Għoljiet ta' Matobo

L-Għoljiet ta' Matobo, magħrufa wkoll bħala l-Għoljiet ta' Matopos jew il-Park Nazzjonali ta' Matobo, jinkludu żona ta' kopjes tal-granit u ta' widien bil-boskijiet minn xi 35 kilometru (22 mil) fin-Nofsinhar ta' Bulawayo, fin-Nofsinhar taż-Żimbabwe. L-għoljiet iffurmaw iktar minn 2 biljun sena ilu meta l-granit imbeżaq lejn il-wiċċ; bl-erożjoni ġew iffurmati dwalas lixxi qishom xi dahar ta' baliena u kopjes imkissrin, mimlijin ħaġar kbir u sparpaljat qalb il-veġetazzjoni. L-Għoljiet ta' Matopo/Matobo ngħataw isimhom mill-poplu Lozwi. Tradizzjoni differenti ssostni li l-ewwel re, Mzilikazi Khumalo, meta r-residenti lokali qalulu li l-għoljiet il-kbar tal-granit kienu jissejħu madombo, wieġeb x'aktarx bħala nofs ċajta, "Mela nsejħulhom matobo" - reċta tal-Isindebele dwar in-nies bl-"Irjus bla xagħar".
L-Għoljiet ta' Matobo jkopru erja ta' madwar 3,100 km2 (1,200 mil kwadru), li minnhom 424 km2 (164 mil kwadru) jiffurmaw il-park nazzjonali, filwaqt li l-kumplament fil-biċċa l-kbira huma art komunali u proporzjon żgħir ta' raba' agrikolu kummerċjali. Il-park huwa estiż tul il-widien tax-xmajjar Thuli, Mtshelele, Maleme u Mpopoma. Parti mill-park nazzjonali huwa mwarrab bħala park tal-annimali selvaġġi ta' 100 km2 (39 mil kwadru), b'diversi annimali fosthom ir-rinoċeronti bojod. L-ogħla punt fl-għoljiet huwa l-promontorju msejjaħ Gulati (1,549 metru; 5,082 pied) eżatt barra mit-tarf tal-Grigal tal-park.
Amministrattivament, il-Park Nazzjonali ta' Matobo jinkorpora l-Park Rikreattiv tal-Lag ta' Matopos, madwar Hazelside, Sandy Spruit u l-Lag ta' Matopos.
Il-park nazzjonali jinsab fi ħdan l-ekoreġjun bl-arbuxxelli tan-Nofsinhar tal-Afrika.
Il-park nazzjonali huwa l-eqdem park fiż-Żimbabwe, u ġie stabbilit fl-1926 bħala l-Park Nazzjonali ta' Rhodes Matopos, f'ġieħ Cecil Rhodes. Il-konfini tal-park oriġinali kienu estiżi sew fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-park attwali. Dawn l-inħawi ġew iddeżinjati mill-ġdid għall-insedjament bħala parti minn kompromess bejn l-awtoritajiet kolonjali u n-nies lokali, u b'hekk inħolqu l-Artijiet Komunali ta' Khumalo u ta' Matobo. Imbagħad l-erja tal-park kibret bl-akkist tal-proprjetajiet ta' World's View u ta' Hazelside lejn it-Tramuntana.
L-isem attwali tal-Għoljiet ta' Matobo jirrifletti l-pronunzja vernakolari korretta tal-inħawi.
L-Għoljiet ta' Matobo ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1] Is-sit "joħroġ fid-dieher sensiela ta' formazzjonijiet tal-blat distintivi ħerġin mis-saff tal-granit li jkopri l-biċċa l-kbira taż-Żimbabwe".
