Filosofija f'Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Il-filosofija f'Malta)

Il-Filosofija f’Malta tirreferi għall-filosofija li għamlu ċittadini Maltin jew ta’ nisel Malti, kemm jekk għexu Malta jew barra minn Malta, kemm jekk kitbu bl-ilsien Malti jew f’xi ilsien barrani. Għalkemm Malta hija biss gżira ċkejkna Ewropea f’nofs il-Baħar Mediterran, għal dawn l-aħħar sitt sekli l-popolazzjoni żgħira tagħha ġiet f’kuntatt mill-qrib ma’ xi wħud mill-movimenti ewlenin politiċi, akkademiċi u intellettwali tal-Ewropa.[1] Il-filosofija kienet waħda mill-oqsma li nġibdu lejha l-akkademiċi u l-intellettwali.[2]

Il-qoxra tal-opus magnus tal-1609 ta’ Ġwann Mattew Rispoli

Matul il-biċċa l-kbira tal-istorja tagħha, f’Malta l-filosofija kienet sempliċiment studjata bħala parti mill-kors bażiku istituzzjonali li kien iħejji l-kandidati sabiex isiru saċerdoti Kattoliċi, avukati jew tobba.[3] Kien biss fl-aħħar kwart tas-seklu 20 li l-filosofija bdiet tikseb importanza dejjem akbar għaliha waħedha u għaliha nnifisha[4] Minkejja dan, matul is-snin kien hemm akkademiċi u intellettwali Maltin li spikkaw għall-ħila filosofika tagħhom. Għalkemm kellhom limitazzjonijiet qawwija xi jżommhom lura, xorta waħda taw sehem modest iżda sinifikanti għall-għarfien tal-filosofija u għall-iżvilupp ta’ xi friegħi tagħha.

Għalkemm il-filosofija kienet mgħallma f’Malta f’bosta istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja sa minn nofs is-seklu 16 ’il quddiem, mit-tieni nofs tas-seklu 18 ’il quddiem kienet l-Università ta’ Malta l-istituzzjoni akkademika ewlenija li l-aktar ippromoviet l-attività u r-riċerka filosofika.[5] Illum, l-aktar minħabba aċċess eħfef għall-għejjun ta’ riċerka u wkoll minħabba t-tkabbir u l-firxa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-istħarriġ u l-interess filosofiku fil-gżejjer Maltin saru mifruxa aktar, kemm fl-għadd ta’ dawk li jitħajru għalihom u kemm fid-diversità tal-kontenut.

Storja qasira[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żmien ta’ qabel il-Kavallieri (pre-1530)[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel ma waslu Malta l-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-ewwel nofs tas-seklu 16, il-gżejjer Maltin kienu art itturufnata bi ftit li xejn siwi politiku.[6] Il-ftit intellettwali li kienu jgħixu hawnhekk kibru fi ħdan jew madwar l-ordnijiet reliġjużi Kattoliċi li kien hemm fil-gżejjer. Ir-rabtiet kulturali kienu l-aktar ma’ Sqallija fil-qrib.[7] Il-filosofija kienet studjata l-aktar, jekk mhux biss, bħala tarġa għat-teoloġija.[8] F’dak iż-żmien, Sqallija kienet ċentru akkademiku, intellettwali u kulturali attiv u famuż. Il-professjonisti kollha kienu jistudjaw hemmhekk u jiggradwaw mill-iskejjel li kien hemm.[9] Kien żmien meta r-Rinaxximent kien fl-aqwa tiegħu. Minkejja li l-Kontra-Riforma kellha sehem qawwi f’kull istituzzjoni akkademika u intellettwali, il-letteratura li ħarġu l-edukaturi ewlenin tar-Riforma, bħal Luteru u Erażmu, kienu fl-idejn u jinqraw minn ħafna.[10]

