Aqbeż għall-kontentut

Isabella d'Este

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Isabella d'Este
reġġent

Ħajja
Twelid Ferrara, 18 Mejju 1474
Mewt Mantova, 13 Frar 1539
Post tad-dfin Knisja ta’ Santa Pawla
Familja
Missier Ercole I d'Este, Duka ta’ Ferrara
Omm Eleonora ta’ Napli, Dukessa ta’ Ferrara
Konjuga/i Francesco II Gonzaga, Markiż ta’ Mantova  (12 Frar 1490 (Gregorian) -
Ulied
Aħwa
Familja
Tribù familja Este
familja Gonzaga
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Latin
Għalliema Mario Equicola
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni salottiera
kollezzjonista tal-arti
Post tax-xogħol Mantova
Strument/i tal-mużika ljut

Isabella d'Este (twieldet fid-19 ta’ Mejju 1474 – mietet fit-13 ta’ Frar 1539) kienet Markiża ta’ Mantova u waħda min-nisa ewlenin tar-Rinaxximent Taljan fl-oqsma tal-kultura u tal-politika. Hija kienet patruna tal-arti u kellha rwol minn ta’ quddiem fil-moda, tant li l-istil innovattiv tagħha ġie kkupjat min-nisa fl-Italja kollha u fi Franza imperjali. Il-poeta Ariosto ddeskriviha bħala “Isabella l-liberali u l-ġeneruża”[1], filwaqt li l-awtur Matteo Bandello ddeskriviha bħala “suprema fost in-nisa”. Id-diplomatiku Niccolò da Correggio faħħarha saħansitra iktar billi sostna li kienet “l-Ewwel Mara tad-Dinja”.[2]

Hija kienet ir-reġġent ta’ Mantova fl-assenza tar-raġel tagħha, Francesco II Gonzaga, il-Markiża ta’ Mantova, u l-maġġorenni responsabbli ta’ binha, Federico, id-Duka ta’ Mantova. Fl-1500 hi ltaqgħet mar-Re Louis XII ta’ Franza f’Milan fuq missjoni diplomatika biex tipperswadieh ma jibgħatx it-truppi tiegħu kontra Mantova.

Isabella d'Este kienet kittieba prolifika tal-ittri u kellha korrispondenza tul ħajjitha kollha ma’ oħtha tar-rispett Elisabetta Gonzaga. Lucrezia Borgia kienet oħt oħra tar-rispett; iktar ’il quddiem kienet taqlibielha mar-raġel tagħha. Hija kienet tiġi deskritta bħala mara fiżikament attraenti, għalkemm kemxejn mibruma; madankollu, kellha “għajnejha jiġbduk” u kienet “grazzjuża”.[3]

Isabella d'Este kibret f’familja mdawra bil-kultura fil-belt-stat ta’ Ferrara. Hija ngħatat edukazzjoni klassika mill-aqwa u fi tfulitha ltaqgħet ma’ ħafna studjużi u artisti umanisti famużi. Minħabba l-ammont kbir ta’ korrispondenzi bejn Isabella u l-familja u l-ħbieb tagħha, il-ħajja tagħha hija tassew iddokumentata tajjeb, xi ħaġa mhux tas-soltu għal dak iż-żmien.[4]

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Minjatura ta’ Isabella

Isabella twieldet nhar it-Tlieta 19 ta’ Mejju 1474 fid-disa’ ta’ filgħaxija f’Ferrara[5], bint Ercole I d'Este, id-Duka ta’ Ferrara, u Eleanora ta’ Napli.[6] Eleanora kienet bint Ferdinandu I, ir-Re Aragoniż ta’ Napli, u Isabella ta’ Clermont.[7]

Sena wara, fid-29 ta’ Ġunju 1475, twieldet oħtha Beatrice, u fl-1476 u fl-1477 twieldu żewġ aħwa oħra, Alfonso u Ferrante. Fl-1479 u fl-1480 twieldu żewġ aħwa oħra, Ippolito u Sigismondo. Mill-aħwa kollha, Isabella kienet meqjusa bħala l-favorita.[8]