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Flora
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għoljiet ta' Matobo huma żona b'diversità botanika kbira, b'iktar minn 200 speċi ta' siġar irreġistrati fil-park nazzjonali, inkluż l-akaċja tal-muntanji, il-lanġas selvaġġ u l-akaċja tal-qoxra rqiqa. Barra minn hekk hemm bosta aloa, ħxejjex aromatiċi selvaġġi u iktar minn 100 speċi ta' ħaxix. Ġew irreġistrati wkoll bosta tipi ta' pjanti endemiċi rari.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Park Nazzjonali ta' Matobo fih diversità kbira ta' fawna: 175 speċi ta' għasafar, 88 speċi ta' mammiferi, 39 speċi ta' sriep u 16-il speċi ta' ħut. Fost l-annimali selvaġġi hemm ir-rinoċeronti bojod, l-għażżiela, l-impala u l-leopardi. Il-park fih l-iżjed popolazzjoni densa ta' leopardi fid-dinja, minħabba l-abbundanza ta' hyrax, li jirrappreżentaw 50 % tad-dieta tagħhom. Il-park tal-annimali selvaġġi fil-Punent ġie ripopolat bir-rinoċeronti bojod minn KwaZulu-Natal fis-snin 60 tas-seklu 20 u bir-rinoċeronti suwed mill-Wied tax-xmara Zambezi fis-snin 90 tas-seklu 20. Ġie ddeżinjat bħala Żona ta' Protezzjoni Intensiva għaż-żewġ speċijiet, kif ukoll għall-jeni, għall-ippopotami, għall-ġiraffi, għaż-żebri, għall-wildebeests u għan-nagħmiet.
Il-Park Nazzjonali ta' Matobo fih l-ogħla konċentrazzjoni fid-dinja ta' ajkli suwed u ta' koppji ta' dawn l-għasafar li jnisslu.
Ċentru tar-riċerka limnoloġika ilu jopera mill-1950 fid-Diga ta' Maleme u wettaq riċerka dwar speċijiet bħall-ħut isfar, Barbus mattozi.

L-Għoljiet ta' Matobo huma magħmula għalkollox mill-granit, u b'hekk jiffurmaw il-Batolit ta' Matopos. Il-granit ittiekel maż-żmien f'diversi għamliet, bħall-formazzjoni tal-blat magħrufa bħala l-Kopje tal-Omm u l-Wild. Bejn l-għoljiet tal-granit iffurmaw il-widien dojoq. Dawn sikwit huma widien b'artijiet bassasa magħrufa bħala dambos jew vleis, minħabba l-ilma li jiskula mill-għoljiet lixxi. Dawn il-widien jiffurmaw l-ilmijiet ewlenin tax-xmajjar Maleme, Mpopoma u Mtsheleli, u s-sors tax-xmara Thuli jinsab eżatt fil-Lvant tal-park.
Siti arkeoloġiċi, storiċi u kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]
Madwar 2,000 sena ilu l-poplu San kien jgħix fl-għoljiet, u ħalla warajh wirt rikk li jissarraf f'mijiet ta' pitturi fuq il-blat. B'kollox hemm iktar minn 3,000 sit irreġistrat bl-arti fuq il-blat, u l-perjodu prinċipali tat-tpittir kien bejn it-320 u l-500 W.K. Fil-bosta xquq u għerien, instabu fran tat-tafal u artefatti storiċi oħra, u diversi sejbiet arkeoloġiċi jmorru lura saħansitra sa qabel Żmien il-Ħaġar Nofsani, għall-ħabta ta' 300,000 sena qabel il-preżent. Dawn is-siti li ġejjin ġew żviluppati biex jilqgħu lit-turisti.
L-Għar ta' Bambata huwa sit arkeoloġiku ewlieni li jinsab fil-Punent tal-park nazzjonali, fit-Tramuntana tal-park tal-annimali selvaġġi tul it-triq bejn Kezi u Bulawayo. Fih freġju li jinkludi l-iljunfanti, il-ġiraffi, il-ħnieżer selvaġġi, it-tsessebe u l-mangus.
L-Għar ta' Inanke fih l-iżjed pitturi estensivi, li jinsabu f'għar remot aċċessibbli permezz ta' mixja ta' tliet sigħat mid-Diga ta' Toghwana. Tul ir-rotta hemm forn ta' Żmien il-Ħadid.
L-Għar ta' Nswatugi fih freġji ta' ġiraffi, iljunfanti u kudu. L-aċċess għalih huwa mit-Triq Ċirkolari, fil-Punent tad-Diga ta' Maleme. Fl-għar instab skeletru uman li jmur lura għat-42000 Q.K. ta' Żmien il-Ħaġar Nofsani.

L-Għar ta' Pomongwe, qrib id-Diga ta' Maleme, ġarrab ħsarat minn tentattiv ta' preservazzjoni fl-1965, meta ġie applikat iż-żejt taż-żerriegħa tal-kittien fuq il-pitturi. L-iskavi arkeoloġiċi fl-għar u fin-niżla tal-għar żvelaw 39,032 għodda tal-ġebel u diversi fdalijiet ta' ħuġġiġiet; iż-żoni prinċipali tal-produzzjoni tan-nar kienu mal-art fiċ-ċentru tal-għar. Xi frammenti tal-għadam urew li l-hyrax kienu jipprovdu l-iżjed tip ta' laħam li kienu jieklu l-abitanti umani bikrin tal-għar, iżda kienu jieklu wkoll fkieren tal-art, babwini u annimali selvaġġi kbar oħra. L-eqdem materjal fis-sit x'aktarx li jmur lura għal-qabel Żmien il-Ħaġar Nofsani.
