Gżejjer tal-Qroll ta' Rocas

Il-Gżejjer tal-Qroll ta' Rocas (bil-Portugiż: Atol das Rocas; pronunzja: [aˈtɔw dɐz ˈʁɔkɐs]) huma l-uniċi gżejjer tal-qroll fin-Nofsinhar tal-Oċean Atlantiku.[1] Jagħmlu parti mill-istat Brażiljan ta' Rio Grande do Norte u jinsabu bejn wieħed u ieħor 260 kilometru (160 mil) fil-Grigal ta' Natal u 145 kilometru (90 mil) fil-Punent tal-arċipelagu ta' Fernando de Noronha. Il-gżejjer tal-qroll għandhom oriġini vulkanika u formazzjoni tal-qroll.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-gżejjer tal-qroll ovali huma twal 3.7 kilometri (2.3 mili) u wesgħin 2.5 kilometri (1.6 mil). Il-laguna hija fonda sa 6 metri (20 pied) u għandha erja ta' 7.1 kilometri kwadri (2.7 mili kwadri). L-erja tal-art taż-żewġ gżejriet (il-Gżira ta' Cemitério fil-Lbiċ u Farol Cay fil-Majjistral) hija ta' 0.36 kilometri kwadri (89 akru). Farol Cay tirrappreżenta kważi żewġ terzi tal-erja aggregata. L-ogħla punt huwa għaram tar-ramel fin-Nofsinhar ta' Farol Cay, b'għoli ta' 6 metri (20 pied). Iż-żewġ gżejriet huma miksijin bil-ħaxix, bl-arbuxxelli u bi ftit siġar tal-palm. Fuqhom jgħixu granċijiet, brimb, skorpjuni, baqq tar-ramel, ħanfus, wirdien kbar u bosta speċijiet ta' għasafar.
Hemm fanal tal-Flotta Navali Brażiljana li ilu jopera mis-snin 60 tas-seklu 20, u dan jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-Bajja ta' Farol. Qribu hemm il-fdalijiet ta' fanal tal-1933.
Il-gżejjer tal-qroll huma santwarju tan-natura selvaġġa, u fl-2001 tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-importanza tagħhom bħala post fejn jidħlu jieklu l-ħlejqiet tal-baħar. Bosta fkieren tal-baħar, klieb il-baħar, dniefel u għasafar jgħixu fl-inħawi.[2] Il-gżejjer tal-qroll jikkonsistu b'mod prinċipali minn qroll u algi ħomor. L-anella tal-qroll kważi magħluqa għalkollox, b'kanal wiesa' 200 metru (660 pied) fin-naħa tat-Tramuntana u kanal ferm idjaq fin-naħa tal-Punent.
Il-gżejjer tal-qroll u l-ilmijiet tal-madwar jagħmlu parti mir-Riżerva Bijoloġika tal-Gżejjer tal-Qroll ta' Rocas. Attwalment ir-riżerva tintuża biss għar-riċerka xjentifika. Minħabba l-pożizzjoni remota tagħhom, iż-żewġ gżejriet fil-biċċa l-kbira mhumiex affettwati mill-attivitajiet tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, il-fatt li huma daqstant remoti jillimita wkoll l-aċċess għar-riċerkaturi u għalhekk ma tantx saru studji dwar dawn il-gżejjer tal-qroll. Ġiet irreġistrata biss il-fawna entomoloġika tal-Gżejjer tal-Qroll ta' Rocas.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżejjer Atlantiċi Brażiljani: ir-Riżervi ta' Fernando de Noronha u l-Gżejjer tal-Qroll ta' Rocas ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Amado-Filho, G. M.; et al. (2012-09-17), "The mesophotic zone of the only South Atlantic Atoll is dominated byrhodolith beds", in Aguirre, Julio (ed.), IV International Rhodolith Workshop, Granada, Spanja: Universidad de Granada, Facultad de Ciencias, pp. 10–11.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Brazilian Atlantic Islands: Fernando de Noronha and Atol das Rocas Reserves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
- ^ Almeida CE, Marchon-Silva V V, Ribeiro R, Serpa-Filho A, Almeida JR, Costa J. 2000. Entomological fauna from Reserva Biológica do Atol das Rocas, RN, Brażil: I. Morphospecies composition. Rev Bras Biol. 60(2):291-298.