Aqbeż għall-kontentut

Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-għoljiet tal-Prosecco

L-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene (bit-Taljan: Colline del Prosecco di Conegliano e Valdobbiadene) huma grupp ta' għoljiet fil-provinċja ta' Treviso, fir-reġjun tal-Veneto, ikkaratterizzati mit-territorju mimli dwieli taż-żona tal-produzzjoni tal-inbid frizzanti Prosecco ta' Conegliano-Valdobbiadene DOKG (Denominazzjoni ta' Oriġini Kontrollata u Garantita).

Mill-2019 dawn l-għoljiet tniżżlu fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Wara li n-nomina tagħhom ma ġietx aċċettata fl-2018, matul it-43 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO li saret f'Baku, l-Ażerbajġan, l-għoljiet saru l-55 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Italja u t-tmien sit fil-Veneto.[1][2][3][4][5]

Mappa tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene. Bl-aħdar hemm iż-żona ċentrali, filwaqt li bl-oranġjo hemm iż-żona ta' lqugħ tas-sit.

L-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene jinsabu fil-Grigal tal-Italja, fil-provinċja ta' Treviso (Veneto), u huma estiżi f'direzzjoni mil-Lvant għall-Punent, minn Vittorio Veneto sa Valdobbiadene.[6]

Iż-żona ċentrali, li hija ż-żona ewlenija li ġiet rikonoxxuta bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, għandha diversi protokolli u miżuri ta' konservazzjoni u ta' protezzjoni. Iż-żona hija estiża fuq 9,197,45 ettaru u tinkludi t-territorji bl-għoljiet fil-Komuni ta' Valdobbiadene, Vidor, Miane, Farra di Soligo, Pieve di Soligo, Follina, Cison di Valmarino, Refrontolo, San Pietro di Feletto, Revine Lago, Tarzo u Vittorio Veneto.

Madwar din iż-żona hemm ukoll żona ta' lqugħ ta' 9,769,80 ettaru b'territorji bl-għoljiet ta' inqas importanza. Din iż-żona ta' lqugħ tinkludi l-Komuni ta' Conegliano, Susegana u San Vendemiano. Barra minn hekk, ġiet miżjuda "żona ta' impenn" fejn wieħed jista' jagħraf il-karatteristiċi prinċipali tan-nominazzjoni fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, iżda fejn hemm iktar żvilupp u urbanizzazzjoni. Din iż-żona tinkludi l-Komuni ta' Cappella Maggiore, Colle Umberto, Codognè, Cordignano, Fregona, Godega di Sant'Urbano, Mareno di Piave, Moriago della Battaglia, Sarmede, San Fior, Sernaglia della Battaglia, Segusino, Santa Lucia di Piave u Vazzola.[7]

Ringieli ta' vinji tal-Prosecco ta' Valdobbiadene

L-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene huma kkaratterizzati minn formazzjoni ġeoloġika partikolari magħrufa bħala hogback, li hija magħmula minn sensiela ta' għoljiet b'quċċata dejqa u b'xaqlibiet weqfin fuq iż-żewġ naħat tal-għoljiet, b'intervall ta' widien żgħar paralleli. Is-sit jinkludi l-biċċa l-kbira tat-territorju bid-dwieli taż-żona tal-produzzjoni tal-Prosecco ta' Conegliano-Valdobbiadene DOKG.[6]

Ix-xenarju tal-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene huwa kkaratterizzat mill-hekk imsejħa ciglioni, li huma artijiet mimlija terrapien f'għoljiet imtarrġa dojoq u ħodor li jintużaw għal ringieli ta' vinji. Għal sekli sħaħ dawn l-artijiet aċidużi ġew imsawra mill-bniedem biex jagħmilhom adattati għall-biedja. Mis-seklu 17, l-użu taċ-ciglioni wassal għal xenarju partikolari magħmul minn ringieli ta' vinji paralleli ħdejn xulxin u vertikali alternati ma' rdumijiet li jibqgħu neżlin f'foss żgħir. Fis-seklu 19, it-teknika tat-tkabbir tal-bellussera wasslet għall-karatteristiċi estetiċi magħrufa tat-territorju.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Prosecco

Nhar il-Ġimgħa, it-28 ta' Ġunju 2019, ftit jiem qabel is-sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO li wasslet biex l-Għoljiet tal-Prosecco ta' Conegliano u Valdobbiadene jiddaħħlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, faċċata tas-sede tal-UNESCO f'Venezja ġiet organizzata protesta ambjentalista organizzata minn diversi assoċjazzjonijiet favur il-ġlieda kontra l-użu massiċċ tal-pestiċidi fl-agrikoltura.