Iż-Żmien tal-Kavallieri ta’ San Ġwann (1530–1798)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kavallieri ta’ San Ġwann għamlu minn Malta darhom fl-1530 u baqgħu sidien sovrani tal-gżejjer Maltin sakemm ġew imkeċċija minn Napuljun fl-1798.[11] Bħala regola, kien jinteressahom mill-edukazzjoni u l-kultura daqskemm kien jinteressahom mill-kampanji militari u l-ġid ekonomiku tagħhom.[12] Minkejja dan, għalkemm kienu jħeġġu l-edukazzjoni għolja billi jagħtu protezzjoni lill-bosta kulleġġi u universitajiet li kienu ġew imwaqqfa (speċjalment mill-ordnijiet reliġjużi Kattoliċi), żammew ukoll ħarsien strett ħafna fuq kull qasam tal-istudju u x-xjenza.[13] Ċertament ma kinux iħobbu jew iridu li l-Inkwiżizzjoni taqbad magħhom, għax dan kien joskurahom mal-Papa f’Ruma.[14]

Ix-xogħol fuq l-ontoloġija ta’ Anġlu Pirotta (1935/40)

Għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-filosofija kompliet tiġi meqjusa biss bħala l-qaddejja tat-teoloġija, xi intellettwali ħadu l-interess li diskretament jiġbdu x-xogħlijiet tagħhom f’mogħdijiet anqas magħrufa jew mistennija mis-soltu. Minkejja li l-kontribuzzjonijiet filosofiċi ta’ dawn l-għalliema huma affaxxinanti fihom infushom, il-kontroll u r-restrizzjonijiet li kien hemm fuq l-attività intellettwali qajla ħallitilhom fejn jimirħu b’oriġinalità u ħolqien tal-ħsieb.

F’dan iż-żmien, l-ambjenti intellettwali kienu lkoll parti mill-moviment kbira Skolastiku, fejn Aristotli kien jingħata qima kważi ta’ alla.[15] Madanakollu, l-Iskolastiċi kienu mifruqa f’żewġ kampijiet opposti għal xulxin: filwaqt li l-parti l-kbira kienet taqra lil Aristotli mill-għajnejn ta’ Tumas ta’ Akwinu, l-oħrajn kienu jaqrawh mill-għajnejn ta’ Ġwanni Duns Scotus.[16] Tal-ewwel kienu jissejħu ‘Tomisti’ u l-oħrajn ‘Skotisti’. Ilkoll, kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra, dawn l-akkademiċi u intellettwali kienu jipproduċu għadd bla qies ta’ kummentarji, jew ta’ Aristotli nnifsu jew tal-imgħallem rispettiv tagħhom. Il-kreattività kollha tagħhom kienu jesprimuha strettament fi ħdan il-limiti tal-iskola tagħhom tal-ħsieb, u dan rażżan kważi għal kollox kull ħsieb ġdid jew ażżardat.

Matul il-parti tas-seklu 18 ta’ dan iż-żmien tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, ix-xjenza u l-metodu xjentifiku bdew jagħmlu passi qawwija ’l quddiem lil hinn mit-trunċieri tal-Iskolastiċi.[17] Ġeneralment, din il-linja ta’ ħsieb ma kinetx tiġi meħudha mill-ekkleżjastiċi, li fuqhom il-kontroll kien aktar qawwi, iżda minn lajċi professjonali, speċjalment tobba. Iżda dawn ftit li xejn kellhom xi influwenza qawwija fuq l-istudenti fi ħdan l-istituzzjonijiet akkademiċi, li kienu għal kollox taħt idejn il-membri tal-ordnijiet reliġjużi.

Iż-Żmien ta’ bejn iż-żewġ Saltniet (1798–1813)[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn tmiem iż-żmien tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta, ideat li kienu splussivi għall-ħabta tar-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789 bdew jaqbdu ġmielhom fost ambjenti intellettwali li kienu ddejqu bl-Iskolastiċiżmu u riedu arja intellettwali kemxejn ġdida.[18] Dawn ġew fl-aqwa tagħhom madwar l-1798, meta Napuljun keċċa l-Kavallieri ta’ San Ġwann.[19] Minkejja dan, dawn l-ideat kienu diġà qegħdin iduru fost l-intellettwali sa minn għaxar snin qabel Napuljun. Tabilħaqq, kienu ideat influwenzati ħafna mill-filosofiji Illuministi, speċjalment fi Franza.

