Gżira ta' Macquarie

Il-Gżira ta' Macquarie hija gżira sub-Antartika fil-Lbiċ tal-Oċean Paċifiku, kważi nofs triq bejn New Zealand u l-Antartika. Ilha tiġi ggvernata bħala parti mit-Tażmanja, l-Awstralja, mill-1880. Saret Riżerva Statali tat-Tażmanja fl-1978 u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]
Il-Gżira ta' Macquarie hija parti esposta mill-Katina Muntanjuża ta' Macquarie li tinsab fejn il-plakka tettonika Awstraljana tiltaqa' mal-plakka tettonika tal-Paċifiku.
Il-gżira tospita l-popolazzjoni sħiħa tal-pingwini rjali matul l-istaġun annwali tagħhom meta jbejtu. Ekoloġikament, il-gżira tagħmel parti mill-ekoreġjun tat-tundra tal-Gżejjer Sub-Antartiċi tal-Antipodi.
Seklu 19
[immodifika | immodifika s-sors]Frederick Hasselborough, Awstraljan, skopra l-gżira diżabitata fil-11 ta' Lulju 1810, hu u jfittex għal postijiet ġodda għall-kaċċa tal-foki. Huwa sostna li l-Gżira ta' Macquarie kienet tal-Gran Brittanja u annettiha mal-kolonja ta' New South Wales fl-1810. Il-gżira ngħatat kunjom il-Kurunell Lachlan Macquarie, il-Gvernatur ta' New South Wales mill-1810 sal-1821. Hasselborough irrapporta relitt "ta' disinn antik", li wassal għal spekulazzjoni li l-gżira jaf kienu żaruha qablu l-Polineżjani jew oħrajn. Fl-istess sena, il-Kaptan Smith iddeskriva b'iktar dettall x'aktarx l-istess relitt u spekula bi żball li kien tal-esploratur Franċiż Jean-François de Galaup, il-Konti ta' Lapérouse: "hemm diversi biċċiet ta' relitt ta' bastiment kbir fuq din il-gżira, milli jidher antiki ħafna u fuq il-ħaxix fl-għoli, li x'aktarx huma l-fdalijiet tal-bastiment tal-imsejken De la Perouse".
Bejn l-1810 u l-1919, il-foki u mbagħad il-pingwini ġew ikkaċċjati għaż-żejt tagħhom u kważi ġew estinti. Fost ir-relitti tal-kaċċaturi tal-foki hemm nases tal-ħadid, btieti, fdalijiet ta' għorfiet, oqbra u kitbiet imnaqqxin. Matul dak iż-żmien, ġew irreġistrati 144 żjara bil-bastimenti, u 12 minnhom spiċċaw f'nawfraġju. Il-kundizzjonijiet fuq il-gżira u l-ibħra tal-madwar kienu meqjusa tant iebsin li tħejja pjan biex tintuża bħala insedjament penali iżda dan ġie rrifjutat.
Richard Siddins u l-ekwipaġġ tiegħu nnawfragaw fil-Bajja ta' Hasselborough fil-11 ta' Ġunju 1812. Joseph Underwood bagħat il-bastiment Elizabeth and Mary lejn il-gżira biex l-ekwipaġġ jiġi salvat. L-esploratur Russu Fabian Gottlieb von Bellingshausen esplora l-inħawi għal Alessandru I tar-Russja fl-1820, u pproduċa l-ewwel mappa tal-Gżira ta' Macquarie. Bellingshausen żbarka fuq il-gżira fit-28 ta' Novembru 1820, iddefinixxa l-pożizzjoni ġeografika tagħha u partat ir-rum u l-ikel tiegħu għall-fawna tal-gżira mal-kaċċaturi tal-foki.
Fl-1877, l-ekwipaġġ tal-iskuna Bencleugh innawfraga fuq il-gżira għal 4 xhur; ġrajja folkloristika ssostni li beda jemmen li kien hemm teżor moħbi fuq il-gżira. Sid il-bastiment, John Sen Inches Thomson, kiteb ktieb dwar il-vjaġġi tiegħu fuq il-baħar, inkluż dwar iż-żmien li qatta' fuq il-gżira. Il-ktieb, li nkiteb fl-1912, kien jismu Voyages and Wanderings In Far-off Seas and Lands.
Diżgwid bejn it-Tażmanja u New Zealand minħabba l-ġlud tal-foki
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira ta' Macquarie saret parti kostitwenti tat-Tażmanja fis-17 ta' Ġunju 1880 permezz privattiva b'ittri għall-Gvernatur tat-Tażmanja.