Fl-istess sena tat-twelid ta’ Ferrante, Isabella vvjaġġat lejn Napli ma’ ommha. Meta ommha ġiet lura f’Ferrara, Isabella akkumpanjatha, filwaqt li l-aħwa l-oħra baqgħu ma’ nannuwhom għal tmien snin. Matul dan il-vjaġġ ma’ ommha, Isabella kisbet l-arti tad-diplomazija u ta’ x’jiġri minn wara l-kwinti fit-tmexxija ta’ stat.

Isabella kellha edukazzjoni tajba ħafna meta kienet żagħżugħa. Fi tfulitha studjat l-istorja Rumana u malajr tgħallmet kif tittraduċi l-Grieg u l-Latin (iktar ’il quddiem il-Grieg sar il-lingwa favorita tagħha). Bis-saħħa tal-intellett straordinarju tagħha, spiss iddiskutiet il-klassiċi u l-affarijiet tal-istat mal-ambaxxaturi. Barra minn hekk, personalment kienet midħla mal-pitturi, mal-mużiċisti, mal-kittieba, u mal-istudjużi tal-istat. Minbarra l-għarfien tagħha tal-istorja u tal-lingwi, kienet taf tgħid bl-amment l-opri ta’ Virgilio u ta’ Terenzio. Isabella kellha talent ukoll bħala kantanta u mużiċista, u kienet tgħallmet iddoqq il-ljut mal-għalliem tagħha Giovanni Angelo Testagrossa.[9] Barra minn hekk, hija kienet innovatriċi ta’ żifniet ġodda, bis-saħħa tat-tagħlim li ngħatat minn Ambrogio, maestro Lhudi taż-żfin.[10]

Dota u żwieġ

[immodifika | immodifika s-sors]
Francesco II Gonzaga, ir-raġel ta’ Isabella

Fl-1480, meta kellha sitt snin, Isabella ġiet imwegħda lil Francesco, li kellu tmien snin iktar minnha, u wirtet it-titlu ta’ Markiża ta’ Mantova, għal dota ta’ 25,000 dukat.[11] Għalkemm jingħad li ma kienx raġel il-ġmiel tiegħu bħala apparenza, Isabella kienet tammirah għas-saħħa u għall-qlubija tiegħu u kienet tqisu bħala ġentlom. Wara l-ewwel ftit drabi li ltaqgħu, ħadet pjaċir bil-kumpanija tiegħu u qattgħet is-snin ta’ wara ssir tafu u tħejji ruħha biex tkun il-Markiża ta’ Mantova. Matul l-għerusija tagħhom, Isabella kienet tgħożż l-ittri, il-poeżiji u s-sunetti li kien jibgħatilha bħala rigali.

Għaxar snin wara, fil-11 ta’ Frar 1490, meta kellha 15-il sena, hija żżewġet lil Francesco bi prokura. Isabella saret martu u l-Markiża qalb il-briju popolari spettakolari u l-ċelebrazzjonijiet grandjużi li seħħew fil-15 ta’ Frar.[12] Francesco kien ukoll il-Kaptan Ġeneral tal-armati tar-Repubblika ta’ Venezja. Bħala parti mid-dota tagħha għaż-żwieġ, Isabella ngħatat somma ta’ 3,000 dukat kif ukoll ġojjellerija, platti tal-fidda, u pożati tal-fidda.[13] Qabel ma sar il-bankett ta’ wara ċ-ċerimonja tat-tieġ, Isabella ħarġet iddur fit-toroq prinċipali ta’ Ferrara riekba żiemel imżejjen bil-ħaġar prezzjuż u d-deheb.[14]

