Aqbeż għall-kontentut

George Steiner

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
George Steiner
ġudikant tal-Booker Prize

Ħajja
Isem propju Francis George Nathaniel Steiner
Twelid Neuilly-sur-Seine, 23 April 1929
Nazzjonalità Franza
Stati Uniti tal-Amerka
Renju Unit
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt Cambridge, 3 Frar 2020
Familja
Konjuga/i Zara Steiner (en) Translate  (1955 -
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Balliol College (en) Translate
Lycée Janson de Sailly (mul) Translate
Università ta' Chicago
Università ta' Harvard
Lycée français de New York (en) Translate
Livell tal-edukazzjoni dottorat
Studenti dottorali Aminadav Dykman (en) Translate
Lingwi Ġermaniż
Franċiż
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni filosofu
rumanzier
traduttur
għalliem fl-università
kritiku letterarju
ġurnalist
kittieb
saġġist
cultural critic (en) Translate
studjuż letterarju
Impjegaturi Princeton University (en) Translate
Università ta' Harvard
Università ta' Ġinevra
Williams College (en) Translate
The Economist (mul) Translate  (1952 -  1956)
Xogħlijiet importanti After Babel (en) Translate
Premjijiet
Sħubija British Academy (en) Translate
Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Akkademja Bavarjana tal-Belle Arti
Soċjetà Rjali tal-Letteratura

Francis George Steiner,[1] FBA (23 t’April, 1929 – 3 ta’ Frar, 2020)[2][3] kien kritiku letterarju, esejist, filosofu, rumanzier u edukatur Franko-Amerikan. Kiteb estensivament dwar ir-relazzjoni bejn il-lingwa, il-letteratura u s-soċjetà, kif ukoll fuq l-impatt tal-Olokawstu.[4] Artiklu tal-2001 f’The Guardian iddeskriva lil Steiner bħala “poliglotta u studjuż kbir”.[5]

L-ammiraturi tiegħu jiddeskrivuh bħala “wieħed mill-aqwa mħuħ fid-dinja letterarja tal-lum”.[2] Il-kittieba Ingliża A. S. Byatt iddeskrivietu bħala “raġel tar-Rinaxximent li ġie tard wisq ...metafiżiċista Ewropej b’instint għall-ideat mexxejja ta’ żmienna”.[5] Harriet Harvey Wood, li kienet eks-direttriċi letterarja tal-British Council, iddeskrivietu bħala “lettur manjifiku – profetiku u traġiku li kien jiġi b’nofs paġna ta’ noti mħażżin, u qatt ma jirreferi għalihom”.[5]

Steiner kien Professur tal-Ingliż u l-Letteratura Komparattiva fl-Università ta’ Ġinevra (1974–94), Professur tal-Letteratura Komparattiva u Fellow fl-Università t’Oxford (1994–95), Professur tal-Poeżija fl-Università ta’ Harvard (2001–02) u Fellow Straordinarju f’Churchill College, Cambridge.[1]

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Frances George Steiner twieled fit-23 t’April tal-1929 f’Pariġi, minn ġenituri Lhud Vjenniżi, Else (née Franzos) u Frederick Georg Steiner. Kellu oħtu ikbar minnu, Ruth Lilian, li twieldet fi Vjenna fl-1922.[1] Else Steiner kienet grande dame minn Vjenna[6] u Frederick Steiner kien avukat mal-bank ċentrali tal-Awstrija (Oesterreichische Nationalbank)[6] u kien jaħdem bħala bankier tal-investimenti f’Pariġi.

Ħames snin qabel it-twelid ta’ Steiner, missieru kien ċaqlaq lill-familtu mill-Awstrija għal Franza sabiex jaħrab mit-theddida tal-anti-semitiżmu. Hu kien jemmen li l-Lhud “kienu mistednin li jinsabu f’periklu jkunu fejn ikunu”[5] u b’hekk iddeċieda li jeduka lil uliedu b’diversi lingwi. Steiner trabba bi tlett lingwi materni: il-Germaniż, l-Ingliż, u l-Franċiż. Ommu kienet multilingwi u ta’ spiss kienet “tibda sentenza b’lingwa u tispiċċaha b’oħra”.[5]