[La Giurisprudenza Vindicata (1779) ta’ Ġann Nikol Muscat

Iż-Żmien Kolonjali Britanniku (1813–1964)[immodifika | immodifika s-sors]

F’dan iż-żmien, l-iskejjel għolja komplew ix-xogħol li kienu jagħmlu bħal fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.[20] Għal darba oħra, l-Iskolastiċiżmu kien fuq quddiem u b’saħħtu daqs qabel. Iżda din id-darba, minkejja li ċ-ċirkustanzi tbiddlu ħafna fuq medda ta’ żewġ sekli ta’ ħakma Britannika, kien it-Tomiżmu biss li saltan waħdu.[21] Bħal fis-snin ta’ qabel, il-biċċa l-kbira tal-filosfi f’dan iż-żmien kienu nies tal-Knisja, l-aktar membri tal-ordnijiet reliġjużi. Għal darba oħra, minħabba ċ-ċensura u l-kontroll li kien hemm fuqhom, bil-kemm qatt azzardaw jipproponu xejn filosofikament oriġinali jew immaġinattiv. Eċċezzjoni sorprendenti għal dan kollu kien Manwel Dimech, li għex u ħadem fil-bidu tas-seklu 20. Mhux biss ma kien iħaddan ebda għamla ta’ Skolastiċiżmu, iżda saħansitra kien filosfu innovattiv u oriġinali, kif ukoll riformatur soċjali.[22]

Iż-Żmien ta’ wara l-Indipendenza (1964–)[immodifika | immodifika s-sors]

Sa żmien l-Indipendenza ta’ Malta l-Iskolastiċiżmu kien naqas mill-iskejjel għolja u għoddu xxejjen għal kollox mill-ambjenti intellettwali.[23] Ftit li xejn baqa’ min jistudja u jieħu bis-serjetà d-duttrini tiegħu għajr f’dawk l-imkejjen iżolati reliġjużi Kattoliċi. Mill-bqija, baqa’ jeżisti biss b’mod indirett fil-katekiżmu li t-tfal kollha kienu jiġu mgħallma bi tħejjija għas-sagramenti.

Il-ktieb Beginning Philosophy ta' Peter Serracino Inglott(1987)

Il-bqija tal-filosfi oħrajn li ħallew warajhom l-istudju formali tal-Iskolastiċiżmu saru aktar avventurużi fil-ħidmiet intellettwali tagħhom. Huma bdew jistħarrġu oqsma li, sa żmien il-Britanniċi (u wisq aktar fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwanni), ma setgħux jidħlu fihom.[24] F’termini tal-iżvilupp ta’ kif il-filosofija ħadet xejra aktar miftuħa f’Malta, jispikka Peter Serracino Inglott, speċjalment minn tmiem is-snin 60 lil hawn.

F’dan iż-żmien, kien hemm ukoll għadd ta’ filosfi Maltin li għexu u ħadmu barra minn Malta, f’artijiet fejn marru joqogħdu ħafna emigranti. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-filosfi, filwaqt li żammew kuntatt limitat ħafna ma’ Malta, kellhom mod ieħor ta’ kif jaħsbu u ta’ kif jagħmlu l-filosofija.

Il-Katedra tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Din li ġejja hi lista tal-professuri li żammew il-Katedra tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta, l-ogħla istituzzjoni akkademika filosofika ġewwa l-gżejjer Maltin.[25] Id-dati jirreferu għaż-żmien li fih żammew l-uffiċċju tagħhom.[26] Din il-katedra tal-filosofija ġiet imwaqqfa fl-1771 mill-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Manwel Pinto da Fonseca, meta biddel il-Collegium Melitense (Kulleġġ Malti) tal-Ġiżwiti fl-Università ta’ Malta.[27]

1. Ġużeppi Moncada 1771-73
2. Ġużeppi Xerri 1773
Bejn l-1773 u l-1778, il-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Francisco Ximenes de Texada, ġab l-attivitajiet tal-università fix-xejn.
3. Duminku Malarbi[28] 1778-79
4. Ġużeppi Moncada 1780-86
5. Mikiel Xerri 1786-98
Bejn l-1798 u l-1800, Napuljun issospenda l-katedra.
6. Salvatur Montebello 1800-04
7. Pietru Mallia 1804-22
8. Ġilormu Inglott 1822-27
9. Karl Cicognani Cappelli 1827-29
10. Ġużeppi Fenech 1829-43
11. Vinċenz Pawlu Galea 1843-59
12. Ġorġ Caruana 1859-72
13. Nikola Crescimanno 1872-76
14. Nikola Zammit 1876-90
15. Franġisk Bonnici 1890–1900
16. Anastasju Cuschieri 1901-39
17. Salvu Grima 1939-49
Ġużeppi Sapiano (aġent) 1950-51
Ġużeppi Lupi (aġent) 1951-53
18. Ġużeppi Sapiano 1953-71
19. Peter Serracino Inglott 1971-78
Bejn l-1978 u l-1987, Dom Mintoff issospenda l-katedra.
20. Peter Serracino Inglott 1987-96
21. Joe Friggieri 1996-2012
22. Claude Mangion 2012-