Fl-1890, il-Kolonja ta' New Zealand kitbet lil Lord Onslow (il-Gvernatur ta' New Zealand), lil Philip Fysh (il-Prim Ministru tat-Tażmanja), u lil Lord Knutsford (is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji) rigward il-gżira, u inizjalment talbet permess biex tannetti l-gżira, u mbagħad talbet biex tiġi ttrasferita mill-Kolonja tat-Tażmanja, biex b'hekk tingħalaq lakuna fl-istaġun magħluq tal-kaċċa tal-foki f'New Zealand meta l-bastimenti kienu qed jonsbu fil-gżejjer sub-Antartiċi taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kolonja iżda kienu qed isostnu li qed iġibu l-ġlud tal-foki mill-Gżira ta' Macquarie. Fuq ir-rakkomandazzjoni ta' Fysh, il-Kunsill Leġiżlattiv tat-Tażmanja għadda mozzjoni fl-24 ta' Lulju 1890 li talbet biex "jittieħdu l-passi meħtieġa" biex il-Gżira ta' Macquarie tiġi ttrasferita lil New Zealand. Fysh ma kellux għaġla biex ilesti dan il-proċess, u t-talba ġiet trażmessa uffiċjalment lill-Assemblea Leġiżlattiva tat-Tażmanja fit-28 ta' Awwissu 1890.
Meta l-Assemblea Leġiżlattiva qieset il-kwistjoni fit-2 ta' Settembru 1890, is-sens tat-trasferiment ta' gżira dipendenti ġie ddubitat, u wara diversi talbiet għall-ordni u ċajt mill-membri, l-assemblea differiet il-kwistjoni għall-għada (u effettivament ċaħdet it-trasferiment). Sa Ottubru 1890 kien ġie deċiż li t-Tażmanja ma kinitx se tapprova t-trasferiment tal-gżira lil New Zealand. Sir Harry Atkinson (il-Prim Ministru ta' New Zealand) iddispjaċih li t-Tażmanja ddeċidiet li tiċħad it-trasferiment, u Fysh innota li l-objettivi ddikjarati kollha ta' New Zealand setgħu jinkisbu taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti tat-Tażmanja u permezz ta' ftehimiet interkolonjali. F'nofs Ottubru 1890, The Southland Times irrapportat li kienet se tingħata spjegazzjoni minn Wellington. Fit-23 ta' Ottubru 1890, Fysh stqarr formalment lil New Zealand li l-leġiżlatura kolonjali ċaħdet it-trasferiment tal-gżira, u fl-20 ta' Novembru 1890 Knutsford sostna formalment lil Onslow li l-gvern Brittaniku ma kienx ta l-kunsens tiegħu biex isir xi trasferiment.
Fl-20 ta' April 1891 saru effettivi r-regolamenti maħruġa mill-Kummissarju tat-Tażmanja għas-Sajd fir-rigward tal-protezzjoni tal-foki fil-Gżira ta' Macquarie. Dan kien possibbli skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tat-Tażmanja, jiġifieri l-Att dwar is-Sajd tal-1889. Sas-26 ta' Ottubru 1891, dawn ir-regolamenti ġew emendati biex jiskadu fl-20 ta' Lulju 1894, u biex ma jibqax inkluż is-sekwestru ta' bastiment bħala penali għar-reat.
Seklu 20
[immodifika | immodifika s-sors]
Bejn l-1902 u l-1920, il-Gvern tat-Tażmanja kera l-gżira lil Joseph Hatch (1837–1928) għall-industrija taż-żejt tiegħu abbażi tal-ħsad tal-pingwini.
Bejn l-1911 u l-1914, il-gżira saret bażi għall-Ispedizzjoni Antartika tal-Awstralasja taħt Sir Douglas Mawson. George Ainsworth opera impjant meteoroloġiku bejn l-1911 u l-1913, segwit minn Harold Power mill-1913 sal-1914, u minn Arthur Tulloch mill-1914 sal-għeluq tal-impjant fl-1915.
Fl-1933, l-awtoritajiet iddikjaraw il-gżira bħala santwarju tal-organiżmi selvaġġi skont l-Att tat-Tażmanja dwar il-Protezzjoni tal-Annimali u tal-Għasafar tal-1928, u fl-1972, saret Riżerva Statali skont l-Att tat-Tażmanja dwar il-Parks Nazzjonali u l-Organiżmi Selvaġġi tal-1970. Fil-25 ta' Mejju 1948, l-Ispedizzjonijiet Awstraljani tar-Riċerka Antartika Nazzjonali stabbilew kwartier ġenerali għall-ispedizzjonijiet fil-Gżira ta' Macquarie. F'Marzu 1949, żarithom il-Ħames Spedizzjoni Antartika Franċiża fil-vjaġġ tar-ritorn tagħha mill-Art ta' Adélie fejn ma seta' jsir l-ebda żbark dik is-sena minħabba l-għata estensiva tas-silġ.
Il-gżira kellha status bħala riżerva ta' bijosfera abbażi tal-Programm tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO mill-1977 sakemm irtirat mill-programm fl-2011. Fil-5 ta' Diċembru 1997, il-Gżira ta' Macquarie tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit ta' importanza ewlenija għall-ġeokonservazzjoni, ladarna hija l-unika art ta' katina muntanjuża f'nofs oċean fid-Dinja fejn il-blat mill-mantell tad-Dinja qed jiġi espost b'mod attiv 'il fuq mil-livell tal-baħar.
