Aqbeż għall-kontentut

Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad.

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jikkonsisti minn kumpless ta' għelieqi mtarrġa tar-ross fil-gżira ta' Luzon fil-Filippini. Dawn tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995,[1] u kienu l-ewwel sit li qatt ġie inkluż fil-kategorija tal-pajsaġġi kulturali. Is-sit jinkludi ħames komponenti: l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad u l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bangaan (it-tnejn f'Banaue), l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Mayoyao (f'Mayoyao), l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Hungduan (f'Hungduan) u l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Nagacadan (f'Kiangan), kollha kemm huma fil-Provinċja ta' Ifugao. L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ifugao jilħqu altitudni ogħla u nbnew fuq xaqlibiet iktar weqfin minn bosta għelieqi mtarrġa oħra tar-ross. Il-kumpless ta' ħitan tal-ġebel jew tat-tajn ta' Ifugao u t-tħejjija bir-reqqa tal-kontorni naturali tal-għoljiet u tal-muntanji flimkien joħolqu għelieqi mtarrġa li jiffurmaw qishom għadajjar meta jimtlew bl-ilma, bis-saħħa tal-iżvilupp ta' sistemi elaborati tal-irrigazzjoni, il-ħsad tal-ilma mill-foresti fil-qċaċet tal-muntanji, u sistema elaborata ta' biedja.

L-Għelieqi Mtarrġin tar-Ross ta' Ifugao joħorġu fid-dieher il-ħila notevoli tal-kultura umana li tadatta għall-pressjonijiet soċjali u klimatiċi ġodda, kif ukoll li timplimenta u tiżviluppa ideat u teknoloġiji ġodda. Għalkemm meta s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien maħsub li kien imur lura għal iktar minn 2,000 sena, studji reċenti mill-Proġett Arkeoloġiku ta' Ifugao jirrapportaw li effettivament inbnew malli kien hemm kuntatt mal-Ispanjoli madwar 400 sena ilu.[2][3][4][5]

Iż-żamma tal-għelieqi mtarrġa tar-ross tirrifletti approċċ primarjament kooperattiv tal-komunità kollha bbażata fuq għarfien dettaljat tad-diversità rikka tar-riżorsi bijoloġiċi li jeżistu fl-ekosistema agrikola ta' Ifugao, li hija sistema annwali mirquma li tirrispetta ċ-ċikli tal-qamar, it-tqassim f'żoni u l-ippjanar, il-konservazzjoni estensiva tal-ħamrija, u l-ħakma ta' reġim kumpless ta' kontroll tal-organiżmi qerrieda abbażi tal-ipproċessar ta' varjetà ta' ħxejjex aromatiċi, akkumpanjati minn ritwali reliġjużi.

Deskrizzjoni storika

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Nagacadan.

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras huma wħud mill-ftit monumenti fil-Filippini li ma fihom l-ebda evidenza li ġew influwenzati mill-kulturi kolonjali. Minħabba d-diffikultà tat-terren, it-tribujiet tal-Cordilleras huma fost il-ftit popli tal-Filippini li rnexxielhom jirreżistu kontra kull tip ta' dominju barrani u ppreservaw il-kultura tribali awtentika tagħhom. L-istorja tal-għelieqi mtarrġa hija minsuġa ma' dik tal-popli li jgħixu fihom, mal-kultura tagħhom u mal-prattiki tradizzjonali tagħhom.

Dettall tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad.

Apparti l-fortizzi tal-ġebel ta' idjang tal-Ivatan ta' Batanes, l-għelieqi mtarrġa, mifruxa fuq ħames provinċji attwali, huma l-unika forma oħra ta' kostruzzjoni eżistenti tal-ġebel mill-perjodu prekolonjali. Il-Filippini biss fost il-kulturi tax-Xlokk tal-Asja għandhom kultura bbażata l-iktar fuq l-injam: għad-differenza tal-Kambodja, tal-Indoneżja jew tat-Tajlandja pereżempju, fil-Filippini l-binjiet domestiċi u l-istrutturi tar-ritwali bħat-tempji u s-santwarji kienu jkunu tal-injam, tradizzjoni li baqgħet ħajja fl-irħula tal-għelieqi mtarrġa.