Is-Santwarju tar-Rinoċeronti Bojod huwa sit żgħir qrib il-Park ta' Gordon, tul it-triq prinċipali bil-qatran li tgħaddi mill-park. Il-freġju jinkludi l-kontorn ta' rinoċeronti kbar li jingħad li ispira l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ispeċi fis-snin 60 tas-seklu 20.
Il-kobor u l-permanenza tal-għoljiet ikkontribwew għar-reputazzjoni sagra tagħhom, speċjalment għall-popli Shona u Ndebele. Bosta ritwali u attivitajiet reliġjużi oħra jsiru fl-għoljiet. Qabel l-era kolonjali, l-għoljiet kienu s-sede prinċipali tal-oraklu tal-ispiritiżmu, magħruf bħala Mlimo.

Fl-għoljiet seħħet l-indaba famuża bejn l-insedjaturi ta' karnaġjon abjad u l-mexxejja Ndebele fl-1896 — it-Tieni Gwerra ta' Matabele, magħrufa fiż-Żimbabwe bħala l-Ewwel Chimurenga — li ntemmet bl-assassinju ta' Mlimo minn Frederick Russell Burnham, l-iscout Amerikan, f'wieħed mill-għerien tal-Għoljiet ta' Matobo. Malli sema' bil-mewt ta' Mlimo, Cecil Rhodes bi qlubija kbira mexa waħdu u bla armi fil-fortizza tal-iNdebele u pperswada l-impi biex iċedu l-armi. Matul l-indaba, f'dawn l-għoljiet ukoll Robert Baden-Powell, il-fundatur tal-iscouting, tgħallem il-ħiliet tiegħu marbuta mal-injam, li huma fundamentali fl-iscouting, mingħand Burnham. Illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-bċejjeċ tal-fuħħar u l-artefatti li nstabu mal-art fl-għerien u l-biċċa l-kbira tar-reċipjenti tat-tafal għall-ħbub taċ-ċereali fl-għoljiet huma fdalijiet mill-era tar-ribelljoni tal-1896. Hemm imfakar oħra wkoll bħal plakek tal-bronż fl-inħawi biex ifakkru s-siti tal-fortijiet armati jew taqbidiet qosra.

Cecil Rhodes, Leander Starr Jameson, u diversi insedjaturi ewlenin bikrin oħra b'karnaġjon abjad, inkluż Allan Wilson u l-membri kollha tal-Għassa ta' Shangani li nqatlu fl-Ewwel Gwerra ta' Matabele, indifnu fil-quċċata ta' Malindidzimu, l-"għolja tal-ispirti" — dan huwa sors kbir ta' kontroversja fiż-Żimbabwe modern peress li n-nazzjonalisti u l-gruppi indiġeni jqisu dan il-post bħala sagru. Din l-għolja hija magħrufa wkoll bħala World’s View (il-Veduta tad-Dinja). Mzilikazi huwa midfun ukoll fl-Għolja ta' Matopos.
Fil-park ukoll, wieħed jista' jaċċess mafkar tal-Ordni Memorabbli tal-Elmi tal-Landa, li hija organizzazzjoni li tfakkar is-sagrifiċċju tal-irġiel u n-nisa tas-servizz fir-Rodesja matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-Tieni Gwerra Dinjija.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għoljiet ta' Matobo ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Akkomodazzjoni u kampijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Kamp ta' Maleme
[immodifika | immodifika s-sors]Dan huwa l-kamp prinċipali f'nofs il-park u jospita l-kwartieri ġenerali tal-park. L-akkomodazzjonijiet kollha huma mingħajr servizzi tal-ikel. B'kollox hemm 18-il loġġa mgħammra b'kollox u sitt chalets bil-pixxini komunali u mingħajr servizzi tal-ikel. Tlieta mil-loġoġ, imsejħa Imbila, Ajkla Sewda u Ajkla Wikkiela tal-Ħut, joffru veduti tal-Fondoq ta' Maleme. Il-loġġa ta' Imbila toffri standard ogħla ta' lussu bil-kmamar tal-banju integrati u bl-għamara tat-tik. Is-siti tal-kampeġġ u tal-karavans jinsabu tul ix-xtut tal-Lvant tad-Diga ta' Maleme.