Seklu 21
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-23 ta' Diċembru 2004, terremot ta' 8.1 fuq l-iskala tal-kobor tal-mument heżżeż il-gżira iżda ma kkawża l-ebda ħsara sinifikanti. Geoscience Australia ħarġet Allert ta' Għargħar b'Tsunami għall-Impjant tal-Gżira ta' Macquarie. Id-dokument kien jindika li tsunami kkawżata minn terremot lokali seta' jseħħ mingħajr twissija, u seta' jgħerreq l-istmu u l-impjant eżistenti. Tali tsunami x'aktarx li kien jaffettwa partijiet oħra tal-kosta u l-għorfiet qrib ix-xatt. Skont diversi dokumenti, terremot li kapaċi jikkawża tsunami ta' dik il-portata huwa riskju għoli reali.
Il-Gżira ta' Macquarie hija twila madwar 34 kilometru (21 mil) u wiesgħa 5 kilometri (3 mili), b'erja ta' 128 km2 (49 mil kwadru). Il-gżira tikkonsisti minn promontorji fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar, kull wieħed b'elevazzjoni ta' 150–200 metru (490–660 pied), magħqudin b'istmu baxx u dejjaq. Il-punti għoljin jinkludu l-Għolja ta' Elder fil-katina muntanjuża kostali tal-Grigal b'għoli ta' 385 metru (1,263 pied), u l-Għoljiet ta' Hamilton u ta' Fletcher fin-Nofsinhar b'għoli ta' 410 metri (1,345 pied). Il-gżira tinsab kważi nofs triq bejn il-gżira tat-Tażmanja u l-Peniżola ta' Anderson tal-Antartika, kważi 1,500 kilometru (930 mil; 810 mili nawtiċi) minn kull punt. Barra minn hekk, il-Gżira ta' Macquarie tinsab madwar 630 kilometru (390 mil; 340 mil nawtiku) fil-Lbiċ tal-Gżira ta' Auckland, u 1,300 kilometru (810 mili; 700 mil nawtiku) fit-Tramuntana tal-Gżejjer Balleny.
Qrib il-Gżira ta' Macquarie hemm żewġ gruppi żgħar ta' gżejjer minuri: il-Gżejriet ta' Judge u ta' Clerk (54°21′S 159°01′E), 14-il kilometru (9 mili; 8 mili nawtiċi) lejn it-Tramuntana, b'erja ta' 0.2 km2 (49 akru), u l-Gżejriet ta' Bishop u ta' Clerk (55°03′S 158°46′E), 34 kilometru (21 mil; 18-il mil nawtiku) lejn in-Nofsinhar, b'erja ta' 0.6 km2 (150 akru). Bħall-Gżira ta' Macquarie, iż-żewġ gruppi huma parti mill-istat tat-Tażmanja. Il-Gżejriet ta' Bishop u ta' Clerk huma l-iżjed punt fin-Nofsinhar tal-Awstralja (eskluż it-Territorju Antartiku Awstraljan).
Fis-seklu 19 kien maħsub li kien hemm xi gżira fatat imsejħa l-"Gżira tal-Iżmerald" fin-Nofsinhar tal-Gżira ta' Macquarie.

Il-gżira tinsab fil-konfini tal-plakek tettoniċi bejn il-plakka Awstraljana lejn il-Majjistral u l-plakka tal-Paċifiku lejn il-Lbiċ. Tagħmel parti mill-Katina Muntanjuża ta' Macquarie, żona ta' qsim twila 1,600 kilometru (990 mil) fil-qoxra oċeanika, estiża lejn il-Lbiċ minn New Zealand tul konfini tal-plakek tettoniċi. Il-Katina Muntanjuża ta' Macquarie ffurmat tul il-konfini tal-plakek tettoniċi permezz taċ-ċaqliq taż-żewġ plakek lejn xulxin, u dan wassal għal olzar tul il-konfini. Madankollu, f'perjodu ġeoloġiku iktar bikri ż-żewġ plakek tettoniċi kienu qed jitbegħdu minn xulxin, u b'hekk il-lava mill-mantell tad-Dinja seta' jitla' sal-qiegħ tal-baħar, u fforma l-bażalt. It-treġġigħ lura sussegwenti taċ-ċaqliq tal-plakek tettoniċi olza l-materjal bażaltiku mill-qiegħ tal-baħar tul il-konfini tal-Katina Muntanjuża ta' Macquarie.
