Idolu ta' Shigir

L-Idolu ta' Shigir, (bir-Russu: Шигирский идол), magħruf ukoll bħala l-Iskultura ta' Shigir, huwa l-eqdem skultura tal-injam magħrufa fid-dinja.[1][2] Huwa stmat li tnaqqax madwar 11,500 sena ilu, jew matul l-Oloċen Bikri, u għandu d-doppju taż-żmien tal-Piramida l-Kbira tal-Eġittu.[3] L-injam li minnu tnaqqax għandu xi 12,000 sena.[4]
Ġie skopert fl-1890 f'torbiera mistagħdra Russa, u jinsab għall-wiri fil-Mużew Reġjonali tal-Folklor Lokali ta' Sverdlovsk f'Yekaterinburg, ir-Russja.[5]
Skoperta
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskultura ġiet skoperta fl-24 ta' Jannar 1890 f'fond ta' 4 metri (13-il pied) fit-torbiera mistagħdra ta' Shigir, fuq ix-xaqliba tal-Lvant tal-Muntanji Ural Nofsana, qrib il-villaġġ ta' Kalata (illum il-ġurnata f'Kirovgrad) u bejn wieħed u ieħor 100 kilometru (62 mil) minn Yekaterinburg. L-investigazzjoni f'din iż-żona kienu bdew xi 40 sena qabel, wara l-iskoperta ta' varjetà ta' oġġetti preistoriċi f'minjiera fil-beraħ tal-ikkastjar tad-deheb.[6]
Ġiet estratta f'għaxar biċċiet. Il-Professur D. I. Lobanov għaqqad il-frammenti prinċipali u kiseb skultura għolja 2.8 metri (9.2 piedi).[7]
Fl-1914, l-arkeologu Vladimir Tolmachev ippropona varjant ta' din ir-rikostruzzjoni billi integra l-frammenti li ma kinux intużaw. Ir-rikostruzzjoni tiegħu ssuġġeriet li l-għoli oriġinali tal-istatwa kien 5.3 metri (17.4-il pied).
Iktar 'il quddiem, uħud minn dawn il-frammenti ntilfu, għaldaqstant fadal biss xi tpinġijiet tagħhom magħmula minn Tolmachev.[8]
Datazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Id-datazzjoni inizjali bir-radjokarbonju li twettqet minn G. I. Zajtseva tal-Istitut tal-Istorja għall-Kultura Materjali f'San Pietruburgu, ikkonfermata mill-Istitut Ġeoloġiku tal-Akkademja Russa tax-Xjenzi f'Moska, indikat età ta' madwar 9,500 sena. Fis-snin 90 tas-seklu 20, meta twettqet din l-ewwel datazzjoni bir-radjokarbonju, l-istudjużi ssuġġerew li d-datazzjoni kienet żbaljata, peress li kienu jemmnu li l-kaċċaturi-ġemmiegħa li kienu jgħixu fl-inħawi 9,500 sena ilu ma setgħux ikunu kapaċi jaslu għall-artiġjanat u għat-tiżjin ta' oġġett daqstant kbir.[9]
Analiżi Ġermaniża li saret iktar 'il quddiem, indikat età ta' 11,500 sena. B'hekk l-iskultura titqies bħala l-iżjed skultura tal-injam antika magħrufa fid-dinja. Tipikament, l-injam jittiekel fil-biċċa l-kbira tal-ambjenti u ma jilħaqx jasal għall-iskoperta arkeoloġika daqs materjali oħra bħall-ġebel u l-metall, sakemm ma jkunx fit-torbiera mistagħdra. Instabet renna mżejna qrib l-Idolu ta' Shigir u ġiet datata li tmur lura għall-istess perjodu; b'hekk kompliet issaħħaħ id-datazzjoni tal-età stmata ta' 11,500 sena.[10]
Fl-2021, fil-ġurnal Quaternary International, riċerkaturi mill-Università ta' Göttingen, u l-Istitut tal-Arkeoloġija tal-Akkademja Russa tax-Xjenzi, ippubblikaw ir-riżultati ta' sensiela ta' studji li jiddataw l-Idolu ta' Shigir qrib il-bidu tal-Oloċen (madwar 10,000 sena ilu). Din id-datazzjoni xorta waħda twassal biex l-iskultura tkun l-eqdem skultura monumentali tal-injam fid-dinja. Ir-riċerkaturi jinnotaw li filwaqt li għadu ma jistax jinsilet xi ħsieb dirett minn din is-sejba, xorta waħda l-kuntestwalizzazzjoni tista' tiġi megħjuna b'evidenza limitata ħafna ta' oġġetti tal-injam mill-Paleolitiku u mill-Mesolitiku.[11]
It-tiżjin ġeometriku, bħal linji sempliċi u żigużajg tal-Idolu, huwa preżenti spiss fit-tiżjin tal-Paleolitiku Aħħari u tal-Mesolitiku Bikri. B'hekk, diversi elementi tal-Iskultura ta' Shigir huma konsistenti mal-ġabra ta' arti Glaċjali Aħħarija sal-Mesolitiku Bikri fl-Ewrasja.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskultura hija mnaqqxa mill-injam tal-lerċi. Kif identifikat miċ-ċrieki annwali, is-siġra kellha mill-inqas 159 sena meta twaqqgħet għall-injam. L-għodod tal-ġebel intużaw għat-tinqix tal-marki. Il-parti ta' fuq hija ras b'wiċċ, għajnejn, imnieħer u ħalq. Il-kumplament tal-ġisem huwa ċatt u rettangolari. Fil-wiċċ tagħha hemm motivi ġeometriċi, inkluż linji żigużajg u tinqix ta' wċuħ u idejn umani. Il-linji orizzontali fil-livell tas-sider jaf jirrappreżentaw il-kustilji, u l-linji f'forma ta' vleġeġ jiksu l-bqija ta' dak li spiss jiġi deskritt bħala l-ġisem; madankollu, flimkien mal-wiċċ fin-naħa ta' fuq nett, diversi wċuħ huma viżibbli f'diversi punti tul l-iskultura. L-arranġament jixbaħ dak ta' totem f'għamla ta' pilastru.[12][13]
L-istudjużi pproponew diversi teoriji dwar it-tifsira tat-tinqix. Svetlana Savchenko, riċerkatriċi fil-Mużew Reġjonali ta' Sverdlovsk, issuġġeriet li t-tiżjin jirrakkonta l-ħrafa tal-ħolqien li kienu jemmnu fiha dawk li naqqxu l-iskultura. Riċerkaturi oħra fil-mużew issuġġerew li l-marki jaf servew bħala għajnuna għan-navigazzjoni jew mappa. Mikhail Zhilin, arkeologu fl-Istitut tal-Arkeoloġija f'Moska, ippropona li l-istatwa jaf turi ħlejqiet mitoloġiċi bħal spirti tal-foresti. L-arkeologu Peter Vang Peterson tal-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka spekula li l-idolu jaf serva bħala twissija biex wieħed ma jidħolx f'żona perikoluża.[14]
L-istudjużi nnotaw li t-tiżjin tal-Idolu ta' Shigir kien simili għal dak tal-iżjed fdalijiet monumentali tal-ġebel magħrufa f'Göbekli Tepe, it-Turkija.