Għarfien akbar[immodifika | immodifika s-sors]

It-Trattato Filosofico-Medico dell’Uomo tal-1749 ta’ Salvatur Bernard

Riċerka[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn wieħed u l-ieħor f’dawn l-aħħar għoxrin sena, beda jsir sforz imġedded sabiex jiġi magħruf aħjar u mogħti attenzjoni aktar xierqa s-sehem tal-filosofija fil-gżejjer Maltin. Din il-ħtieġa kibret għal żewġ raġunijiet ewlenin.[29] L-ewwel, għax il-Maltin infushom, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ riċerka meħtieġa, ma kinux qegħdin jirrikonoxxu, wisq anqas japprezzaw, it-tradizzjoni filosofika lokali. It-tieni, għax kull attività li kienet qiegħda titwettaq fil-qasam filosofiku―kemm jekk bit-tagħlim, kemm jekk bil-kitba u kemm jekk f’sempliċi diskussjonijiet―kienet qed issir bħallikieku l-filosofija f’Malta kellha, l-aktar l-aktar, preżent mingħajr imgħoddi.[30]

I r-riċerka fl-arkivji ħareġ mill-għeluq u d-dlam ismijiet, manuskritti u personalitajiet li qajla kienu magħrufa qabel.[31] Fuq il-bażi ta’ dan ix-xogħol, ġew ippubblikati kotba ta’ gwida (1995; 2001; 2009), u saru korsijiet speċjalizzati fuq is-suġġett fl-Università ta’ Malta (1996; 2012; 2013) u f’istituzzjonijiet għolja oħra ta’ tagħlim. Ġiet ukoll organizzata l-ewwel konferenza dwar il-ħidma filosofika fil-gżejjer Maltin (1996).

Apprezzament[immodifika | immodifika s-sors]

L-Amalthéa (1724) ta' Ġann Kustaz Parnis

Sa mis-seklu 16, il-filosofija tat sehem xierqa lill-ħajja akkademika u, xi kultant, intellettwali u kulturali tal-intelliġensja Maltija. F’ħafna każijiet, dan is-sehem kien bħala għodda għall-mexxejja ċivili u ekkleżjastiċi ħalli jikkonservaw u jipperpetwaw id-duttrini ortodossi u uffiċjali tagħhom. F’każijiet oħrajn, dan is-sehem offra mogħdijiet alternattivi u immaġinattivi ta’ ħsieb. Iżda minkejja t-tradizzjoni relattivament twila tagħha, Malta qatt ma kellha xi filosofija partikulari marbuta speċifikament ma’ isimha. Għalkemm ġieli kienu innovattivi u kreattivi, fil-biċċa l-kbira tagħhom il-filosfi Maltin dejjem ħadmu b’ideat importati minn barra u qajla―ħlief f’każijiet tassew rari (bħal dak ta’ Manwel Dimech)―għamlu xi skoperti ġodda fil-qasam filosofiku. Minkejja l-filosofija ta’ ħafna minnhom m’affettwatx il-ħajja soċjali u politika tal-Maltin, xi wħud mill-filosfi Maltin kellhom relazzjonijiet qawwija mal-ġrajjiet kurrenti ta’ żmienhom, u xi minn daqqiet saħansitra anki stimulaw il-bidla soċjali. Mal-medda tas-snin, il-filosofi Maltin ma żammewx ma tradizzjonijiet filosofika waħda. Il-biċċa l-kbira tagħhom kienet tal-iskola Aristoteliko-Tomista. Iżda xi minn daqqiet, xejriet filosofiċi oħra tfaċċaw fil-wiċċ, speċjalment mill-aħħar kwart tas-seklu 20 ’il quddiem. Dawn ix-xejriet stħarrġu oqsma fl-umaniżmu, l-empiriċiżmu, il-pragmatiżmu, l-eżistenzjaliżmu, l-analiżi lingwistika, il-post-moderniżmu u oħrajn. Ħlief għal każijiet uniċi, aktar milli rari, it-teiżmu kien element kostanti tul it-tradizzjoni filosofika kollha tal-gżejjer Maltin.