Il-Katina Muntanjuża ta' Macquarie tinsab għalkollox fuq il-qiegħ tal-baħar għajr fejn titla' 'l fuq mil-livell tal-baħar fil-Gżira ta' Macquarie. Il-gżira feġġet 'il fuq mil-livell tal-baħar fi żmien ġeoloġiku reċenti; l-ogħla punt tal-gżira feġġew 'il fuq mil-livell tal-baħar saħansitra 300,000 sena ilu jew inqas. L-istimi jvarjaw abbażi tas-suppożizzjoni tar-rata ta' olzar u l-bidliet fil-livell tal-baħar maż-żmien. Il-gżira hija eżempju ta' ofjolit, jiġifieri sezzjoni tal-qoxra oċeanika tad-Dinja u l-mantell superjuri ta' taħtha li ġew olzati u esposti. Il-proċess ġie deskritt bħala li "l-gżira stess donnha ġiet sempliċement mgħafġa lejn il-wiċċ bħall-pejst tas-snien minn tubu". L-esponimenti uniċi jinkludu eżempji eċċellenti ta' bażalt b'għamla ta' mħadda mingħajr l-ebda ħjiel ta' kontaminazzjoni tal-qoxra kontinentali u blat estrużiv ieħor. Il-ġeoloġija tal-gżira ġiet deskritta bħala li tiżvela "l-aqwa biċċiuet espost u l-iktar iżolati tal-qiegħ tal-oċean fid-dinja". L-esponimenti ġeoloġiċi uniċi kienet wieħed miż-żewġ kriterji kkwotati meta l-gżira tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.
Il-gżira tinsab qrib ix-xifer tal-kontinent taħt l-ilma ta' Zealandia, iżda ma titqiesx bħala parti minnu, minħabba li l-Katina Muntanjuża ta' Macquarie hija magħmula minn qoxra oċeanika u mhux qoxra kontinentali.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klima tal-Gżira ta' Macquarie hija mmoderata mill-baħar, u fix-xhur kollha jkun hemm temperatura medja ta' iktar mill-punt tal-iffriżar; għalkemm il-borra hija komuni bejn Ġunju u Ottubru, u jaf tokkorri saħansitra fis-sajf. Minħabba s-sjuf kesħin tagħha, il-gżira għandha klima tat-tundra (ET skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen).
It-temperatura massima medja ta' kuljum tvarja bejn 4.9 °C (40.8 °F) f'Lulju u 8.8 °C (47.8 °F) f'Jannar. Il-preċipitazzjoni tokkorri pjuttost b'mod uniformi matul is-sena kollha, b'medja ta' 1,002.1 millimetri (39.45 pulzier) kull sena. Il-Gżira ta' Macquarie hija wieħed mill-iżjed postijiet fid-Dinja bis-sħab, b'medja annwali ta' 862 siegħa ta' xemx biss (simili għal Tórshavn fil-Gżejjer Faroe). Kull sena, ikun hemm medja ta' 289.4 jum bis-sħab u 3.5 ijiem biss b'temp bnazzi.
Kull sena jkun hemm 316.7-il jum bil-preċipitazzjoni, inkluż 55.7 jum bil-borra (daqs il-Mogħdija ta' Charlotte skont din il-metrika). Din hija ċifra ferm iktar baxxa minn dik tal-Gżira Heard minħabba l-lonġitudni tagħha, li jkollha 96.8 jum bil-borra f'53 grad biss fin-Nofsinhar.
| Data klimatika Il-Gżira ta' Macquarie (temp. normali fl-1991–2020, temp. estremi mill-1948 sal-preżent); 6 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar; 54.50° S, 158.94° E | |||||||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
| Temp. għolja rekord °C (°F) | 13.6 (56.5) |
17.0 (62.6) |
12.6 (54.7) |
12.2 (54.0) |
10.0 (50.0) |
10.6 (51.1) |
8.3 (46.9) |
8.5 (47.3) |
9.5 (49.1) |
10.3 (50.5) |
11.6 (52.9) |
14.4 (57.9) |
17.0 (62.6) |
| Medja massima °C (°F) | 11.0 (51.8) |
10.6 (51.1) |
10.1 (50.2) |
9.2 (48.6) |
8.4 (47.1) |
7.6 (45.7) |
7.2 (45.0) |
7.1 (44.8) |
7.3 (45.1) |
7.9 (46.2) |
9.0 (48.2) |
10.4 (50.7) |
11.4 (52.5) |
| Medja massima kuljum °C (°F) | 8.9 (48.0) |
8.8 (47.8) |
8.2 (46.8) |
7.2 (45.0) |
6.1 (43.0) |
5.2 (41.4) |
4.9 (40.8) |
5.1 (41.2) |
5.4 (41.7) |
6.0 (42.8) |
6.8 (44.2) |
8.2 (46.8) |
6.7 (44.1) |
| Medja kuljum °C (°F) | 7.1 (44.8) |
7.1 (44.8) |
6.6 (43.9) |
5.7 (42.3) |
4.4 (39.9) |
3.5 (38.3) |
3.3 (37.9) |
3.4 (38.1) |