Kamp ta' Mtsheleli
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab fin-Nofsinhar u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kamp ta' Mwesilume
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab tul it-Triq Ċirkolari, fil-Punent tad-Diga ta' Maleme, u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kamp ta' Toghwana
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab fil-Lvant u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kamp tal-Masġar
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab fil-Punent tal-Park Rikreattiv tal-Lag ta' Matopos, qrib l-Uffiċċju ta' Hazelside, u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kamp ta' Sandy Spruit
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab fil-Lvant tal-Park Rikreattiv tal-Lag ta' Matopos u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kamp tal-Lag ta' Matopos
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kamp jinsab fit-Tramuntana tal-Park Rikreattiv tal-Lag ta' Matopos u joffri siti tal-kampeġġ u tal-karavans.
Kampijiet u siti privati
[immodifika | immodifika s-sors]
L-Assoċjazzjoni tal-iScouts tas-Subien taż-Żimbabwe topera kamp magħruf bħala l-Park ta' Gordon, fit-Tramuntana tal-Wied ta' Mtsheleli. Il-Park ta' Gordon fih 115-il ettaru u jinkera mill-Awtorità tal-Ġestjoni tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa u jinżamm kemm jista' jkun qrib il-kundizzjonijiet naturali. Minbarra s-siti tal-kampeġġ għat-Truppi tal-iScouts, hemm ukoll dar żgħira. L-Assoċjazzjoni tal-iScouts Bniet taż-Żimbabwe tieħu ħsieb sit tal-kampeġġ fil-Park ta' Rowallan, fit-Tramuntana tal-Wied ta' Mtsheleli.
Il-Kamp tal-Għar il-Kbir huwa kamp b'sjieda privata, li jmiss mal-Park Nazzjonali ta' Matobo. Dan il-kamp joffri akkomodazzjoni ta' erba' stilel f'seba' loġoġ tal-granit imsaqqfa bil-ħuxlief u faċilitajiet separati tal-kampeġġ fil-proprjetà. Fost l-attivitajiet li jsiru hemm il-mawriet għall-osservazzjoni tal-annimali selvaġġi, il-mixjiet għall-osservazzjoni tal-annimali selvaġġi, l-osservazzjoni tal-għasafar, il-mawriet lejn is-siti arkeoloġiċi famużi bl-arti fuq il-blat, kif ukoll il-mawriet lejn il-Qabar ta' Rhodes. Il-proprjetà tal-Għar il-Kbir fiha madwar 2,000 akru (8.1 km2), u hija ideali għall-mixi u għall-osservazzjoni tal-għasafar. Fost il-faċilitajiet hemm pixxina naturali fil-blat għall-għawm, bar jismu "Moħba tal-Leopardi" u żoni tal-ikel li tinkorpora ħaġra enormi tal-granit fil-binja, kif ukoll librerija separata.
Il-Kamp ta' Amalinda u l-Loġġa ta' Ingwe fil-Park Nazzjonali ta' Matobo huma akkomodazzjonijiet kummerċjali.
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]
Aċċess
[immodifika | immodifika s-sors]Bit-triq minn Bulawayo: wieħed irid jaqbad it-Triq ta' Robert Mugabe fiċ-ċentru tal-belt; din iddur lejn it-Triq ta' Matopos li tibqa' sejra lejn i-Nofsinhar għal xi 30 kilometru sal-konfini tal-park u hija triq bil-qatran b'żewġ karriġati. Triq bil-qatran b'karriġata waħda tibqa' sejra sad-Diga ta' Maleme. It-toroq l-oħra fil-park huma taż-żrar jew tal-ħamrija, iżda huma adattati għall-biċċa l-kbira tal-vetturi. Madankollu, l-aċċess għad-Diga ta' Toghwana matul l-istaġun tax-xita jaf ikun jeħtieġ vettura li tingrana fuq erba' roti.
Wieħed jista' jasal għall-park minn Gwanda: irid jaqbad it-triq bejn Thuli u Makwe li tagħti għal Kezi u jdur lejn it-Tramuntana fit-triq prinċipali ta' bejn Kezi u Bulawayo.