Veduta tal-għelieqi mtarrġa tar-ross.
Villaġġ fl-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad.

Huwa maħsub li l-għelieqi bdew jiġu mtarrġa fil-Cordilleras inqas minn elf sena ilu għall-kultivazzjoni tat-taro. Din hija evidenza ta' livell għoli ta' għarfien dwar l-inġinerija strutturali u idrawlika min-naħa tal-bennejja ta' Ifugao. L-għarfien u l-prattiki, appoġġati mir-ritwali, b'rabta maż-żamma tal-għelieqi mtarrġa, kienu jiġu ttrasferiti bil-fomm minn ġenerazzjoni għall-oħra, mingħajr rekords bil-miktub. Iktar 'il quddiem, it-taro ġie sostitwit mir-ross għall-ħabta tal-1600 W.K. u llum il-ġurnata huwa l-għalla predominanti.

Tekniki tad-datazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad.
Il-villaġġ ta' Bayyo qalb l-għelieqi mtarrġa tar-ross.

Sabiex wieħed jifhem il-preistorja tal-Filippini u x-xejriet tax-Xlokk tal-Asja, kien kritiku għall-antropologi u għall-istudjużi tax-Xlokk tal-Asja li jaslu għad-datazzjoni tal-għelieqi mtarrġa, xi ħaġa li kienet tassew diffiċli. Metodu importanti li ntuża kien l-użu tal-mudell ta' Bayes, li japplika d-datazzjoni bir-radjokarbonju għall-għelieqi mtarrġa tar-ross fit-Tramuntana tal-Filippini.[6] Skont l-arkeologi dawn l-għelieqi mtarrġa nbnew matul is-seklu 16 minn individwi li kienu qed jagħmlu migrazzjoni interna fl-artijiet għoljin, 'il bogħod mill-Ispanjoli. Tekniki relattivi tad-datazzjoni ġew żviluppati flimkien ma' metodi tad-datazzjoni radjometrika, u dawn saru faċilment aċċessibbli. Minħabba li fl-imgħoddi r-riżultati kienu qed jiddependu fuq is-"sovraimpożizzjoni stratigrafika" u d-datazzjoni tal-14C, tressqet kritika b'rabta mal-interpretazzjoni arbitrarja: l-informazzjoni kkalibrata li kienet tinġabar mir-riżultati fil-laboratorju jaf ma kinitx taqbel mad-datazzjoni arkeoloġika. Il-mudell ta' Bayes joffri benefiċċji għad-datazzjoni tal-għelieqi mtarrġa tar-ross, għax meta ssir id-datazzjoni tal-għelieqi mtarrġa agrikoli huwa essenzjali li wieħed ikun midħla tas-saffi u tat-taħlitiet kaotiċi tal-materjali, u l-mudell ta' Bayes jippermetti li wieħed jasal għal informazzjoni kronoloġika. Skont Stephen Acabado, "l-approċċ tal-mudell ta' Bayes jibda b'dak li hu magħruf rigward l-ordni relattiva tad-depożiti taż-żewġ saffi u mbagħad jimmodifika dan l-għarfien fid-dawl tal-informazzjoni mid-datazzjoni tal-14C". Il-metodu tad-datazzjoni tal-14C jintuża biex wieħed jasal għal perjodu approssimattiv meta nbnew u beda jintużaw l-għelieqi mtarrġa.

Teżori kulturali nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ix-xenarju naturali ta' Fidelisan.

Il-ħames raggruppamenti inklużi bħala komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini huma Batad, Bangaan, Hungduan, Mayoyao Ċentrali u Nagacadan. Batad u Bangaan jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Muniċipalità ta' Banaue iżda jissemmew separatament u mhux kollettivament bħala l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Banaue.[1]

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Banaue jirreferu għar-raggruppament qrib Banaue. Kuntrarjament għal dak li huwa maħsub b'mod ġenerali, dawn l-għelieqi mtarrġa mhumiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Ma ġewx inklużi minħabba l-preżenza ta' bosta strutturi moderni, u għaldaqstant ġiet ikkritikata li ma tissodisfax il-kriterju tal-integrità tal-UNESCO. Madankollu, l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Banaue huma Teżor Kulturali Nazzjonali fi ħdan l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ifugao, flimkien mar-raggruppamenti l-oħra tal-għelieqi mtarrġa tar-ross.

Komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
  • L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batad (f'Banaue, Ifugao);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bangaan (f'Banaue, Ifugao);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Mayoyao (f'Mayoyao, Ifugao);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Hungduan (f'Hungduan, Ifugao);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Nagacadan (f'Kiangan, Ifugao).

Sit ta' Wirt Agrikolu Importanti Globalment

[immodifika | immodifika s-sors]
Banaue, Batad Rice Terraces with Homes circa 2000
Xi akkomodazzjonijiet qalb l-għelieqi mtarrġa tar-ross ta' Batad.

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross kollha kemm huma jinsabu fir-reġjun ta' Ifugao u jitqiesu bħala wieħed mis-Siti ta' Wirt Agrikolu Importanti Globalment. Dawn jiġu appoġġati mill-għarfien indiġenu tal-muyong, foresta privata li tillimita kull raggruppament tal-għelieqi mtarrġa. Il-muyong tiġi ġestita permezz ta' sforz kollettiv u permezz ta' prattiki tribali tradizzjonali. Iż-żona tal-forestrija ġestita b'mod kollettiv fuq l-għelieqi mtarrġa fiha madwar 264 speċi ta' pjanti indiġeni, il-biċċa l-kbira endemiċi għar-reġjun. L-għelieqi mtarrġa jiffurmaw raggruppamenti uniċi ta' korpi żgħar tal-ilma u jagħmlu parti mill-ekoloġija muntanjuża kollha. Iservu bħala sistema ta' ffiltrar tal-ilma tax-xita u jkunu mimlijin bl-ilma tal-irrigazzjoni s-sena kollha. Permezz ta' teknoloġija tal-bijoritmu, fejn l-attivitajiet kulturali jinsabu f'armonija mar-ritmu tal-ġestjoni tal-klima u tal-idroloġija, il-bdiewa rnexxielhom ikabbru r-ross f'għoli ta' iktar minn 1,000 metru.

Għana Hudhud ta' Ifugao

[immodifika | immodifika s-sors]

Apparti l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini, l-UNESCO elenkat l-Għana Hudhud ta' Ifugao, Teżor Kulturali Nazzjonali ieħor, fil-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità fl-2008 (oriġinarjament ipproklamata fl-2001). L-għana Hudhud tikkonsisti minn għana narrattiva prinċipalment minn nisa anzjani ta' Ifugao normalment matul l-istaġun taż-żrigħ tar-ross, fi żmien il-ħsad u fil-funerali jew fir-ritwali.[7]

L-influwenzi tal-Kristjaneżmu u tal-edukazzjoni qed iwasslu biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta' Ifugao titbiegħed xi ftit mid-drawwiet u minn art twelidha. Barra minn hekk, it-televiżjoni u l-internet qed inawwru l-etika tax-xogħol tradizzjonali, li hija vitali għaż-żamma tal-għelieqi mtarrġa li tirrikjedi ħafna xogħol intensiv.

Kulma jmur qed jonqos l-interess fil-kultura tagħhom stess u fiż-żamma tal-legat uniku tagħhom. Meta jiġu esposti għal kulturi u postijiet oħra, jassimilawhom u jispiċċaw jitilqu lejn postijiet oħra li joffrulhom opportunitajiet ekonomiċi aħjar. Anke bl-introduzzjoni tat-tagħmir mekkaniku bħall-kultivaturi u t-tagħmir tad-dris, bosta żgħażagħ Ifugao xorta waħda għadhom iħarsu ikrah lejn il-biedja, u jipperċepuha bħala okkupazzjoni ta' dawk ta' bla skola.

Bosta żgħażagħ abbandunaw il-biedja u marru jgħixu fil-bliet biex jaħdmu, u ħallew warajhom lit-tfal u lill-anzjani biss fil-villaġġi. L-emigrazzjoni qed twassal għal skarsezza ta' ħaddiema biex jaħdmu l-art u jaraw li l-għelieqi mtarrġa tar-ross jibqgħu f'kundizzjoni tajba.