Meta kellu sitt snin, missieru, li kien jemmen fl-importanza tal-edukazzjoni klassika, għallmu jaqra l-Iliad bil-Grieg antik.[5][7][8] Ommu, li kienet temmen bil-qawwa li wieħed m’għandux jitħassar lilu nnifsu,[5] għenet lil Steiner jegħleb diżabbiltà li twieled biha: id l-leminija dgħajfa. Minflok ħallietu jsir xellugi, hi insistiet li għandu juża idu l-leminija bħal kwalunkwe persuna li m’għandhiex din id-diżabbiltà.[5]

u kien jaħdem bħala bankier tal-investimenti f’Pariġi. Fl-1940, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, missier Steiner kien f’New York City fuq missjoni ekonomika għall-Gvern Franċiż, u kien ingħata permess sabiex familtu tiġi ħdejh, minħabba li l-Ġermaniżi kienu qed jippreparaw biex jinvadu Franza. Steiner, ommu, u oħtu Lilian, telqu bil-vapur minn Ġenova. Xahar wara li telqu, in-Nażisti okkupaw Pariġi, u mill-ħafna tfal Lhud fil-klassi tiegħu Steiner kien wieħed minn tnejn li baqgħu ħajjin wara l-gwerra.[5] Għal darb’oħra, l-għarfien ta’ missieru salva lil familtu, u dan wassal sabiex Steiner ħassu li salva, ħsieb li ħalla impatt profond fuq l-aħħar kitbiet tiegħu. “Ħajti kollha kienet dwar il-mewt, it-tifkir, u l-Olokawstu.”[5] Steiner sar japprezza li seta’ jħuf u kien jgħid li “s-siġar għandhom l-għeruq u jien għandi s-saqajn; u kien dan li salvali ħajti.”[5] Qatta’ l-bqija tas-snin skolastiċi tiegħu fil-Lycée Français de New York f'Manhattan, u sar ċittadin tal-Istati Uniti fl-1944.[3]

Wara l-iskola post-sekondarja, Steiner mar l-Università ta’ Chicago fejn studja l-letteratura, kif ukoll il-matematika u l-fiżika, u kiseb Baċellerat fl-1948. Kiseb ukoll Maġisteru mill-Università ta’ Harvard fl-1950. Wara, Steiner attenda Balliol College f’Oxford permezz ta’ Rhodes Scholarship.[3]

Mill-1956 sal-1958, Steiner kien studjuż fl-Institute for Advanced Study fi Princeton, New Jersey. Kellu wkoll professorat Fulbright f’Innsbruck, l-Awstrija, mill-1958 sal-1959.[9] Fl-1959, inħatar bħala Gauss Lecturer fi Princeton, fejn għallem għal sentejn.[9] Imbagħad sar Founding Fellow ta’ Churchill College, Cambridge fl-1961. Inizjalment, Steiner ma kienx milqugħ mill-fakultà tal-Ingliż ta’ Cambridge. Xi wħud m’approvawx b’dan l-“entużjast” karismatiku “b’aċċent barrani”[5] u ddubitaw ir-relevanza tar-referenzi kontinwi li kien jagħmel għall-Olokawstu waqt il-lekċers tiegħu. Bryan Cheyette, professur tal-letteratura tas-seklu 20 fl-Università ta’ Southampton, qal li dak iż-żmien, "il-Gran Brittanja [...] kinitx taħseb li kellha relazzjoni mal-Olokawst; il-mitoloġija tagħha tal-gwerra kienet imsejsa fuq il-Blitz, Dunkirk, u l-Battalja tal-Gran Brittanja.”[5] Għalkemm Steiner kien jaqla’ paga ta’ professur, qatt ma ngħata l-pożizzjoni ta’ Professur Sħiħ f’Cambridge bid-dritt li jeżamina. Hu kellu l-għażla li jitlaq mill-Ingilterra u jikseb professorati fl-Istati Uniti, imma missieru oġġezzjona, għaliex Hitler kien qal li ħadd mhu se jifdal b’isimhom fl-Ewropa, u b’hekk ikun rebaħ. Steiner baqa’ l-Ingilterra għax qal li “lest jagħmel kollox sabiex ma jerġax jarax id-disprezz ta’ missieru.”[5] Steiner kien elett Extraordinary Fellow ta’ Churchill College fl-1969.[10]