Peress li bħala koppja kienu ilhom jafu u jammiraw lil xulxin għal bosta snin, l-attrazzjoni reċiproka tagħhom inbidlet f’imħabba; jingħad li permezz taż-żwieġ ma’ Francesco, Isabella “fforixxiet”.[15] Meta żżewġet, jingħad li Isabella kienet ħelwa, irqiqa, grazzjuża u taf tilbes.[16] Ix-xagħar twil u fin tagħha ġie miżbugħ bjond mitfi, u għajnejha “kannella daqs il-prinjoli taż-żnuber fil-ħarifa, kienu donnhom daħkana”.[17]

Francesco, bħala Kaptan Ġeneral tal-armati Venezjani, spiss kien ikollu jmur Venezja għal konferenzi u kien iħalli lil Isabella waħedha f’Mantova, f’La Reggia, il-palazz antik li kien is-sede tal-familja Gonzaga.[18] Madankollu, xorta kien ikollha l-kumpanija ta’ ommha u ta’ oħtha, Beatrice; u meta ltaqgħet ma’ Elisabetta Gonzaga, oħtha tar-rispett li kellha 18-il sena, saru ħbieb kbar. Kienu jieħdu gost jaqraw il-kotba, jilagħbu l-karti, u jivvjaġġaw fil-kampanja flimkien. Darba vvjaġġaw sal-Lag ta’ Garda meta Francesco kien assenti, u mbagħad ivvjaġġaw lejn Venezja. It-tnejn baqgħu qrib xulxin sal-mewt ta’ Elisabetta fl-1526.[18]

Kważi erba’ snin wara ż-żwieġ tagħha f’Diċembru 1493, Isabella welldet l-ewwel wild tagħha minn tmienja; bintha Eleonora, li kienu jgħajtulha Leonora fil-qosor.

Isabella u Francesco kellhom tmint itfal:[19]

Lucrezia Borgia

[immodifika | immodifika s-sors]

Sena wara ż-żwieġ tagħha ma’ ħu Isabella, Alfonso, fl-1502, Lucrezia Borgia bdiet taqlibha lir-raġel tagħha ma’ Francesco. Isabella kienet welldet lil bintha Ippolita, u matul ir-relazzjoni sesswali klandestina tar-raġel ma’ Lucrezia, kompliet ikollha t-tfal miegħu.[20] Preċedentement Lucrezia ppruvat tagħmel ħbieb ma’ Isabella, iżda Isabella qatt ma tatha wiċċ u injorata b’disprezz. Minn meta Lucrezia waslet għall-ewwel darba f’Ferrara bħala l-mara mwegħda lil Alfonso, Isabella, minkejja li kienet l-ospitant waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ, kienet tqis lil Lucrezia bħala rivali, u kull opportunità li kien ikollha kienet tipprova tispikka minflokha. Isabella kienet tgħir ħafna u kienet tbati emottivament minħabba r-relazzjoni li r-raġel tagħha kellu ma’ Lucrezia. Ir-relazzjoni klandestina tagħhom intemmet meta Francesco laqqat is-sifilide bħala riżultat tar-relazzjonijiet li kellu mal-prostituti.[21]

Ritratt ta’ Isabella d'Este magħmul minn Tiziano għall-ħabta tal-1534-1536.

Isabella qdiet rwol importanti f’Mantova meta l-belt kienet fil-għawġ. Meta r-raġel tagħha ġie maqbud fl-1509 u nżamm ostaġġ f’Venezja, hija ħadet il-kontroll tal-forzi miltari ta’ Mantova u rreżistiet l-invażuri sa ma nħeles fl-1512. F’dik l-istess sena, hija kienet l-ospitant fil-Kungress ta’ Mantova, li sar biex jiġu solvuti xi kwistjonijiet li kienu jikkonċernaw lil Firenze u lil Milan.[22] Bħala mexxejja, kienet tidher iktar assertiva u kompetenti mir-raġel tagħha. Meta Francesco ġie lura Mantova u ġie mgħarraf dwar dan, inkorla ferm u ħassu umiljat li martu wriet li kellha ħila politika superjuri. Dan wassal biex iż-żwieġ tagħhom sfaxxa b’mod irrevokabbli. B’hekk, Isabella bdiet tivvjaġġa liberament u bdiet tgħix b’mod indipendenti mir-raġel tagħha sa mewtu fid-19 ta’ Marzu 1519.