Matul l-aħħar tletin sena, il-filosofija f’Malta ħadet xejra għal kollox differenti milli kellha qabel. Peter Serracino Inglott taha nifs straordinarju ġdid billi wessgħalha x-xefaq tagħha, żewqilha l-interessi li kellha, u għenha tizhar fl-oqsma soċjali, politiċi u artistiċi. Dan l-istil ġdid ta’ kif issir il-filosofija ħajret bosta akkademiċi u intellettwali oħra sabiex jieħdu l-istess mogħdija u jdakkru l-ħsieb b’avventuri ġodda.

Xi Filosfi Maltin[immodifika | immodifika s-sors]

Din li ġejja hija lista ta’ xi wħud mill-aqwa filosfi Maltin matul iż-żmien, u l-aktar rappreżentattivi tat-tradizzjoni filosofika Maltija. Il-kontribuzzjonijiet filosofiċi li taw xi wħud minn ta’ dawn il-filosfi għad għandhom sal-lum siwi xieraq. Oħrajn huma aktar magħrufa għall-profondità tagħhom daqskemm oħrajn għall-oriġinalità u l-kreattività li kellhom.

Id-De Legibus (1719) ta' Rożar Marija Hagius

Seklu 15

Seklu 17

  • Massimiljan Balzan (1637–1711)
  • Ġwann Mattew Rispoli (1582–1639)

Seklu 18

  • Kustanz Vella (1687–1759)
  • Ġann Kustanz Parnis (1695–1735)
  • Ġużeppi Demarco (1723–1789)
  • Salvatur Bernard (1724–1806)
  • Ġann Nikol Muscat (1735-m. 1800)

Seklu 19

Seklu 20

Paġna mill-manuskritti ta’ Ġużeppi Demarco
  • Manwel Dimech (1860–1921)
  • Anastasju Cuschieri (1872–1962)
  • Anġlu Pirotta (1894–1956)
  • Nazzarenu Camilleri (1906–1973)
  • John Micallef (1923–2003)
  • Edward De Bono (t. 1933)
  • Peter Serracino Inglott (1936–2012)
  • Kenneth Wain (t. 1943)
  • Joe Friggieri (t. 1946)
  • Oliver Friggieri (t. 1947)
  • Sandra Dingli (t. 1952)
  • Mario Vella (t. 1953)
  • John Peter Portelli (t. 1954)
  • Emmanuel Agius (t. 1954)
  • Anthony Abela (1954–2006)
  • Michael Zammit (t. 1954)
  • Joseph Giordmaina (t. 1963)
  • John Baldacchino (t. 1964)
  • Mark Montebello (t. 1964)
  • Clive Zammit (t. 1964)
  • Mark Sultana (t. 1973)

