Aqbeż għall-kontentut

Gżira ta' Tiwai

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Gżira ta' Tiwai fix-xmara Moa.

Il-Gżira ta' Tiwai (li bil-lingwa Mende tfisser "Gżira Kbira') hija santwarju tal-organiżmi selvaġġi u sit turistiku fi Sierra Leone. Il-Gżira ta' Tiwai tiġi amministrata mill-organizzazzjoni mhux governattiva Fondazzjoni Ambjentali għall-Afrika (bl-Ingliż: Environmental Foundation for Africa). Tkopri erja ta' 12-il kilometru kwadru u tinsab fix-xmara Moa fil-Provinċja tan-Nofsinhar. Il-gżira hija wkoll bħala mill-ikbar gżejjer interni fil-pajjiż.

Il-Gżira ta' Tiwai kienet tal-poplu Barri sal-aħħar tas-seklu 19, meta r-Reġina Nyarroh, kap tal-poplu Barri tat nofs il-gżira lill-kap tal-poplu Koya, li kellu territorju fuq in-naħa opposta tax-xmara Moa meta mqabbel ma' fejn tinsab il-gżira. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, iż-żewġ popli għandhom sjieda konġunta tal-gżira.[1] Fl-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 20, il-Gżira ta' Tiwai ġiet rikonoxxuta bħala bijosfera speċjali għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi. Bosta xjenzati tax-xjenza naturali żaru l-gżira matul is-snin 70 u 80 tas-seklu 20, u wettqu riċerka dwar diversi aspetti tal-flora u tal-fawna tagħha.[2] Sussegwentement, xi riċerkaturi flimkien mal-popli Barri u Koya mbagħad talbu biex issir santwarju tal-organiżmi selvaġġi u fl-1987 ġiet iddeżinjata uffiċjalment bħala riżerva tal-organiżmi selvaġġi. Fil-gżira seħħew attivitajiet ta' taħriġ bħall-programm komunitarju ta' konservazzjoni, riċerka ekoloġika, ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi, turiżmu u ġestjoni tal-forestrija. Imbagħad, fl-1991 faqqgħet gwerra ċivili fi Sierra Leone u l-appoġġ finanzjarju għall-Gżira ta' Tiwai twaqqaf, u r-riċerkaturi u t-turisti ma setgħux iżuru l-gżira. Wara tmiem il-gwerra ċivili, il-Fondazzjoni Ambjentali għall-Afrika, organizzazzjoni mhux governattiva lokali ta' Sierra Leone, reġgħet bniet il-faċilitajiet tat-turiżmu u tar-riċerkaturi fil-gżira.[3]

Fl-2025, il-gżira tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala parti mill-Kumpless ta' Gola-Tiwai.[4][5]

Il-Gżira ta' Tiwai tinsab fil-Provinċja tan-Nofsinhar, 15-il kilometru mir-raħal ta' Potoru fix-xmara Moa, 60 kmilometru mill-Oċean Atlantiku. Il-gżira għandha erja ta' 1,200 ettaru (12 km2) u hija bejn 80 u 100 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-klima tal-gżira hija waħda tropikali bi staġun tax-xita bejn Mejju u Ottubru u bi staġun tan-nixfa bejn Diċembru u Marzu. It-temperatura medja tkun ta' 27 °C u kull sena tinżel madwar 3,000 millimetru ta' xita.

Il-gżira tospita popolazzjoni ta' ippopotami nani, iktar minn 135 speċi differenti ta' għasafar u waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet u diversità ta' primati fid-dinja bi 11-il speċi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless ta' Gola-Tiwai ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[4]

  1. "Tiwai Island Wildlife Sanctuary - Visit Sierra Leone". www.visitsierraleone.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-07-03. Miġbur 2025-07-25.
  2. Oates, John (1999), "Myth and Reality in the Rain Forest, How Conservation Strategies are Failing in West Africa", University of California Press.
  3. "AfricaNews - [Analyses] Tiwai Island and the threat of the Bushmeat Trade in Sierra Leone - Articles". www.africanews.com (bl-Olandiż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-23. Miġbur 2025-07-25.
  4. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Gola-Tiwai Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
  5. "The activist who fought for Sierra Leone's first World Heritage site". France 24 (bl-Ingliż). 2025-07-13. Miġbur 2025-07-25.