Aqbeż għall-kontentut

Istitut tar-Riċerka dwar il-Foresti tal-Malażja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dryobalanops aromatica.

L-Istitut tar-Riċerka dwar il-Foresti tal-Malażja (bl-Ingliż: Forest Research Institute Malaysia, FRIM; bil-Malażjan: Institut Penyelidikan Perhutanan Malaysia) huwa aġenzija statutorja tal-Gvern tal-Malażja, taħt id-Dipartiment tar-Riżorsi Naturali u s-Sostenibbiltà Ambjentali. Huwa fih innifsu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli u l-użu ottimali tar-riżorsi forestali fil-Malażja billi jiġġenera għarfien u teknoloġija permezz tar-riċerka, l-iżvilupp u l-applikazzjoni fil-forestrija tropikali. L-Istitut FRIM is located in Kepong, near Kuala Lumpur.

L-Istitut tar-Riċerka dwar il-Foresti tal-Malażja jħaddan fih l-eqdem u l-ikbar foresta pluvjali tropikali maħluqa mill-ġdid fid-dinja.

Mogħdija li tgħaddi qalb is-siġar tal-istitut.

Fl-1926, il-konservazzjonist ewlieni tal-foresta (l-ekwivalenti tad-direttur tal-forestrija attwali), G.E.S Cubitt, staqsa lil F.W. Foxworthy biex jistabbilixxi unità separata għar-riċerka dwar il-foresti għad-Dipartiment tal-Forestrija. Kien Foxworthy li għażel is-sit attwali f'Kepong. Huwa sar ukoll l-ewwel uffiċjal kap tar-riċerka tal-istitut.

Is-sit kien jinkludi żona li prattikament kienet tilfet il-foresta oriġinali tagħha għajr għal xi ftit siġar fl-iżjed lokalitajiet inaċċessibbli. Minflok il-meded tal-ħaxix tat-tip Lalang mal-ġnub tal-għoljiet, inbnew artijiet imtarrġin bil-ħxejjex fl-iktar xaqlibiet baxxi, filwaqt li l-wied baqa' jħaddan ftit għadajjar, li kien fadal minn operazzjoni tal-estrazzjoni tal-landa tal-imgħoddi.

Fi żmien sentejn fl-1928, l-ewwel 42 ettaru (100 akru) ta' pjantaġġuni ta' sperimentazzjoni (l-iktar dipterokarpi, speċijiet ta' siġar għoljin tal-injam iebes) kienu fis-seħħ, indukrati b'reqqa kbira bl-użu ta' siġar ta' speċijiet oħra biex jipprovdu d-dell u l-ikel (bħala stabbilizzaturi tan-nitroġenu). Sa dak iż-żmien kienet bdiet il-kostruzzjoni tal-binja prinċipali tal-istitut. Din tlestiet fis-snin ta' wara u baqgħet l-uniku ċentru għal-laboratorji, ċentru tal-ħxejjex aromatiċi u mużew, kif ukoll ċentru tas-sezzjonijiet tal-Kimika, taż-Żooloġija u tal-Forestrija, sakemm żdiedu binjiet ġodda wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kollezzjoni ta' ħxejjex aromatiċi, li tressqet ukoll lejn Kepong, kien fiha 1,500 eżemplar.

Lejn tmiem id-deċennju ġew stabbiliti xi 125 ettaru ta' pjantaġġuni fl-istitut. It-tentattivi ta' pjantaġġuni bi speċijiet eżotiċi bdew fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20. Il-pjantaġġuni koprew 154 ettaru eżatt qabel ma faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fl-1939, u qabel l-okkupazzjoni Ġappuniża tal-Peniżola Malażjana fl-1941–1945. Sa dak iż-żmien, is-siġar dipterokarpi u mhux dipterokarpi kienu jammontaw għal 75 speċi (irrappreżentati minn 360 siġra individwali), filwaqt li l-kollezzjoni ta' ħxejjex aromatiċi kien fiha madwar 40,000 eżemplar.

Eżatt qabel ma l-Malażja kisbet l-indipendenza mill-Imperu Brittaniku fl-1957, xi 220 ettaru ta' pjantaġġuni kienu ġew stabbiliti fl-istitut, filwaqt li kien hemm rispettivament 201 speċi u 168 speċi ta' siġar dipterokarpi u ta' siġar mhux dipterokarpi. Il-kollezzjoni tal-ħxejjex aromatiċi kienet kibret għal 53,600 eżemplar. Il-Fergħa tar-Riċerka dwar l-Injam ġiet ittrasferita minn Sentul biex issir parti mill-istitut f'Kepong.

Sitt snin wara, Encik Abdul Rahman Mohd. Ali nħatar bħala l-ewwel direttur u uffiċjali kap tar-riċerka Malażjan. L-art tal-istitut kompliet tikber b'192 ettaru oħra fl-1962 u fl-1964 biex tlaħħaq total ta' 600 ettaru.

Fl-1977 Salleh Mohd Nor inħatar għall-kariga ta' direttur ġenerali tal-istitut. Tmien snin wara, l-istitut ġiet ttrasformat f'korp statutorju. Permezz ta' Att tal-Parlament, il-Bord tar-Riċerka u tal-Iżvilupp tal-Forestrija tal-Malażja ġie stabbilit biex jamministra l-istitut, li beda jissejjaħ uffiċjalment bħala l-Istitut tar-Riċerka dwar il-Foresti tal-Malażja. Din il-bidla storika tħabbret mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Dr Mahathir Mohamad meta żar l-istitut fil-11 ta' Ġunju 1984. L-inawgurazzjoni formali tal-istitut seħħet wara, fil-5 ta' April 1986.

Id-Direttur Ġenerali attwali tal-istitut huwa Dr. Ismail Parlan, u għandu dottorat mill-Università ta' Kebangsaan tal-Malażja u masters fil-ġestjoni tal-foresti mill-Università ta' Putra tal-Malażja.

Fl-2025, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Forestali ta' Selangor tal-Istitut tar-Riċerka dwar il-Foresti tal-Malażja ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Forest Research Institute Malaysia Forest Park Selangor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-24.