Aqbeż għall-kontentut

Gio Maria Camilleri

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Gio Maria Camilleri
Ħajja
Twelid Mosta, 27 Mejju 1860
Mewt 17 Frar 1917
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni arkitett

Gio Maria Camilleri, ġieli magħruf bħala Gio Marija Camilleri (27 ta' Mejju 1860 - 17 ta' Frar 1917) kien arkitett Malti. Huwa twieled il-Mosta u huwa magħruf għall-bini tal-Knisja Parrokkjali tal-Assunta, l-Imġarr.[1]

Trobbija u Edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa twieled nhar is-27 ta' Mejju 1860, iben Ġużeppi u Grazzja née Sant, u beda jattendi l-iskola primarja tal-Mosta. Wara dan, daħal is-Seminarju tal-Imdina iżda ma laħaqx patri u minflok beda jaħdem fuq ix-xogħol tal-bini flimkien ma ħutu.[1]

Huwa kien miżżewweġ lil Marija Sammut, u flimkien kellhom sitt itfal.

Il-pont ta' fejn il-Kappella tal-Isperanza (ritratt meħud minn Richard Ellis bejn 1905 u 1919)

Gio Maria kien jaħdem bħala foreman mal-Gvern[1]; il-proġetti li huwa mexxa f'din il-kariga jinkludu l-arkata ta' fejn il-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta, li nbniet fl-1905.

Il-knisja parrokkjali tal-Mellieħa

Flimkien ma wieħed minn ħutu Wiġi, ħadem bħala mgħallem u bennej fil-bini tal-knisja parrokkjali tal-Mellieħa.

Il-bini tal-knisja parrokkjali tal-Imġarr

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Knisja Parrokkjali tal-Assunta, l-Imġarr.

Ir-raħal tal-Imġarr sar parroċċa nhar il-11 ta' Ottubru 1898, fejn dak iż-żmien il-popolazzjoni tal-lokalità kienet ta' madwar 581 persuna.[2] Minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, nħass il-bżonn li tinbena knisja kbira f'dan ir-raħal. Il-kappillan ta' dak iż-żmien, Dun Ġlormu Chetcuti, talab lil Gio biex ifassal pjanta għal knisja fis-stil ta' dik tal-Madonna tal-Karmnu tal-Imdina. Huwa aċċetta li jagħmel dan bla ħlas, iżda xtaq li jkun hemm artal iddedikat lill-Madonna tal-Isperanza.[1]

L-ewwel ġebla ta' din il-knisja tqiegħdet nhar it-2 ta' Ġunju 1912, u s-sur Camilleri kien kull nhar ta' ħadd imur jara x-xogħol sa meta marad u miet fl-1917.[1] L-ewwel parti tal-knisja ġiet inawgurata mill-kappillan Chetcuti fl-1919, iżda l-bini tal-knisja kien komplut fl-1948, iktar minn tletin sena wara l-mewt tal-arkitett.[2]

Il-knisja parrokkjali tal-Imġarr
  1. 1 2 3 4 5 Scerri, Ivan. "L-Arkitett Gio Maria Camilleri - 90 sena minn mewtu". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  2. 1 2 Deguara, Lina (2023-04-11). "After many difficulties, Mġarr parish church was completed 75 years ago". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-14.