Wara diversi snin jaħdem bħala kittieb freelance u lettur okkażjonali, Steiner aċċetta l-pożizzjoni ta’ Professur tal-Ingliż u l-Letteratura Komparattiva fl-Università ta’ Ġinevra fl-1974, u żamm din il-pożizzjoni għal 20 sena, fejn kien jgħallem b’erba’ lingwi. Hu kien jemmen fil-prinċipju ta’ Goethe li l-“ebda monoglott ma jaf verament ilsienu stess.” [5] Sar professur emeritus fl-Università ta’ Ġinevra meta rtira fl-1994, kif ukoll Fellow Onorarju ta’ Balliol College, Oxford, fl-1995. Kellu wkoll l-pożizzjonijiet tal-ewwel Professur Lord Weidenfeld tal-Letteratura Ewropea Komparattiva u Fellow ta’ St Anne’s College, Oxford, mill-1994 sal-1995,[11] u Norton Professor of Poetry fl-Università ta’ Harvard mill-2001 sal-2002.[12]

Steiner ġie deskritt bħala “kritiku u esejist intelliġenti u intelletwali.”[2] Beda jippublika waqt li kien qed jagħmel l-ewwel lawrja fl-Università ta’ Chicago u aktar tard sar kontributur regolari ta’ reċensjonijiet u artikli għal bosta ġurnali u gazzetti, inkluż The Times Literary Supplement u The Guardian. Kiteb ukoll għal The New Yorker għal aktar minn 30 sena, li matulhom jikkontribwixxa aktar minn mitejn reċensjoni.[13]

Filwaqt li kien ġeneralment serju ħafna, Steiner kien ukoll iħobb jiċċajta b’mod xott u ironiku: meta darba kien mistoqsi jekk qatt kienx qara xi ħaġa trivjali bħala tifel, hu wieġeb Moby-Dick.[5]

Steiner kien meqjus bħala studjuż kbir u sikwit jiġi kkreditat li adatta l-irwol tal-kritiku billi esplora l-arti u ħsiebijiet mingħajr ma jintrabtu ma’ fruntieri nazzjonali jew dixxiplini akkademiċi. Kien jemmen fil-ġeneralizzazzjoni aktar mill-ispeċjalizzazzjoni u insista li biex tkun litterat għandu jkollok għarfien kemm tal-arti, kif ukoll tax-xjenza. Steiner kien jemmen li n-nazzjonaliżmu hu kunċett wisq vjolenti sabiex jissodisfa l-prerogattiv morali tal-Ġudajiżmu, fuq dan il-punt kien stqarr li “hemm affarijiet li ma nistgħux nagħmlu minħabba dak li aħna.”[5]

Fost l-opinjonijiet mhux tradizzjonali ta’ Steiner, fl-awtobiografija tiegħu titolata Errata (1997), Steiner stqarr il-pożizzjoni simpatetika tiegħu lejn l-użu tal-briedel oriġinat waqt li kien student fl-Università ta’ Chicago. Steiner qal li “l-verġinità tiegħi offendiet lil-Alfie (l-istudent li kien jgħix miegħu waqt l-università). Hu ħaseb li kienet qżiżata u xi ħaġa kważi korrotta f’tifel ta’ dsatax... Hu xamm il-biża’ fija bi stmerrija u ħadni Cicero, Illinois, belt b’reputazjoni ħażina, imma isimha kienet serrħitli moħħi xi ftit. Hemmhek organizza, b’awtorità każwali, introduzzjoni metikoluża fil-ġentilezza tagħha. Kienet din il-ġentilezza, l-attenzjoni f’ċirkostanzi tant insensittivi, li għadha tberikni s’issa.”