Wara li r-raġel tagħha miet, Isabella saret il-mexxejja ta’ Mantova bħala reġġent ta’ binha Federico. Hija bdiet taqdi rwol kulma jmur iktar importanti fil-politika Taljana, u kompliet tavvanza l-pożizzjoni ta’ Mantova. Kienet strumentali fil-promozzjoni ta’ Mantova għal Dukat, xi ħaġa li kisbet permezz tal-użu diplomatiku għaqli tal-kuntratti taż-żwieġ ta’ binha. Irnexxielha wkoll tikseb kardinalat għal binha Ercole. Fl-1502 uriet ukoll xi ssarraf politikament fin-negozjati li kellha ma’ Cesare Borgia, li ħa l-artijiet minn taħt il-kontroll ta’ Guidobaldo da Montefeltro, id-Duka ta’ Urbino u r-raġel ta’ oħtha tar-rispett u ħabibtha Elisabetta Gonzaga.

Isabella d'Este hija famuża bħala l-iktar patruna importanti tal-arti Rinaxximentali; ħajjitha hija ddokumentata bil-korrispondenza tagħha, li għadha arkivjata f’Mantova (irċeviet madwar 28,000 ittra u kitbet 12,000 ittra).[23][24]

Patruna tal-arti

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-qasam tal-pittura, Isabella kellha diversi artisti famużi jaħdmu għaliha, fosthom Giovanni Bellini, Giorgione, Leonardo da Vinci, Andrea Mantegna (li kien pittur li kien jgħix u jaħdem mal-familja tal-Markiża sal-1506), Perugino, Raffaello, Tiziano, Antonio da Correggio, Lorenzo Costa (li kien pittur li kien jgħix u jaħdem mal-familja tal-Markiża mill-1509), Dosso Dossi, Francesco Francia, Giulio Romano u bosta oħrajn. Pereżempju l-i“Studiolo” tagħha fil-Palazz Dukali ta’ Mantova, kien imżejjen b’allegoriji minn Mantegna, Perugino, Costa u Correggio.[25]

Fl-istess żmien, ikkummissjonat l-iktar skulturi u inċiżuri importanti ta’ dak iż-żmien, jiġifieri Michelangelo, Pier Jacopo Alari Bonacolsi (L'Antico), Gian Cristoforo Romano u Tullio Lombardo, u kienet tikkollezzjona l-arti Rumana antika.[26]

Bħala kittieba, ikkuntattjat lil Pietro Aretino, Ludovico Ariosto, Pietro Bembo, Baldassare Castiglione, Mario Equicola, Gian Giorgio Trissino u oħrajn.[27]

Fil-qasam tal-mużika, Isabella sponsorjat lill-kompożituri Bartolomeo Tromboncino u lil Marco Cara u hi kienet iddoqq il-ljut. Hija impjegat kantanti professjonali nisa ma’ djulha, xi ħaġa li ma kinitx tas-soltu, fosthom lil Giovanna Moreschi, il-mara ta’ Marchetto Cara.[28][29]

Fil-qasam tal-arkitettura, ma kellhiex biex tibni palazzi ġodda, iżda kkummissjonat lil arkitetti bħal Biagio Rossetti u Battista Covo.[30]

Peress li kienet minn ta’ quddiem fil-moda, kienet tordna l-ifjen ilbies, inkluż pelliċċi kif ukoll distillazzjonijiet ġodda ta’ fwejjaħ, li kienet toħloq hi stess u kienet tibgħat bħala rigali. L-istil tagħha li tilbes xedd ir-ras (capigliari) u décolletage ġie imitat fl-Italja kollha u fi Franza imperjali.[31]

Mix-xellug: Leonardo da Vinci: Isabella d'Este (1499); Mona Lisa (1502-1506, Prado, Madrid); Mona Lisa (1503-1506).