Osservazzjoni tal-annimali selvaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Xi annimali selvaġġi jistgħu jiġu osservati f'diversi postijiet fil-park, b'osservazzjonijiet regolari ta' rinoċeronti bojod, għażżiela u impala. Madankollu, l-aqwa osservazzjonijiet isiru fil-Park tal-Annimali Selvaġġi b'erja ta' 105 km2, fil-Punent tal-park nazzjonali. Dan il-park, magħruf ukoll bħala ż-Żona tal-Annimali Selvaġġi ta' Whovi jew ta' Hove, ġie stabbilit b'annimali li ġew ittrasportati miż-żoni tal-konfini tal-Park Nazzjonali ta' Hwange. Ġew introdotti mill-ġdid ir-rinoċeronti bojod u suwed. Annimali oħra li jistgħu jiġu osservati jinkludu l-għażżiela, il-ġiraffi, iż-żebra, l-impala, il-ħnieżer selvaġġi u n-nagħmiet. Qajla waranofsinhar jew kmieni filgħaxija, il-viżitaturi li jkollhom xortihom tajba jistgħu jilmħu xi leopardi jew mill-inqas jisimgħu l-għajjat tal-babwini li jkunu qed jiġu attakkati mil-leopardi. Hemm żewġ strutturi apposta li nbnew għall-osservazzjoni tal-annimali selvaġġi.
Mixi
[immodifika | immodifika s-sors]
L-Għoljiet ta' Matobo, bix-xenarju, bil-klima u bl-ambjent sikur tagħhom, joffru għadd ta' mogħdijiet għall-mixi. Xi mixjiet pjuttost qosra jinkludu:
- il-mixja max-xatt tal-lag u d-Diga ta' Maleme Dam, mil-Loġġa tal-Ajkla Wikkiela tal-Ħut;
- il-mixja sal-quċċata tal-Għolja ta' Pomongwe, qrib il-Kamp ta' Maleme;
- il-mixja mill-Kamp ta' Maleme sat-tpittir fuq il-blat tal-Għar ta' Pomongwe.
Il-mixjiet it-twal jinkludu:
- it-tixbit sal-quċċata tal-Għolja ta' Shumbashawa, qrib il-Park ta' Gordon;
- it-tixbit sal-quċċata tal-Għolja ta' Nyahwe;
- il-mixja mid-Diga ta' Toghwana sat-tpittir fuq il-blat tal-Għar ta' Inanke.
Mixjiet akkumpanjati minn scout armat huma disponibbli mill-Kamp ta' Maleme.
Ġiri
[immodifika | immodifika s-sors]Kull sena ssir tiġrija ta' 33 mil fil-park.

Irkib taż-żwiemel
[immodifika | immodifika s-sors]Mogħdijiet issorveljati għall-irkib taż-żwiemel jistgħu jintużaw bil-permess tal-persunal tal-Parks u tal-Annimali Selvaġġi. Hemm żewġ rotot:
- mill-Kamp ta' Maleme lejn postijiet xeniċi fil-Wied ta' Maleme u l-madwar;
- mill-Uffiċċju ta' Whitewater lejn il-Park tal-Annimali Selvaġġi għall-osservazzjoni tal-annimali selvaġġi.
Sajd
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bosta digi fil-park joffru opportunitajiet tajbin ta' sajd, b'mod partikolari għat-Tilapia u għall-ispnotta. L-ispnotta tinstab f'seba' mid-digi tal-park wara li tpoġġiet mill-faċilità tar-riċerka tad-Diga ta' Maleme. Il-miżata tad-dħul tal-park tinkludi liċenzja tas-sajd.
Mawriet bid-dgħajjes
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mawriet bid-dgħajjes huma possibbli fid-digi l-kbar, bħad-Digi ta' Maleme, ta' Mtshelele, ta' Toghwana u tal-Lag ta' Matopos. Dgħajjes b'sjieda privata għandhom permess jagħmlu l-mawriet bl-approvazzjoni tal-uffiċjali tal-park.
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]Tip ta' ġobon taż-Żimbabwe jissejjaħ Matopos b'referenza għall-għoljiet.
Isem il-park intuża darbtejn fil-films. Skont ir-reġista Stéphanie Machuret, l-isem u l-pajsaġġ tal-film tal-2007 tagħha Matopos, dwar fejjieq tradizzjonali, ġew ispirati mill-park. L-isem intuża wkoll għar-Repubblika Demokratika fittizja ta' Matobo fil-film The Interpreter.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Matobo Hills - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-28.