Ċentrali għall-ħsibijiet ta’ Steiner, hu qal, “nibqa mistagħġeb, minkejja li tista’ tinstema banali għal ħaddieħor, li l-kliem jista’ jintuża kemm biex tħobb, tibni, taħfer, imma anke biex tittortura, tibgħod, tħarbat, u teqred.”[13]

Steiner irċieva kritika u sapport[14] [15] għall-opinjoni tiegħu li r-razziżmu huwa inerenti f’kulħadd u li t-tolleranza hi superfiċjali. Ġie ddokumentat jgħid li: “Huwa vera faċli npoġġu hawn u ngħidu li ‘r-razziżmu orribli’. Imma staqsuni l-istess ħaġa jekk familja mill-Ġamajka b’sitt itfal tiġi toqgħod ħdejja u joqogħdu jdoqqu l-mużika reggae u rock ġurnata sħiħa. Jew jekk aġent tal-propjetà jiġi għandi u jgħidli li dari spiċċat bla valur minħabba li familja Ġamajkana ġiet tgħix ħdejja. Staqsuni mbagħad!”[14]

Il-karriera letterarja ta’ Steiner kienet mifruxa fuq nofs seklu. Hu ppublika esejs oriġinali u kotba li jiddiskutu l-anomaliji tal-kultura kontemporanja tal-Punent, kwistjonijiet tal-lingwa u d-“degradazzjoni” tagħha wara l-Olokawstu.[5][16] L-ispeċjalizzazzjoni tiegħu kienet primarjament fil-letteratura komparattiva u xogħlu bħala kritiku kien jiffoka fuq kwistjonijiet kulturali u filosofiċi, partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu mat-traduzzjoni u n-natura tal-lingwa u l-letteratura.[17]

L-ewwel ktieb ta’ Steiner li ġie ppublikat kien Tolstoy or Dostoevsky: An Essay in Contrast (1960), li huwa studju ta’ ideat u ideoloġiji differenti tal-kittieba Russi Leo Tolstoy u Fyodor Dostoevsky. Il-ktieb The Death of Tragedy (1961) oriġina mit-teżi dottorali tiegħu li għamel fl-Università t’Oxford, u fih eżamina letteratura mill-Greċja Antika sa letteratura ta’ nofs is-seklu 20. L-aktar ktieb magħruf tiegħu, After Babel (1975), kien kontribut bikri u influwenti għall-istudji tat-traduzzjoni. Il-ktieb ġie addattat għat-televiżjoni bit-titlu The Tongues of Men (1977)[18] u kien ukoll l-ispirazzjoni wara l-ħolqien ta’ grupp avant-rock Ingliż, News from Babel, fl-1983.

Ix-xogħlijiet ta’ letteratura fittizja ta’ Steiner jinkludu erba’ ġabriet ta’ stejjer qosra: Anno Domini: Three Stories (1964), Proofs and Three Parables (1992), The Deeps of the Sea (1996), u A cinq heures de l’après-midi (2008). In-novella kontroversjali[19] tiegħu, The Portage to San Cristobal of AH (1981)tirrakonta storja fejn grupp ta’ Lhud li jaqbdu in-Nażisti jsibu lil Adolf Hitler (li huwa l-“A.H.” tat-titlu tan-novella) ħaj fil-foresta tropikali tal-Amażonja tletin sena wara tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.In-novella tesplora ideat dwar l-oriġini tal-anti-semitiżmu li l-ewwel ġew żviluppati minn Steiner fix-xogħol importanti tiegħu ntitolat In Bluebeard's Castle (1971). Steiner issuġġerixxa li bin-Nażiżmu, l-Ewropa kienet qed tpattiha lil-Lhud talli vvintaw il-kuxjenza.[5] Cheyette jikkunsidra l-letteratura fittizja ta’ Steiner bħala “spazju esploratorju fejn jista’ jaħseb kontra tiegħu nnifsu” għaliex “hemm kuntrast bejn l-umiltà u l-aċċessibiltà max-xogħol kritiku ortodoss tiegħu.” Kunċett ċentrali fil-letteratura tiegħu huwa sens “ta’ għira terribbli u mażokista li m’intix hemm — li tlift l-appuntament li kellek mal-infern.”[5]

No Passion Spent (1996) hija ġabra ta’ esejs fuq suġġetti li jvarjaw minn Kierkegaard, Omeru tradott, kitbiet Bibliċi, sat-teorija tal-ħolm ta’ Freud. Errata: An Examined Life (1997) huwa ktieb semi-awtobijografiku.[2] Grammars of Creation (2001), ibbażat fuq il-Gifford Lectures li ta Steiner fl-1990 fl-Università ta’ Glasgow, jesplora diversi suġġetti, mill-kosmoloġija sal-poeżija.[20] L-aħħar ktieb ta’ Steiner, A Long Saturday: Conversations, miktub flimkien ma Laure Adler, ġie ppublikat bil-Franċiż fl-2014, u bl-Ingliż fl-2017.

