b'hekk ġieli jispiċċaw jobogħdu t-Tnejn.
Pereżempju, "Monday, Monday" (1966) ta' Mamas & the Papas; "Rainy Days and Mondays" (1971) tal-Carpenters; Monday, Monday, Monday (2002) ta' Tegan u Sara; u "Manic Monday" (1986) tal-Bangles (miktuba minn Prince).
Hemm grupp mużikali jismu Happy Mondays u grupp pop-punk Amerikan jismu Hey Monday.
Il-karattru popolari tal-cartoons Garfield ta' Jim Davis huwa magħruf sew li jobgħod nhar ta' Tnejn, u spiss jirrepeti l-frażi "Jien nobgħod nhar ta' Tnejn".[12]
Fir-Renju Unit, iktar nies jikkommettu suwiċidju fl-Ingilterra u f'Wales nhar ta' Tnejn milli f'jiem oħra tal-ġimgħa. Fir-Renju Unit ukoll, iktar nies inġenerali ma jidħlux ix-xogħol nhar ta' Tnejn minħabba mard.[13]
F'Lulju 2002, id-ditta tal-konsulenzi PricewaterhouseCoopers ħabbret li kienet se ssemmi l-prattika tal-konsulenzi tagħha bħala "Monday", u nefqet $110 miljun is-sena ta' wara biex tistabbilixxi d-ditta. Meta l-IBM akkwistat il-konsulenza 3 xhur wara, iddeċidiet li ma żżommx dak l-isem il-ġdid.
F'Ottubru 2022, il-Guinness World Records ħabbru fuq Twitter li t-Tnejn huwa l-Agħar Jum tal-Ġimgħa, għalkemm mhux kulħadd qabel ma' dan il-ħsieb.[14][15]
Riċerka li saret fir-Renju Unit fl-2006 sabet li attakki tal-qalb serji għandhom iktar probabbiltà li jseħħu nhar ta' Tnejn, meta mqabbel ma' jiem oħra tal-ġimgħa.[16]
Jiem importanti
[immodifika | immodifika s-sors]- Big Monday (it-Tnejn il-Kbir): sensiela televiżiva sportiva Amerikana f'ħin reali;
- Black Monday (it-Tnejn l-Iswed); jum li matulu jkun hemm skontijiet kbar;
- Blue Monday (it-Tnejn il-Blu): jingħad li huwa l-iżjed jum ta' dieqa fis-sena;
- it-Tnejn tat-Tniebri;
- it-Tnejn Ċibernetiku: it-Tnejn ta' wara l-btala ta' Thanksgiving;
- it-Tnejn tal-Għid, magħruf ukoll bħala t-Tnejn Imdawwal;
- it-Tnejn ta' Handsel: ċelebrazzjoni tradizzjonali Skoċċiża;
- Lundi Gras: jum b'avvenimenti ta' qabel Mardi Gras;
- Mad Monday: jum li fih isiru ċ-ċelebrazzjonijiet ta' wara l-futbol Awstraljan;
- Miracle Monday: ktieb ta' Elliot S. Maggin;
- Plough Monday (it-Tnejn tal-Ħart): il-bidu tradizzjonali Ingliż tas-sena agrikola;
- it-Tnejn ta' qabel l-Erbgħa tat-Tniebri;
- it-Tnejn Imxarrab: ċelebrazzjoni li ssir it-Tnejn tal-Għid fil-Polonja u fl-Ewropa Ċentrali;
- it-Tnejn ta' Pentekoste: ċelebrazzjoni tal-jum ta' wara Pentekoste.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Monday". dictionary.cambridge.org (bl-Ingliż). 2026-09-28. Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "ISO 8601-1:2019(en) Date and time — Representations for information interchange — Part 1: Basic rules"". www.iso.org.
- ↑ "Monday - Etymology, Origin & Meaning of the Name". etymonline (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ Iowa Yearly Meeting (Conservative). "Quaker Calendar Names, Iowa Yearly Meeting (Conservative)". iymc.org (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "The Didache 8". www.bc.edu. Miġbur 2026-10-11.
- ↑ Dollahite, David C.; Marks, Loren (2018-03-29). "Mormons' Weekly Family Ritual Is an Antidote to Fast-Paced Living" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "Somvar Vrat - Procedure, Mantras and Significance of Monday Fast". Eshwar Bhakti (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "Shravan Somvar Vrat - Procedure, Mantras for Shravan Monday fasting". Eshwar Bhakti (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "Fasting Six Days of Shawwal on Mondays and Thursdays - Islam Question & Answer". Islam-QA (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ Elias, Abu Amina (2019-04-15). "Hadith on Siyam: Fasting on Monday, three days a month" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ Zafran, Eric (1979). "Saturn and the Jews". Journal of the Warburg and Courtauld Institutes. 42: 16–27.
- ↑ Carvel, John; editor, social affairs (2005-08-26). "Monday is most common day for suicide" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.Manutenzjoni CS1: test żejjed: authors list (link)
- ↑ beth.blakely-cnet (2002-07-17). "Monday: PwC Consulting's new name creates controversy, cackles" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.
- ↑ Guinness World Records [@GWR]. "we're officially giving monday the record of the worst day of the week". Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "Guinness World Records declares Monday the worst day of the week. Netizens react" (bl-Ingliż). 2022-10-18. Miġbur 2026-10-11.
- ↑ "Why are serious heart attacks more likely on a Monday?". British Heart Foundation (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-11.