3.6 (38.5) |
4.1 (39.4) |
4.9 (40.8) |
6.4 (43.5) |
5.0 (41.0) |
| Medja minima kuljum °C (°F) | 5.3 (41.5) |
5.4 (41.7) |
4.9 (40.8) |
4.1 (39.4) |
2.7 (36.9) |
1.7 (35.1) |
1.6 (34.9) |
1.6 (34.9) |
1.8 (35.2) |
2.1 (35.8) |
2.9 (37.2) |
4.5 (40.1) |
3.2 (37.8) |
| Medja minima °C (°F) | 2.5 (36.5) |
2.5 (36.5) |
1.5 (34.7) |
0.1 (32.2) |
−2.5 (27.5) |
−3.4 (25.9) |
−3.8 (25.2) |
−3.0 (26.6) |
−3.1 (26.4) |
−1.9 (28.6) |
−1.0 (30.2) |
1.2 (34.2) |
−5.7 (21.7) |
| Temp. baxxa rekord °C (°F) | 0.6 (33.1) |
−0.6 (30.9) |
−2.3 (27.9) |
−4.5 (23.9) |
−6.8 (19.8) |
−7.0 (19.4) |
−9.4 (15.1) |
−8.9 (16.0) |
−8.7 (16.3) |
−6.0 (21.2) |
−3.9 (25.0) |
−1.7 (28.9) |
−9.4 (15.1) |
| Medja tax-xita cm (pulzieri) | 94.9 (3.74) |
89.4 (3.52) |
109.0 (4.29) |
95.8 (3.77) |
100.2 (3.94) |
84.2 (3.31) |
83.9 (3.30) |
90.9 (3.58) |
79.4 (3.13) |
86.8 (3.42) |
81.1 (3.19) |
89.7 (3.53) |
1,085.3 (42.72) |
| Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni | 25.6 | 24.4 | 28.0 | 27.9 | 28.7 | 27.7 | 28.0 | 28.2 | 27.0 | 27.9 | 26.3 | 26.3 | 326 |
| Medja tal-umdità relattiva waranofsinnhar (%) | 83 | 84 | 84 | 86 | 86 | 85 | 87 | 85 | 84 | 81 | 82 | 82 | 84 |
| Medja fix-xahar għas-siegħat bid-dawl tax-xemx | 127.1 | 107.4 | 89.9 | 57.0 | 34.1 | 21.0 | 21.7 | 46.5 | 75.0 | 105.4 | 114.0 | 114.7 | 913.8 |
| Sors: L-Uffiċċju tal-Meteoroloġija. | |||||||||||||
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-flora għandha affinitajiet tassonomiċi ma' gżejjer sub-Antartiċi oħra, speċjalment dawk fin-Nofsinhar ta' New Zealand. Il-pjanti qajla jikbru ogħla minn metru (3 piedi u 3 pulzieri), għalkemm il-ħaxix Poa foliosa jista' jikber sa żewġ metri (6 piedi u 7 pulzieri) f'żoni mkennija. Hemm iktar minn 45 pjanta vaskulari u iktar minn 90 speċi ta' muski, kif ukoll bosta epatiċi u likeni. Il-pjanti biz-zkuk tal-injam huma assenti.
Il-gżira għandha ħames formazzjonijiet prinċipali ta' veġetazzjoni: bwar tal-ħaxix, għelieqi tal-ħxejjex aromatiċi, moxa mistagħdra, torbiera mistagħdra u feldmark. Il-komunitajiet tat-torbiera mistagħdra jinkludu l-featherbed, torbiera fonda u ratba mimlija ħaxix u ħxejjex aromatiċi baxxi, b'irqajja' tal-ilma ħieles. Fost il-flora endemika hemm il-pjanta Azorella macquariensis, il-ħaxix Puccinellia macquariensis, u żewġ orkidej – Nematoceras dienemum u Nematoceras sulcatum.
Fost il-mammiferi li jinstabu fil-gżira hemm il-foki sub-Antartiċi tal-pil, il-foki Antartiċi tal-pil, il-foki tal-pil ta' New Zealand u l-foki iljunfanti tan-Nofsinhar – b'kollox hemm iktar minn 80,000 individwu ta' din l-ispeċi. Id-diversitajiet u d-distribuzzjonijiet taċ-ċetaċji huma inqas magħrufa; il-balieni tan-Nofsinhar u l-orki huma iktar komuni, segwiti minn balieni bis-snien u balenotteri migratorji oħra, speċjalment il-gabdolli u l-balieni tal-munqar, li jippreferu ilmijiet iktar fondi. L-hekk imsejħa "foki tal-artijiet olzati" li fl-imgħoddi kienu jinstabu fil-Gżejjer tal-Antipodi u fil-Gżira ta' Macquarie ġew meqjusa minn xi riċerkaturi bħala sottospeċijiet distinti tal-foki tal-pil b'pil iktar oħxon, għalkemm mhux ċar jekk dawn il-foki humiex ġenetikament distinti.
Il-pingwini imperjali u l-marguni tal-Gżira ta' Macquarie huma nissiela endemiċi, filwaqt li l-pingwini rjali, il-pingwini tan-Nofsinhar u l-pingwini gentoo jitnisslu wkoll hawnhekk f'ammont kbar. Il-gżira ġiet identifikata minn BirdLife International bħala Żona Importanti għall-Għasafar minħabba li ssostni madwar 3.5 mijun għasafar tal-baħar li jitnisslu minn 13-il speċi.