Isabella d'Este ġiet proposta bħala kandidat plawżibbli[32] għall-Mona Lisa ta’ Leonardo da Vinci tal-1503-1506, li s-soltu jitqies bħala r-ritratt ta’ Lisa del Giocondo. Lisa kienet il-mara ta’ merkant f’Firenze u Giorgio Vasari kiteb dwar ritratt tagħha magħmul minn Leonardo[33] – madankollu, mhux magħruf jekk dan ir-ritratt kienx ir-ritratt tal-Mona Lisa. Fost l-evidenza favur Isabella bħala s-suġġett tal-opra tal-arti famuża tinkludi tpinġija ta’ Isabella d'Este magħmula minn Leonardo fl-1499 u l-ittri tagħha tal-1501-1506 fejn talbet ir-ritratt impitter tagħha;[34] argumenti oħra favur din l-ipoteżi huma l-muntanji fl-isfond tal-pittura u l-poġġaman bħala simbolu Rinaxximentali f’ritratt ta’ sovrana.

Identifikazzjonijiet potenzjali f’ritratti

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratti ta’ Isabella d'Este. Dettalji: midalja ta’ Gian Cristoforo Romano; tpinġija ta’ Leonardo da Vinci; Tiziano (magħrufa iktar il-kopja ta’ Peter Paul Rubens): Isabella bl-Aħmar; Tiziano (suġġett ta’ età iżgħar): Isabella Bl-Iswed vs La Bella (1536); minjatura ta’ Ambras ta’ artist mhux magħruf.

Minkejja li kienet patruna sinifikanti tal-arti, inkluż għal għadd ta’ ritratti – l-ebda persuna oħra ta’ żmienha ma kien is-suġġett ta’ daqstant ritratti – ma tantx fadal wisq ritratti ta’ Isabella li waslu sa żminijietna. Dawn il-ftit ritratti huma magħrufa bħala mhux omoġenji, jiġifieri l-kulur tal-għajnejn u tax-xagħar ivarja kif ukoll ħaġbejha jvarjaw fiż-żewġ ritratti magħmula minn Tiziano.[35] Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ritratt tagħha meta kellha bejn 26 u 54 sena. Huwa magħruf li meta kienet imdaħħla fiż-żmien, Isabella kienet tippreferi pitturi idealizzati u saħansitra rrifjutat li tippoża bħala mudella.[36] Madankollu, jista’ jiġi preżunt li xorta waħda insistiet li tara l-fattizzi personali tagħha fl-eżitu tar-ritratti.[37] Isabella kienet toqgħod b’seba’ għajnejn kif tiġġestixxi l-immaġni tagħha. Ritratt tagħha magħmul minn Andrea Mantegna ġie rrifjutat għaliex “ma kellu l-ebda xebħ”. Ir-ritratt wisq probabbli kien jixbah wisq lil Isabella, li kienet magħrufa għall-korpulenza tagħha.

F’dawn l-aħħar snin, diversi mużewijiet irtiraw il-ftit identifikazzjonijiet tar-ritratti bħala Isabella minħabba r-riskju ta’ identifikazzjoni żbaljata. L-aħħar tliet ritratti kkuluriti li fadal xorta waħda mhumiex omoġenji u jinsabu fil-Kunsthistorisches Museum/KHM, Vjenna, l-Awstrija:[38]

  • Isabella bl-Aħmar ta’ Tiziano, madwar l-1529 (intilfet, magħrufa minn kopja ta’ Peter Paul Rubens għall-ħabta tal-1605
  • Isabella bl-Iswed ta’ Tiziano, 1536
  • “Minjatura ta’ Ambras”, is-seklu 16