It-tiżjin tal-iskultura tnaqqax billi ntużaw tliet daqsijiet differenti ta' skarpelli jew formaturi. Barra minn hekk, wara li eżamina l-iskultura fl-2014, Zhilin skopera wiċċ ieħor fl-iskultura u sostna li l-uċuħ tnaqqxu l-aħħar, b'għodod magħmulin bl-għadam tax-xedaq t'isfel ta' beaver, bi snien inċiżuri msinna. Għodda bl-għadam tax-xedaq ta' beaver mill-istess perjodu nstabet fis-sit ta' Beregovaya 2.[15]
L-iskultura saħħet il-ħsieb tal-istudjużi rigward meta l-bniedem beda joħloq arti ritwali, iktar milli l-arti realistika preżenti fl-Għerien ta' Lascaux. Qabel l-iskoperta, ix-xjenzati kienu jemmnu li l-arti kumplessa paragonabbli għal dik tal-Idolu ta' Shigir bdiet tinħoloq fost il-popolazzjonijiet sedentarji tal-biedja fil-Lvant Nofsani xi 8,000 sena ilu.
Preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Zhilin stqarr li l-iskultura kienet magħmula mill-injam tal-lerċi, li huwa fitonċidiku min-natura tiegħu, u mbagħad ġiet ippreservat f'torbiera mistagħdra li kellha ambjent aċiduż u anaerobiku, li joqtol il-mikroorganiżmi u jiskura l-injam. Ix-xjenzati jissuspettaw li kienu jeżistu bosta statwi oħra bħall-Idolu ta' Shigir, iżda ma gawdewx mill-istess kundizzjonijiet mhux tas-soltu u għalhekk ma ġewx ippreservati.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Понизовкин, Андрей (Settembru 2003). Куда шагал Шигирский идол?. Наука Урала (bir-Russu). No. 20–2003 [848]. Ural Branch of Russian Academy of Sciences.
- ^ "Mysterious Russian Statue Is 11,000 Years Old - Twice As Old As The Pyramids". web.archive.org. 2020-06-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-08. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Ice Age Shigir Idol dated to 11,600 years ago: Is this the original face of God?". web.archive.org. 2020-05-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-05-06. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ ThomasTerberger, Mikhail Zhilin, Svetlana Savchenko (30 Jan 2021). "The Shigir idol in the context of early art in Eurasia". Quaternary International. 573: 14–29. Bibcode:2021QuInt.573...14T. doi:10.1016/j.quaint.2020.10.025. S2CID 225114455.
- ^ "The Shigir Idol, A Wooden Statue Twice As Old As The Pyramids Of Egypt". web.archive.org. 2020-03-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-03-11. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "This Eerie Human-Like Figure Is Twice as Old as Egypt's Pyramids | Live Science". web.archive.org. 2020-06-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-17. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Siberian Times". siberiantimes.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-06-13. Miġbur 2025-05-19.
- ^ Zhilin, Mikhail; Savchenko, Svetlana; Hansen, Svend; Heussner, Karl-Uwe; Terberger, Thomas (April 2018). "Early art in the Urals: new research on the wooden sculpture from Shigir". Antiquity. 92 (362): 334–350. doi:10.15184/aqy.2018.48. ISSN 0003-598X.
- ^ "Carved idol from the Urals shatters expert views on birth of ritual art | Science | The Guardian". web.archive.org. 2020-02-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-02-27. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Revelations on Shigir Idol 'change our understanding of ancient civilisations'". web.archive.org. 2020-03-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-03-02. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Shigir Idol is oldest wooden sculpture monument in the world, say scientists". web.archive.org. 2019-09-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-20. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Mysterious Wooden Idol With 'Encrypted Message' Is 11,000 Years Old". web.archive.org. 2015-11-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-17. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "This 11,000-year-old statue unearthed in Siberia may reveal ancient views of taboos and demons | Science | AAAS". web.archive.org. 2022-10-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-10-24. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Shigir Idol could be oldest piece of monumental art: study | Salon.com". web.archive.org. 2020-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-06-10. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Beaver's teeth 'used to carve the oldest wooden statue in the world'". web.archive.org. 2017-06-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-06-15. Miġbur 2025-05-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)