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ H. Frendo, ‘National identity’, Malta: Culture and Identity, ed. by H. Frendo and O. Friggieri, Ministry of Youth and the Arts, Malta, 1994, pp. 2–5.
  2. ^ A. Cassola, The Literature of Malta: An example of unity in diversity, European Commission, Minima, Malta, 2000, pp. vii–ix.
  3. ^ J. Cassar Pullicino, ‘The re-opening of the university in 1800’, Journal of the Faculty of Arts, Malta, 1958, 2, pp. 144–5.
  4. ^ J. Friggieri, 'Letter from Malta', The Philosophers' Magazine (England), 55, 4th quarter, 2011, pp. 49.
  5. ^ J. Friggieri, Letter from Malta, The Philosophers' Magazine (England), 55, 4th quarter 2011, pp. 48–51.
  6. ^ A.P. Vella, Storja ta' Malta, Vol. I, Klabb Kotba Maltin, Malta, 1993, pp. 185–188.
  7. ^ G.F. Abela, Descrittione di Malta, Malta, 1647, pp. 288ff., passim.
  8. ^ M. Fsadni, Id-Dumnikani fir-Rabat u fil-Birgu sa l-1620, Malta, 1974, pp. 134–136.
  9. ^ G. Wettinger and M. Fsadni, Peter Caxaro's Cantilena, Malta, 1963.
  10. ^ A. Bonnici, Storja tal-Inkizizzjoni ta' Malta, Vol. I, Religjon u Hajja, Storja, 16, Frangiskani Konventwali, Rabat, Malta, pp. 34–36.
  11. ^ J. Galea, Malta's Timeline, ed. minn R.M. Cassar, Malta, 1989, pp. 27 et seq.
  12. ^ J. Zammit Mangion, Education in Malta, Studia Editions, Malta, p. 12.
  13. ^ C. Cassar, Sex, Magic, and the Periwinkle, PIN Publications, Malta, pp. 1–4.
  14. ^ F. Ciappara, The Roman Inquisition in Enlightened Malta, PIN Publications, Malta, pp. 44–47.
  15. ^ M. Vella, Reflections in a Canvas Bag, PEG Publishers, Malta, pp. 80–81.
  16. ^ A. Vella, 'The University of S. Maria Portus Salutis', Journal of the Faculty of Arts, Vol. II, No. 2, 1960, pp. 165–167.
  17. ^ F. Ciappara, Society and the Inquisition in Early Modern Malta, PEG Publications, Malta, 2000, pp. 101–113.
  18. ^ F. Sammut, Il-Holma Maltija, SKS Publications, Malta, pp. 5–7.
  19. ^ V. Mallia-Milanes, ed. (1993), Hospitaller Malta 1530–1798, Studies on Early Modern Malta and the Order of St John of Jerusalem, passim.
  20. ^ V. Mallia-Milanes, ed. (1988), The British Colonial Experience 1800–1964: The Impact on Maltese Society, passim; and Bonnici, A., (1990–1994), Storja ta’ l-Inki]izzjoni ta’ Malta, 3 volumes, passim.
  21. ^ J. Chircop, The Left within the Maltese Labour Movement, Mireva Publications, Malta, pp.50-51.
  22. ^ M. Montebello, Dimech, PIN Publications, Malta, 2004, Chap. IV.
  23. ^ A. Vella (1966) ‘The origins and development of the Royal University of Malta’, Foundation Day Ceremony, Oration delivered in the church of the university, 12 November 1965, University Press, Malta, pp. 15–16.
  24. ^ C. Sammut, 'Reassessing the Maltese media system', Social Transitions in Maltese Society, ed. by J. Cutajar and G.Cassar, Agenda Publications, Malta, pp. 77–82.
  25. ^ J. Friggieri, Letter from Malta, The Philosophers' Magazine (England), 55, 4th quarter 2011, pp. 48–51.
  26. ^ M. Montebello, Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta, vol. I, PIN Publications, Malta, p. 124.
  27. ^ Ibid., pp. 83–84, 123.
  28. ^ R. Zerbi, Malarbi Domenico, Presso Nicola Gervasi al Gigante, 23, 1829.
  29. ^ M. Montebello, Stedina ghall-Filosofija Maltija (An Invitation to Maltese Philosophy), PEG Publications, Malta, 1995, pp. 87–92.
  30. ^ P. Serracino Inglott and C. Mangion, 'Il-Filosofija f'Malta', Oqsma tal-Kultura Maltija (1991), ed. by T. Cortis, Ministry of Education and the Interior, Malta, pp. 263–271.
  31. ^ P. Serracino Inglott, 'Presentation', 20th Century Philosophy in Malta, M. Montebello, Agius & Agius Publications, Malta, 2009, p.11.

Għejjun ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

  • J. Friggieri, ‘Philosophy today’, The Malta Year Book 1977, ed. by H.A. Clews, De La Salle Brothers Publications, Malta 1977, pp. 465–470.
  • P. Serracino Inglott and C. Mangion, 'Il-Filosofija f'Malta', Oqsma tal-Kultura Maltija (Areas of Maltese Culture), ed. by T. Cortis, Ministry of Education and the Interior, Malta 1991, pp. 263–271.
  • M. Montebello, Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta, two volumes, PIN Publications, Malta 2001.
  • J. Friggieri, ‘Letter from Malta’, The Philosophers’ Magazine, 55, 4th quarter, England 2011, pp. 48–51.
  • M. Montebello, Malta's Philosophy & Philosophers, PIN Publications, Malta 2011.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]