La Bella (li tinsab fil-Palazzo Pitti, f’Firenze) ġiet diskussa bħala alternattiva għar-ritratt tal-1536 li għamel Tiziano fi Vjenna, minħabba li l-kummissjoni mill-patruna ta’ 60 sena kienet ritratt ta’ mara ta’ età iżgħar; kieku La Bella kienet Isabella, il-kulur tal-għajnejn, il-kulur tax-xagħar, il-ħaġbejn u d-dehra ġenerali kienu jkunu omoġenji fir-ritratti magħrufa kollha, u b’hekk kien ikun possibbli li jsiru iktar identifikazzjonijiet.[39]

Attwalment, il-midalja tal-1495 magħmula minn Gian Cristoforo Romano (jeżistu diversi kopji) hija l-unika identifikazzjoni affidabbli minħabba l-iskrizzjoni li nħolqot matul il-ħajja ta’ Isabella.[40]

Missjonijiet diplomatiċi u t-trattament tal-iskjavi

[immodifika | immodifika s-sors]

Isabella kienet iltaqgħet mar-Re Franċiż f’Milan fl-1500 matul missjoni diplomatika ta’ suċċess li kienet wettqet sabiex tipproteġi lil Mantova minn invażjoni min-naħa tal-Franċiżi. Ir-Re Louis kien baqa’ impressjonat mill-personalità distinta u mill-intelliġenza kbira tagħha.[41] Kien matul dan iż-żmien, meta t-truppi tar-re kienu okkupaw il-belt ta’ Milan, li Isabella offriet l-ażil lir-refuġjati minn Milan, fosthom lil Cecilia Gallerani, il-mara raffinata li kienet taqlibha lir-raġel tagħha ma’ Ludovico Sforza, id-Duka ta’ Milan u r-raġel ta’ Beatrice, oħt Isabella. Ludovico Sforza kien ġie mġiegħel jaħrab mid-dukat tiegħu fid-dawl tal-okkupazzjoni Franċiża. Isabella ppreżentat lil Cecilia lir-Re Louis, u ddeskrivietha bħala “mara mimlija kwalitajiet u grazzja rari”.[42]

Isabella kienet ukoll eżempju estrem tat-tendenza Rinaxximentali Ewropea li tittratta lill-iskjavi Afrikani ta’ karnaġġjon iswed fl-unità domestika tagħha bħala aċċessorji eżotiċi. Isabella kienet affaxxinata bil-qaddejja tfal ta’ karnaġġjon iswed u dan ġie ddokumentat b’mod estensiv.[43] Fl-1 ta’ Mejju 1491, Isabella staqsiet lil Giorgio Brognolo, l-aġent tagħha f’Venezja, biex isibilha tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed (una moreta) tal-età bejn sena u nofs u erba’ snin, u fil-bidu ta’ Ġunju fakkritu darbtejn dwar it-talba tagħha, u saħqet li t-tifla kellha jkollha “karnaġġjon iswed kemm jista’ jkun”.[44] L-unità domestika ta’ Isabella u r-rekords finanzjarji tagħha juru li diġà kellha tfajla ta’ karnaġġjon iswed taqdiha li kienet ikbar fl-età, meta talbet għal tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed. Mir-rekords jidher ċar li kisbet tifla żgħira ta’ karnaġġjon iswed minn orfanatrofju Venezjan, fetħet negozjati ma’ entità Venezjana għall-bejgħ ta’ tifel żgħir ta’ karnaġġjon iswed u xtrat tifla żgħira skjava ta’ karnaġġjon iswed mingħand oħtha.[45] Il-kummissjoni għax-xiri ta’ tifla żgħira “ta’ karnaġġjon iswed kemm jista’ jkun” tista’ titqies bħala xewqa li jkollha eżotiżmu massimu.[46]

“Kap ta’ stat devota”