Interazzjoni umana
[immodifika | immodifika s-sors]Żona protetta
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gvern tat-Tażmanja ddikjara l-Gżira ta' Macquarie bħala santwarju tal-organiżmi selvaġġi fl-1933. L-istatus inbidel għal żona ta' konservazzjoni fl-1971, u mbagħad fl-1972 ġiet iddeżinjata bħala riżerva statali magħrufa bħala r-Riżerva tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Gżira ta' Macquarie. Fl-1977 il-gżira ġiet iddikjarata Riżerva ta' Bijosfera skont il-Programm tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO, u tniżżlet ukoll fir-Reġistru tal-Wirt Nazzjonali tal-Awstralja. Fl-1978, l-erja tar-riżerva statali ġiet estiża sal-livell baxx tal-ilma biex jiġu inklużi l-gżejriet lil hinn mill-kosta, u formalment ġiet imsejħa r-Riżerva Naturali tal-Gżira ta' Macquarie. L-aċċess għar-riżerva ġie ristrett mill-1979 'il quddiem, u kull min irid jaċċessa r-riżerva sar jeħtieġ permess.
F'Diċembru 1997, il-Gżira ta' Macquarie tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, inkluż ir-riżerva u l-ilmijiet tal-madwar sa 12-il mil nawtiku lil hinn mill-kosta. Il-Park tal-Baħar tal-Gżira ta' Macquarie ġie stabbilit fl-1999, u fis-sena 2000, ir-Riżerva Naturali tal-Gżira ta' Macquarie ġiet estiża biex tinkludi l-erja sa 3 mili nawtiċi 'l barra mill-gżira u l-gżerijiet iżolati.
Il-bastimenti tal-kruċieri tat-turiżmu ekoloġiku jżuru l-gżira, iżda l-għadd ta' viżitaturi ġie limitat għal 2,000 ruħ kull sena.
Impatt tal-annimali introdotti
[immodifika | immodifika s-sors]L-ekoloġija tal-gżira ġiet affettwata mill-ewwel żjarat ta' Ewropej fl-1810. Il-foki tal-pil, il-foki iljunfanti u l-pingwini tal-gżira nqatlu għall-pil u għaż-żejt. Il-firien u l-ġrieden li ġew introdotti bi żball mill-bastimenti tkattru minħabba n-nuqqas ta' predaturi. Sussegwentement ġew introdotti l-qtates apposta biex jiġi evitat li l-firien u l-ġrieden jieklu l-provvisti tal-ikel tal-bnedmin. Għall-ħabta tal-1870, il-fniek u speċi ta' gallozza (wekas) ta' New Zealand tħallew fuq il-gżira mill-kaċċaturi tal-foki biex jitnisslu u b'hekk isibu l-ikel. Dan ikkawża ħsara kbira lill-organiżmi selvaġġi lokali, inkluż l-estinzjoni tal-gallozza tal-Gżira ta' Macquarie (Gallirallus macquariensis), tal-pappagall tal-Gżira ta' Macquarie (Cyanoramphus erythrotis), u speċi li għadha mhux deskritta ta' sarsella. Sas-snin 70 tas-seklu 20, 130,000 fenek kienu qed jikkawżaw ħsara terribbli lill-veġetazzjoni.
Qtates semiselvaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-qtates semiselvaġġi li ġew introdotti fil-gżira kellhom effett devastanti fuq il-popolazzjoni tal-għasafar tal-baħar nattivi, b'telf annwali stmat ta' 60,000 għasfur tal-baħar. Mill-1985 saru sforzi biex il-qtates jitneħħew. F'Ġunju 2000, l-aħħar qattus mill-kważi 2,500 qattus inqatel fi sforz biex jiġu salvati l-għasafar tal-baħar. Il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar irpiljaw minnufih, iżda l-popolazzjoni tal-firien u tal-fniek żdiedet wara li nqatlu l-qtates, u baqgħu jikkawżaw ħsara ambjentali mifruxa.
Fniek
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fniek immultiplikaw malajr qabel ma l-għadd tagħhom tnaqqas għal madwar 10,000 fenek fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 20 meta ġiet introdotta l-miksomatożi. L-għadd tal-fniek reġa' kiber għal iktar minn 100,000 fenek sal-2006. Il-firien u l-ġrieden baqgħu jieklu l-frieħ tal-għasafar tal-baħar, filwaqt li l-fniek baqgħu jieklu l-ħaxix, u dan wassal għall-erożjoni tal-ħamrija u għaċ-ċedimenti tal-irdumijiet, u b'hekk inqerdu l-bejtiet tal-għasafar tal-baħar. Partijiet kbar mill-irdumijiet tal-Gżira ta' Macquarie qed jittieklu minħabba dan kollu. F'Settembru 2006, ċediment kbir tal-art fil-Bajja ta' Lusitania, fin-naħa tal-Lvant tal-gżira, parzjalment qerdet kolonja importanti ta' pingwini li jitnisslu fil-gżira. Is-Servizz tal-Parks u tal-Organiżmi Selvaġġi tat-Tażmanja attribwixxa ċ-ċediment tal-art għal kombinament ta' xita qliel tar-rebbiegħa u erożjoni qalila kkawżata mill-fniek.
