Aqbeż għall-kontentut

Gżejjer tal-Blat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-Gżejjer tal-Blat.

Il-Gżejjer tal-Blat ta' Palau, magħrufa wkoll bħala Chelbacheb, huma ġabra ta' diversi mijiet ta' sikek tal-qroll u tal-ġebla tal-ġir fil-Laguna tan-Nofsinhar ta' Palau bejn Koror u Peleliu, li issa ġew inkorporati bħala parti mill-Istat ta' Koror. B'kollox hemm bejn 250 u 300 gżira fil-grupp skont sorsi differenti, b'erja aggregata ta' 42 kilometru kwadru (16-il mil kwadru) u għoli massimu ta' 207 metri (679 pied). Il-gżejjer tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit imħallat (kulturali u naturali) fl-2012.[1]

Mappa tal-Gżejjer tal-Blat.

Il-Gżejjer tal-Blat bil-kemm huma popolati u huma famużi għall-bajjiet, għal-laguni blu, u għall-għamliet strambi qishom ta' umbrella ta' ħafna mill-gżejjer stess. Bosta mill-gżejjer għandhom għamla ta' umbrella jew ta' faqqiegħ, b'bażi iktar dejqa fil-punt intermareali. Dan twettaq permezz tal-erożjoni u l-komunità densa ta' sponoż, bivalvi, kitoni, bebbux, rizzi u organiżmi oħra li jieklu l-iktar l-algi.[2] Barra minn hekk, il-gżejjer issawru tul iż-żmien mit-temp, mir-riħ u mill-veġetazzjoni. Gżejjer notevoli fil-grupp ta' gżejjer huma:

  • Eil Malk (Mecherchar)
  • Ngeruktabel
  • Ulong
  • Bablomekang (Abappaomogan)
  • Bukrrairong (Kamori)
  • Oilouch
  • Ongael
  • Ngebedangel (Ngobasangel)
  • Ngerukewid (Orukuizu)
  • Ngeanges
  • Ngeteklou (Gologugeul)
  • Tlutkaraguis (Adorius)

Żona Importanti tal-Għasafar

[immodifika | immodifika s-sors]

Sit ta' 4,912-il ettaru li jinkludi l-Gżejjer tal-Blat ġie ddeżinjat bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International għax isostni popolazzjonijiet sħaħ tal-biċċa l-kbira tal-għasafar endemiċi ta' Palau, fosthom il-megapodi tal-Mikroneżja, il-ħamiem tal-art ta' Palau, il-ħamiem imperjali tal-Mikroneżja, il-ħamiem tal-frott ta' Palau, ir-ronduni żgħar, l-għasafar ta' San Martin, il-miżomeli tal-Mikroneżja, l-għasafar ta' binhar, il-bgħula ta' denbhom imrewħa ta' Palau, iż-żanżarelli, il-bgħula tal-arbuxxelli, il-psiepes ġganteski, skuri u ċitrini, u l-isturnelli tal-Mikroneżja.[3]

Il-gżejjer u l-iskolli tal-qroll tal-madwar jinkludu l-iżjed siti turistiċi popolari, fosthom ir-Rokna Blu, il-Ħofor Blu, il-Fliegu Ġermaniż, il-Gżira ta' Ngermeaus, il-Lag famuż tal-Bram, wieħed minn bosta lagi bl-ilma baħar fil-Gżejjer tal-Blat li jospita diversi tipi ta' bram li ma jagħmlux ħsara lill-bniedem u li jinsabu f'Palau biss. Il-Gżejjer tal-Blat huma fost l-iżjed destinazzjonijiet popolari mal-bugħaddasa f'Palau, u joffru wħud mill-iżjed siti tal-għadis b'diversità fid-dinja, b'għadis mal-iskolli, b'għadis imkaxkar mill-kurrent qawwi, b'għadis mar-rajja ġganteski u mal-klieb il-baħar, u b'għadis fil-laguni baxxi, fl-għerien ta' taħt il-baħar u taħt l-irdumijiet weqfin. Fost l-attrazzjonijiet turistiċi hemm ukoll il-Bajja tad-Dniefel, fejn għadd ta' veterinarji u ħarrieġa jagħtu tagħrif lill-mistednin dwar id-dniefel.

L-uniku post abitat fil-gżejjer huwa magħruf bħala l-Bajja tad-Dniefel (f'Ngeruktabel, 5 kilometri minn Koror). F'dan il-post hemm il-Park Akkwatiku Nazzjonali ta' Palau, u jospita l-kwartieri ġenerali tar-rangers tal-park ta' Palau.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżejjer tal-Blat fil-Laguna tan-Nofsinhar ta' Palau ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ "Rock Islands Southern Lagoon - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-14.
  2. ^ Murphy, Richard C. (2002). Coral Reefs: Cities Under The Seas. The Darwin Press, Inc. pp. 60–61. ISBN 0-87850-138-X.
  3. ^ "Rock Islands (Palau) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2024-12-14.