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala armla, Isabella, meta kellha 45 sena, saret “kap ta’ stat devota”.[47] Il-pożizzjoni tagħha bħala Markiża kien jitlob minnha li toqgħod attenta ferm, u għalhekk kellha tistudja l-problemi li jħabbat wiċċu magħhom mexxej ta’ belt-stat. Sabiex ittejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, hija studjat l-arkitettura, l-agrikoltura, u l-industrija, u segwiet il-prinċipji li kien fassal Niccolò Machiavelli għall-mexxejja fil-ktieb tiegħu Il-Prinċep. Bis-saħħa ta’ dan kollu, il-poplu ta’ Mantova kien jirrispettaha u jħobbha.[48]

Isabella telqet minn Mantova u marret tgħix f’Ruma fl-1527. Kienet preżenti matul is-Serqa katastrofika ta’ Ruma, meta kkonvertiet id-dar tagħha f’kenn għal madwar 2,000 persuna li kienu qed jaħarbu mis-suldati imperjali. Id-dar ta’ Isabella kienet waħda mill-ftit li ma ġewx attakkati, minħabba l-fatt li binha kien membru tal-armata li kienet qed twettaq l-invażjoni. Meta telqet, irnexxielha tikseb passaġġ sikur għar-refuġjati kollha li kienu marru għall-kenn f’darha.

L-aħħar snin u l-mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li Ruma ġiet stabbilizzata wara s-serqa, Isabella telqet mill-belt u reġgħet lura f’Mantova. Hija għamlet il-belt ta’ Mantova ċentru tal-kultura, fetħet skola għall-bniet, u kkonvertiet l-appartamenti dukali tagħha f’mużew li kien fih teżori fini tal-arti. Dan kollu ma kienx biżżejjed biex jissodisfa lil Isabella, li diġà kellha iktar minn 65 sena, u għalhekk reġgħet lura fil-ħajja politika u kienet il-mexxejja ta’ Solarolo, fir-Romagna, sa mewtha fit-13 ta’ Frar 1539. Isabella ġiet midfuna maġenb ir-raġel tagħha fil-Knisja ta’ San Franġisk f’Mantova.[49]

Matul ħajjitha u wara mewtha, il-poeti, il-Papi, u l-istatisti taw ġieħ lil Isabella. Il-Papa Ljun X stidinha tittrattah “daqslikieku kien ħuha”. Is-segretarju tal-Papa Ljun X, Pietro Bembo, iddeskriviha bħala “waħda mill-iktar nisa għorrief u ffurtunati”; filwaqt li l-poeta Ariosto ddeskriviha bħala “Isabella l-liberali u l-ġeneruża”. L-awtur Matteo Bandello kiteb li hija kienet “suprema fost in-nisa”, u d-diplomatiku Niccolò da Correggio taha t-titlu ta’ “l-Ewwel Mara tad-Dinja”.[4]

Fil-mezzi tax-xandir

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xogħol tal-arti The Dinner Party ta’ Judy Chicago jinkludi ambjent għal Isabella d'Este.[50]

L-attriċi Belġjana Alexandra Oppo ħadmitha ta’ Isabella d'Este fis-sensiela televiżiva Borgia (2011-2014).[51]