Ir-riċerka mix-xjenzati tad-Diviżjoni Antartika Awstraljana, ippubblikata fil-ħarġa tat-13 ta' Jannar 2009 tal-Ġurnal tal-Ekoloġija Applikata tas-Soċjetà Ekoloġika Brittanika, issuġġeriet li s-suċċess tal-programm ta' qerda tal-qtates semiselvaġġi wasslet biex il-popolazzjoni tal-fniek tiżdied, u b'hekk ikkawżat ħsara lill-ekosistema tal-Gżira ta' Macquarie billi alterat żoni sinifikanti ta' veġetazzjoni tal-gżira. Madankollu, f'kumment ippubblikat fl-istess ġurnal, xjenzati oħra argumentaw li għadd ta' fatturi (primarjament it-tnaqqis fl-użu tal-vajrus tal-Myxoma) kienu ċertament involuti u l-assenza ta' qtates jaf kienet relattivament kawża minuri fosthom. L-awturi oriġinali eżaminaw il-kwistjoni fi tweġiba iktar 'il quddiem u kkonkludew li l-effett tal-użu tal-vajrus tal-Myxoma kien żgħir u tennew il-pożizzjoni oriġinali tagħhom. Madankollu, l-awturi oriġinali ma spjegawx kif l-għadd ta' fniek kien ikbar f'perjodi preċedenti bħas-snin 70 tas-seklu 20 qabel l-introduzzjoni tal-vajrus tal-Myxoma u meta l-qtates ma kinux qed jinqatlu, u lanqas kif il-fniek kienu żdiedu daqstant meta l-qtates kienu preżenti għal xi 60 sena qabel l-introduzzjoni tal-fniek; b'hekk issuġġerew li l-qtates ma kinux qed jikkontrollaw il-popolazzjonijiet tal-fniek qabel l-introduzzjoni tal-vajrus tal-Myxoma.
Qerda tal-fniek, tal-firien u tal-ġrieden
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-4 ta' Ġunju 2007, permezz ta' stqarrija għall-istampa, Malcolm Turnbull, il-Ministru Federali għall-Bord tar-Riżorsi Ambjentali u tal-Ilma tal-Awstralja, ħabbar li l-Gvernijiet tal-Awstralja u tat-Tażmanja kienu laħqu qbil biex jiffinanzjaw b'mod konġunt il-qerda tal-pesti, kemm ir-rodituri kif ukoll il-fniek, biex jiġi protett l-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-Gżira ta' Macquarie. Il-pjan, li huwa stmat li sewa $24 miljun dollaru Awstraljan, kien ibbażat fuq nases tal-massa b'ikel ivvelenat fil-gżira, simili għall-programm ta' qerda fil-Gżira ta' Campbell, New Zealand, segwiti minn timijiet ta' klieb imħarrġa minn Steve Austin fuq perjodu massimu ta' 7 snin. Kien mistenni li b'konsegwenza ta' dan il-pjan kienu se jiġu affettwati l-gawwi li jieklu l-laminarji, iżda l-imwiet fost l-għasafar kienu iktar milli kien mistenni u b'hekk kollox ġie sospiż. Speċijiet oħra li nqatlu min-nases bil-velenu kienu jinkludu l-kanġu ġgantesk, il-papra sewda u l-iskuwa.
Fi Frar 2012, il-gazzetta The Australian irrapportat li l-fniek, il-firien u l-ġrieden kienu kważi nqerdu għalkollox mill-gżira. F'April 2012 it-timijiet tal-kaċċa rraportaw l-isterminju ta' 13-il fenek li kienu baqgħu ħajjin wara l-pjan tal-2011; l-aħħar ħames fniek instabu f'Novembru 2011, inkluż fenka li kienet qed tredda u boton ta' erba' fniek. Sa Lulju 2013 ma nstabux traċċi ta' fniek iktar.
Fit-8 ta' April 2014, il-Gżira ta' Macquarie ġiet uffiċjalment iddikjarata bħala ħielsa mill-pesti, wara 7 snin ta' sforzi ta' konservazzjoni. Din il-kisba kienet l-ikbar programm ta' qerda tal-pesti ta' suċċess. F'Mejju 2024 ġie rrapportat li l-gżira baqgħet ħielsa mill-pesti għal 10 snin, u l-veġetazzjoni kienet qed tiffjorixxi.