Ħajja personali u mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-manuskritt ibbażat fuq it-teżi tad-dottorat tiegħu f’Oxford, The Death of Tragedy li aktar tard ġie ppubblikat minn Faber and Faber, ġie irrifjutat, Steiner waqaf mill-istudji tiegħu għal ftit żmien sabiex jgħallem l-Ingliż f’Williams College u jaħdem bħala l-kittieb pinċipali ta’ rivista ta’ kull ġimgħa bbażata f’Londra, The Economist, bejn l-1952 u l-1956. Kien propju matul dan iż-żmien li ltaqa’ ma’ Zara Shakow, minn New York ta’ dixxendenza Litwana.[5] Hi studjat Harvard ukoll u ltaqgħu Londra wara suġġertiment tal-eks-professuri tagħhom. “Il-professuri kellhom mħatra...li konna nispiċċaw niżżewġu jekk niltaqgħu flimkien.”[21] Huma żżewġu fl-1955, sena wara li rċieva id-Dottorat mill-Università t’Oxford.[5] Kellhom tifel, David Steiner (li serva bħala Kummissarju tal-Istat ta’ New York mill-2009 sal-2011) u tifla, Deborah Steiner (Professura tal-Klassiċi fl-Università ta’ Columbia). Hu għex l-aħħar f’Cambridge, l-Ingilterra.[1] Steiner miet f’daru fit-3 ta’ Frar, 2020, ta’ 90 sena, u Zara Steiner mietet kawża tal-pulmonite għaxart ijiem warajh.

Premji u unuri

[immodifika | immodifika s-sors]

George Steiner irċieva diversi unuri, inkluż:

  • Rhodes Scholarship (1950)[3]
  • Guggenheim Fellowship (1970/1971)[10]
  • Chevalier de la Légion d'Honneur mill-Gvern Franċiż (1984)[20]
  • Il-Morton Dauwen Zabel Prize minn The American Academy of Arts and Letters (1989)
  • Il-King Albert Medal mill-Belgian Academy Council of Applied Sciences[20]
  • Fellow Onorarju ta’ Balliol College, Oxford (1995)[22]
  • It-Truman Capote Lifetime Achievement Award mingħand l-Università ta’ Stanford (1998)[16]
  • Il-Prince of Asturias Award għall-Kommunikazzjoni u l-Umanitajiet (2001)[23]
  • Fellowship tal-British Academy (1998)[2]
  • Fellow Onorarju tar-Royal Academy of Arts[22]
  • Gradi tad-Dottorat Onorarju tal-Letteratura mingħand:
    • L-Università t’East Anglia (1976)
    • L-Università ta’ Leuven (1980)
    • Mount Holyoke College (1983)
    • L-Università ta’ Bristol (1989)
    • L-Università ta’ Glasgow (1990)
    • L-Università ta’ Liège (1990)
    • L-Università t’Ulster (1993)
    • L-Università ta’ Durham (1995)
    • L-Università ta’ Salamanca (2002)
    • Queen Mary University ta' Londra (2006)
    • Alma Mater Studiorum – Università di Bologna (2006)
    • Honoris Causa —Faculty of Letters — L-Università ta’ Liżbona (2009)

Rebaħ ukoll numru ta’ premji għal-letteratura fittizja u l-poeżija, li jinkludu:

  • Remembrance Award (1974) għal Language and Silence: Essays 1958–1966.
  • PEN/Macmillam Silver Pen Award (1992) għal Proofs and Three Parables.[2]
  • PEN/Macmillan Prize (1993) għal Proofs and Three Parables.[2]
  • JQ Wingate Prize for Non-Fiction (ko-rebbieħ ma Louise Kehoe u Silvia Rodgers) (1997) għal No Passion Spent.
  1. 1 2 3 4 "The Papers of George Steiner". Archivesearch. Miġbur October 6, 2021. [Steiner] has not used the name Francis since his undergraduate days.
  2. 1 2 3 4 5 6 7 Hahn, Daniel. "George Steiner". Contemporary Writers in the UK. Arkivjat minn l-oriġinal fl-October 1, 2007. Miġbur March 26, 2008.
  3. 1 2 3 4 Lehmann-Haupt, Christopher; Grimes, William (February 3, 2020). "George Steiner, Prodigious Literary Critic, Dies at 90". The New York Times. Miġbur February 4, 2020.
  4. Cheyette, Bryan. "Between Repulsion and Attraction: George Steiner's Post-Holocaust Fiction". Jewish Social Studies. Arkivjat minn l-oriġinal fl-February 18, 2020. Miġbur March 26, 2008.
  5. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 12 13 14 15 16 17 18 19 20 21 22 Jaggi, Maya (March 17, 2001). "George and his dragons". The Guardian. London. Miġbur March 27, 2008.
  6. 1 2 Steiner, George. "Büchner lives on". The Times Literary Supplement, December 13, 2006. London. Arkivjat minn l-oriġinal fl-December 16, 2019. Miġbur March 27, 2008.
  7. Baker, Kenneth (April 12, 1998). "Steiner's Memoir a Sketchy Mix of Reminiscence and Complaint". San Francisco Chronicle. Miġbur July 26, 2012.
  8. "Errata: An Examined Life". University of Chicago Magazine. Miġbur March 27, 2008.
  9. 1 2 Żball fl-użu tar-referenzi: Użu invalidu ta' <ref>; l-ebda test ma ġie provdut għar-referenza bl-isem ODNB.
  10. 1 2 Homberger, Eric (February 5, 2020). "George Steiner obituary". The Guardian. Miġbur February 6, 2020.
  11. "The Weidenfeld Chair in Comparative European Literature". St Anne's College, Oxford. Arkivjat minn l-oriġinal fl-December 30, 2013. Miġbur December 28, 2013.
  12. "George Steiner named Norton Professor". The Harvard Gazette. March 15, 2001. Miġbur February 6, 2020.
  13. 1 2 "Grammars of Creation" (PDF). National Adult Literacy Database. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-April 13, 2007. Miġbur March 26, 2008.
  14. 1 2 Simpson, Aislinn; Salter, Jessica (August 11, 2008). "Cambridge academic says he would not tolerate Jamaican neighbours". The Daily Telegraph. London.
  15. Johns, Lindsay (September 3, 2008). "Out of touch, but not a racist". The Guardian. London.
  16. 1 2 "Literary Critic George Steiner wins Truman Capote Award". Stanford Online Report. Arkivjat minn l-oriġinal fl-August 22, 2007. Miġbur March 26, 2008.
  17. Steiner, George (2013). After Babel: Aspects of Language and Translation. Open Road Media. ISBN 978-1-4804-1185-2. OCLC 892798474.
  18. Maia, Rita Bueno; Pinto, Marta Pacheco; Pinto, Sara Ramos (April 1, 2015). How Peripheral is the Periphery? Translating Portugal Back and Forth: Essays in Honour of João Ferreira Duarte. Cambridge Scholars Publishing. pp. 244–245. ISBN 978-1-4438-8304-7.
  19. Rosenbaum, Ron (March 17, 2002). "Mirroring Evil? No, Mirroring Art Theory". The New York Observer. Miġbur February 28, 2008.
  20. 1 2 3 "The Gifford Lectures: George Steiner". www.giffordlectures.org. August 18, 2014. Miġbur February 4, 2020.
  21. Cowley, Jason (September 22, 1997). "A traveller in the realm of the mind". The Times. Arkivjat minn l-oriġinal fl-August 11, 2007. Miġbur March 27, 2008.
  22. 1 2 "Professor George Steiner, 23 April 1929 – 3 February 2020". Churchill College Cambridge. February 4, 2020. Arkivjat minn l-oriġinal fl-4 February 2020. Miġbur February 6, 2020.
  23. "George Steiner". Prince of Asturias Awards. Arkivjat minn l-oriġinal fl-October 11, 2007. Miġbur April 8, 2008.
  • Averil Condren, Papers of George Steiner, Churchill Archives Centre, 2001
  • The Harvard Gazette (27.09.2001)
[immodifika | immodifika s-sors]