L-attivisti taw dokument lir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti b'diversi kunsiderazzjonijiet fuq il-kwistjoni tal-użu ta' fitofarmaċi fit-territorju, u saħqu wkoll kif fir-rapport uffiċjali tal-UNESCO ma kienx hemm termini bħal "pestiċidi" jew "tniġġis".[8] Protesti bħal dawn kienu diġà ġew organizzati fl-istess territorju, u ġibdu l-interess ta' trażmissjonijiet nazzjonali bħal Report, li xeħet dawl fuq kif id-dikjarazzjonijiet tal-amministraturi lokali u tan-nies responsabbli mis-saħħa u l-ambjent tal-għoljiet huma f'kuntrast kbir mal-istqarrijiet tal-abitanti taż-żona.[9]

Ta' min jgħid, li r-raġunijiet li wasslu għal bosta diskussjonijiet fuq is-sostenibbiltà tat-territorju bejn Conegliano u Valdobbiadene, kienu ġew indirizzati minnufih mill-awtoritajiet lokali, fil-Konsorzju tal-Ħarsien tal-Prosecco ta' Conegliano-Valdobbiadene DOKG, bl-appoġġ tal-awtoritajiet li jieħdu ħsieb it-taħriġ u r-riċerka b'mod partikolari fis-settur tal-inbid, fosthom: l-Iskola Enoloġika ta' Conegliano, iċ-Ċentru tar-Riċerka Crea VE għall-Vitikoltura ta' Conegliano u l-Università tal-Istudji ta' Padova, li f'Conegliano toffri kors fix-Xjenzi Vitikoli u Enoloġiċi. Fil-fatt, iż-żona ta' Conegliano-Valdobbiadene, pereżempju, hija l-ewwel żona fl-Ewropa li pprojbixxiet l-użu tal-glifosat, li huwa prodott tal-bexx li ħoloq kontroversji sħaħ minħabba s-suspett li huwa perikoluż għall-ambjent u għall-konsum mill-bniedem.

Gallerija ta' stampi

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Le Colline del Prosecco di Conegliano e Valdobbiadene". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-03.
  2. ^ Conegliano, Visit. "The Unesco Hills". Visit Conegliano (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-03.
  3. ^ "Le colline del prosecco patrimonio Unesco - Terra & Gusto". ANSA.it (bit-Taljan). 2019-07-07. Miġbur 2022-03-03.
  4. ^ "Le Colline del Prosecco sono Patrimonio Unesco - È ufficiale: sono il 55° sito italiano Patrimonio dell'Umanità". EFA News - European Food Agency (bl-Ingliż). 2019-07-07. Miġbur 2022-03-03.
  5. ^ "Unesco, i 55 siti italiani patrimonio dell'Umanità". la Repubblica (bit-Taljan). 2019-07-07. Miġbur 2022-03-03.
  6. ^ a b "Le colline del Prosecco di Conegliano e Valdobbiadene Patrimonio dell'Umanità: ecco la mappa del sito". web.archive.org. 2019-07-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-07-09. Miġbur 2022-03-03.
  7. ^ Rosso, articoliGambero (2019-07-08). "Prosecco: ecco come si diventa Patrimonio dell'Umanità" (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-03.
  8. ^ "'Assurdo che un territorio dove la popolazione viva a disagio sia patrimonio Unesco'" (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-03.
  9. ^ "Report Prosecco patrimonio Unesco? I pesticidi potrebbero far saltare tutto". www.rai.it. Miġbur 2022-03-03.