Il-popolazzjonijiet ta' diversi speċijiet ta' għasafar bdew jirpiljaw. Il-kanġu ta' rasu bajda (Pterodroma lessonii) li kien qrib l-estinzjoni sal-2001 wera żieda kbira fit-tnissil b'suċċess, u l-popolazzjoni bil-mod il-mod issa qed tiżdied. Żewġ speċijiet oħra ta' kanġu, il-kanġu griż (Procellaria cinerea) u l-kanġu blu (Halobaena caerulea) li kienu estinti fil-gżira prinċipali mill-bidu tas-seklu 20, issa rritornaw. Il-popolazzjonijiet tagħhom qed jiżdiedu b'madwar 10 % fis-sena. Madankollu, il-monitoraġġ kontinwu, flimkien ma' miżuri bħall-użu ta' klieb tal-bijosigurtà għall-kontroll tal-merkanzija meta d-destinazzjoni tkun fil-gżira huma meħtieġa, peress li hemm theddidiet ġodda bħat-tibdil fil-klima u l-influwenza tat-tjur. Il-programmi ta' monitoraġġ kontinwu jiġu ffinanzjati mill-gvern federali.
Għasafar introdotti
[immodifika | immodifika s-sors]Minkejja li ġiet iddikjarata bħala ħielsa mill-pesti, il-Gżira ta' Macquarie għadha abitata minn diversi speċijiet ta' għasafar invażivi, bħall-kuluvert domestiku u l-isturnell Ewropew. L-awtointroduzzjoni tal-kuluverti domestiċi minn New Zealand saret theddida għall-popolazzjoni tal-papri suwed tal-Paċifiku fil-Gżira ta' Macquarie minħabba l-ibridizzazzjoni introgressiva.
Governanza u amministrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Gżira ta' Macquarie ġiet amministrata bħala parti mill-Istat Awstraljan tat-Tażmanja mill-1880. Kienet parti mill-Muniċipalità ta' Esperance sal-1993, meta l-muniċipalità ġiet magħquda ma' muniċipalitajiet oħra biex jiġi ffurmat il-Kunsill tal-Wied ta' Huon.
Mill-1948, id-Diviżjoni Antartika Awstraljana żammet bażi permanenti, l-Impjant tal-Gżira ta' Macquarie, fuq l-istmu fit-tarf tat-Tramuntana tal-gżira fil-bażi tal-Għolja ta' Wireless. Il-popolazzjoni tal-bażi, li tikkostitwixxi l-uniċi abitanti umani tal-gżira, normalment tvarja bejn 20 u 40 ruħ matul is-sena. Fil-qrib hemm ukoll ħeliport.
F'Settembru 2016, id-Diviżjoni Antartika Awstraljana sostniet li kienet se tagħlaq l-impjant tar-riċerka fil-gżira fl-2017. Madankollu, ftit wara, il-gvern Awstraljan kellu jiffaċċja kritika kbira meta ħabbar il-finanzjament għall-immodernizzar tal-infrastruttura qadima u t-tkomplija tal-operazzjonijiet eżistenti.
Fl-2018, id-Diviżjoni Antartika Awstraljana ppubblikat mappa li turi l-binjiet tal-gżira b'kontaminazzjoni kkonfermata jew suspettata bl-asbestos, li jinvolvu mill-inqas nofs l-istrutturi tal-gżira.
F'April 2024, il-ħin tal-iffrankar tad-dawl ta' binhar permanent fil-Gżira ta' Macquarie ġie abolit mill-Kunsill tal-Wied ta' Huon u nbidel għall-ħin tas-sajf. Qabel, il-Gżira ta' Macquarie kienet l-uniku post fid-Dinja li kien josserva l-ħin tal-iffrankar tad-dawl ta' binhar permanenti. Fil-Gżira ta' Macquarie dan kien maħsub għall-persunal stazzjonat fl-Impjant tal-Gżira ta' Macquarie, iżda mbagħad ingħata l-kunsens għal popolazzjoni umani permanenti.
Permezz tal-"Operazzjoni tal-Iskoperta tan-Nofsinhar", elementi tal-Forza tad-Difiża Awstraljana jipprovdu appoġġ annwali għad-Diviżjoni Antartika Awstraljana u għall-Programm Antartiku Awstraljan fl-attivitajiet xjentifiċi, ambjentali u ekonomiċi. Bħala parti mill-"Operazzjoni Reżoluti", il-Flotta Navali Rjali Awstraljana u l-Forza tal-Fruntieri Awstraljana għandhom il-kompitu li jiskjeraw dgħajjes tar-rondi tal-klassi tal-Kap jew Armidale biex iwettqu operazzjonijiet tas-sigurtà marittima ċivili fir-reġjun kif ikun meħtieġ. Parzjalment sabiex iwettqu din il-missjoni, mill-2023 id-dgħajjes tal-klassi Armidale tal-Flotta Navali Rjali Awstraljana waslu biex jiġu sostitwiti minn bastimenti ikbar tar-rondi lil hinn mill-kosta tal-klassi Arafura.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- A Macquarie Island beach
- Macquarie Island flora, Epilobium pedunculare
- Macquarie Island flora, Stilbocarpa polaris
- Royal penguins
- Bull elephant seals fighting
- Macquarie shag
- Gentoo penguin with chick
- King penguins at Lusitania Bay
- Eastern rockhopper penguins
- Sooty albatross
- Macquarie Island Station
- Wandering albatross
- Green Gorge hut and king penguins
- Highland herbfield dominated by Pleurophyllum hookeri