  1. Marek, George R. (1976). The Bed and the Throne: The Life of Isabella d'Este. New York: Harper and Row Publishers. p. 8. ISBN 978-0-06-012810-4.
  2. Marek, p. 9.
  3. Marek, p. 16.
  4. 1 2 Marek, p. 14.
  5. Marek, p.12.
  6. Julia Mary Cartwright Ady, Isabella d'Este, marchioness of Mantua, 1474–1539: a study of the renaissance, Volume 1, 1907.
  7. Marek, p. 13.
  8. Gardener, Edmund (1904). Dukes & Poets in Ferrara. London: Archibald Constable & Co. LTD. p. 238.
  9. Ness, Arthur J. (2001). "Giovanni Angelo Testagrossa". In Root, Deane L. (ed.). The New Grove Dictionary of Music and Musicians. Oxford University Press.
  10. Marek, pp.16–17.
  11. "ISABELLA d'Este, marchesa di Mantova in "Dizionario Biografico"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-18.
  12. "ISABELLA d'Este, marchesa di Mantova in "Dizionario Biografico"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-18.
  13. Marek, p. 28.
  14. Marek, p. 30.
  15. Marek, p. 33.
  16. Marek, pp. 33–34.
  17. Marek, p. 34.
  18. 1 2 Marek, p. 35.
  19. "Gonzaga 3". genealogy.euweb.cz. Miġbur 2021-05-18.
  20. Marek, pp.166-169.
  21. Marek, pp.147-148.
  22. Marek, p. 250.
  23. Shemek, Deanna: Phaethon's Children: The Este Court and its Culture in Early Modern Ferrara. Medieval and Renaissance Texts and Studies (Arizona) 2005, p. 277.
  24. Luzio, Alessandro: La Galleria dei Gonzaga – Appendice B: I ritratti d'Isabella d'Este. Casa Editrice L. F. Cogliati (Milan) 1913.
  25. Ferino, Sylvia: Isabella d'Este – Fürstin und Mäzenatin der Renaissance. Kunsthistorisches Museum Wien (Vienna) 1994, pp. 86–425.
  26. Ferino, Sylvia: Isabella d'Este – Fürstin und Mäzenatin der Renaissance. Kunsthistorisches Museum Wien (Vienna) 1994, pp. 86–425.
  27. Cartwright (1907).
  28. Ferino (1994), pp. 429–432.
  29. Tick, Judith et al.: Women in music, §II: Western classical traditions in Europe & the USA. In: Macy, Laura: Grove Music Online. Oxford Music Online. Oxford University Press.
  30. Ferino (1994), p. 18.
  31. Marek (1952), p. 159.
  32. Zöllner, Frank: Leonardo da Vinci – Sämtliche Werke. Taschen Verlag (Cologne) 2007, p. 241.
  33. Vasari, Giorgio: Lebensläufe der berühmtesten Maler, Bildhauer und Architekten. 1550 / Manesse Verlag (Zurich) 2005, p. 330.
  34. Lewis, Francis-Ames: Isabella and Leonardo. Yale University Press (New Haven) 2012, Appendix Letters pp. 223–240.
  35. Ferino (1994), p. 86.
  36. Ferino (1994), p. 94.
  37. Luzio, Alessandro: Federico Gonzaga ostaggio alla corte di Giulio II. Societa Romana di storia patria (Rome) 1887, p. 59: "... pregandolo tuttavia a ritoccare il ritratto ne' capelli, che il pittore aveva fatti troppo biondi" u Luzio (1913), p. 213: "... a commutar gli occhij de nigri in bianchi".
  38. KHM Vienna: Inv. 83, Inv 1534, Inv 5081.
  39. Ozzola, Leandro (1931): Isabella d'Este e Tiziano. In: Bolletino d'Arte del Ministero della pubblica istruzione. BdA (Rome) 1931 No. 11, pp. 491–494.
  40. KHM Vienna, Inv 6.272bß and Ferino (1994), pp. 373–378.
  41. Marek, p. 80-81.
  42. Marek, p. 80.
  43. Alessandro Luzio and Rodolfo Renier, 'Buffoni, schiavi e nani alla corte dei Gonzaga ai tempi d'Esabella d'Este', Nuova Antologia, 19 (1891), pp. 112–46, 140–5.
  44. Paul H.D. Kaplan, "Isabella d'Este and black African women," Black Africans in Renaissance Europe, (Cambridge: Cambridge University Press, 2005).
  45. Kaplan, p. 153.
  46. Joaneath Spicer, "European Perceptions of Blackness as Reflected in the Visual Arts," Revealing the African Presence in Renaissance Europe, (Baltimore: The Walters Art Museum, 2012).
  47. Marek, p. 204.
  48. Marek, p. 205.
  49. "Este, Beatrice d' and Isabella d' | Encyclopedia.com". www.encyclopedia.com. Miġbur 2021-05-18.
  50. "Brooklyn Museum: Place Settings". www.brooklynmuseum.org. Miġbur 2021-05-18.
  51. "Borgia - imdb.com".