Organiżmi qerrieda

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dud beda jinvadi l-inħawi fl-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 20. Dan iħaffer fil-ħamrija u joħloq spazji li minnhom jista' jfur minn għalqa mtarrġa tar-ross għall-oħra. Iżda jekk ikun hemm wisq dud, id-drenaġġ tal-ilma jkun wisq veloċi u l-għelieqi mtarrġa tar-ross jispiċċaw jinxfu. Ladarba jinxfu, il-ħamrija ssir qisha tafal u titfarrak faċilment. B'hekk meta l-ilma jfur f'għalqa mtarrġa tar-ross li tkun nixfet, spiss l-art iċċedi, flimkien mal-ħajt tal-ġebel li jikkonfina magħha.

B'mod simili bħad-dud, is-sallura tal-artijiet bassasa jħaffru toqob fid-digi tal-irrigazzjoni u fl-għelieqi mtarrġa tar-ross, u b'hekk isiru vulnerabbli għaċ-ċedimenti. Dawn jitqiesu bħala agħar mid-dud minħabba li jħaffru toqob ikbar u jirriproduċu malajr.

Organiżmi qerrieda oħra li jheddu l-pedamenti tal-għelieqi mtarrġa tar-ross jinkludu l-bebbux u l-ġradi li jħaffru fil-ħamrija.

Ħafna xita qliel tat-tifuni kkawżat ħsara lil bosta għelieqi mtarrġa tar-ross matul is-snin.

Bidla lejn it-tkabbir tal-ħxejjex

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba l-faqar, bosta bdiewa qed jaqilbu għall-produzzjoni tal-ħxejjex minħabba li tiġġenera iktar introjtu fi żmien qasir meta mqabbla mar-ross, li jdum sitt xhur biex jikber u joffri valur iktar baxx fis-suq. Iżda din il-bidla tirrikjedi l-użu ta' fertilizzanti kimiċi u pestiċidi li jistgħu jxekklu l-fertilità u l-ekoloġija tal-għelieqi mtarrġa. Din twassal biex iktar għelieqi mtarrġa jiġu abbandunati u l-bqija jiġu kkonvertiti iktar f'għelieqi tat-tkabbir tal-ħxejjex. Barra minn hekk, tista' twassal ukoll biex il-bdiewa jikklerjaw iż-żoni forestali biex ikollhom art ġdida.

Permezz tat-turiżmu, xi Ifugao kkonvertew l-għelieqi mtarrġa tar-ross tagħhom f'irqajja' residenzjali fejn inbnew djar, akkomodazzjonijiet u ħwienet bil-vetrini. Saħansitra d-djar tradizzjonali qed jinbigħu.

It-turiżmu ħeġġeġ il-produzzjoni kummerċjali tal-oġġetti mnaqqxa mill-injam u tal-artiġjanat, u dan ikkontribwixxa għat-tnawwir tar-riżorsi forestali lokali. Instab li speċijiet differenti ta' siġar issa qed jinqatgħu iktar spiss għall-oġġetti mnaqqxa mill-injam.

Fondi limitati

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-imgħoddi, prattika kooperattiva tal-biedja għenet biex issostni l-għelieqi mtarrġa tar-ross. Permezz tagħha, il-bdiewa ġirien kienu jmorru volontarjament fl-għelieqi biex ineħħu l-ħaxix ħażin, jiżirgħu u jaħsdu r-ross, jew isewwu l-ħsarat fil-ħitan tal-għelieqi mtarrġa jew il-kanali tal-irrigazzjoni. Is-sid tal-għalqa kien jipprovdi biss l-ikel, u kien mistenni li jgħin lill-ġar tiegħu meta jkollu bżonn.

Madankollu, fiż-żminijiet moderni, il-ħaddiema li jgħinu fl-għelieqi jew li jagħmlu t-tiswijiet jitħallsu in natura jew fi flus kontanti. Id-deklin tat-tradizzjoni tal-biedja kooperattiva ta' Ifugao wasslet biex jiżdiedu l-kostijiet tax-xogħol, li l-bdiewa bil-kemm saru jifilħu iktar. Iż-żamma tal-għelieqi mtarrġa teħtieġ il-finanzjament, li l-bdiewa ma għandhomx. Il-bdiewa ma għandhomx tfaddil sostanzjali, u dan ifisser li jekk il-ħitan tal-għelieqi mtarrġa tagħhom iċedu, spiss il-bdiewa ma jifilħux isewwuhom. Barra minn hekk, hemm riżorsi limitati tal-gvern lokali li jiġu allokati għar-restawr u għall-preservazzjoni tal-għelieqi mtarrġa tar-ross. Dan inaffar lin-nies lokali milli jkomplu bil-biedja fl-għelieqi mtarrġa tar-ross. Għaldaqstant, bosta nies minn Ifugao ma għadhomx jaħdmu fil-biedja.

Preservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għelieqi Mtarrġa tal-Cordilleras tal-Filippini tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995. Għaddew mill-istandards tal-UNESCO bis-saħħa tal-fużjoni tal-ambjent fiżiku, soċjokulturali, ekonomiku, reliġjuż u politiku f'pajsaġġ kulturali ħaj. Fis-sena 2000, is-sit tniżżel bħala wieħed mill-iżjed siti kulturali fil-periklu fid-dinja mill-Fond Dinji għall-Monumenti iżda mbagħad tneħħa minn din il-lista fl-2001.

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ifugao tniżżlu wkoll fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu fl-2001 minħabba li l-perikli tad-deforestazzjoni u tat-tibdil fil-klima kienu qed jheddu li jeqirdu l-għelieqi mtarrġa. Fattur ieħor li kkontribwixxa għal dan huwa l-globalizzazzjoni, fejn il-ġenerazzjonijiet iżgħar ta' Ifugao dan l-aħħar kellhom l-opportunità li jiksbu aċċess għall-mezzi tax-xandir u għall-edukazzjoni, u l-biċċa l-kbira tal-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa ta' Ifugao għażlet li tmur tgħix u taħdem fil-belt kapitali tal-pajjiż minflok taħdem fil-biedja tradizzjonali. Il-Filippini ħarsu lejn l-elenkar fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu bħala mod biex jiżdied l-appoġġ nazzjonali u internazzjonali u biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-preservazzjoni tas-sit. Il-kritiku W.S. Logan iddeskriva din is-sitwazzjoni tat-tluq tan-nies lokali minn art twelidhom bħala eżempju ta' deżinjazzjonijiet ta' wirt maħluqa mill-burokrati u mill-fassala tal-politiki minflok mill-komunitajiet lokali.

L-għelieqi mtarrġa tar-ross ġew elenkati bħala wieħed mill-iżjed monumenti fil-periklu fid-dinja mill-Fond Dinji għall-Monumenti fl-2010, flimkien mal-Knisja ta' Santa Marija u mal-Knisja ta' San Bastjan. Dawn is-siti kollha tneħħew mil-lista fl-2011 wara li għadda l-Att dwar il-Wirt Kulturali Nazzjonali.

Fl-2012, l-UNESCO neħħiet l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu wara li rrikonoxxiet li l-Filippini rnexxielhom itejbu l-konservazzjoni tagħhom.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross tal-Cordilleras tal-Filippini, magħmula minn ħames komponenti fil-provinċja ta' Ifugao, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1] Hemm ukoll għelieqi mtarrġa sinifikanti fi provinċji oħra fil-Cordilleras, b'mod partikolari dawk fil-provinċja ta' Benguet, fil-provinċja tal-Muntanji, fil-provinċja ta' Kalinga, fil-provinċja ta' Abra, fil-provinċja ta' Apayao, u fil-provinċja ta' Nueva Vizcaya. Il-gvernijiet provinċjali ta' kull provinċja jistgħu jikkooperaw mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kultura u l-Arti, mal-Mużew Nazzjonali tal-Filippini, jew mal-Kummissjoni għall-Filippini tal-UNESCO biex fil-ġejjieni l-għelieqi mtarrġa tar-ross rispettivi tagħhom isiru parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO attwali permezz ta' estensjoni.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Għelieqi Mtarrġa tar-Ross li Mhumiex Inklużi bħala Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ifugao.

The following are at least half of the rice terrace clusters in the Cordillera mountain range that have yet to be extended as world heritage sites. Sites can only be extended as world heritage sites if they have retained their outstanding features, including the structures within them (example: traditional houses). L-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross li mhumiex inklużi bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma:

  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Banaue (f'Banaue, Ifugao);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Palina (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Kibungan (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Leseng (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batangan (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Batangan (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Wallayan (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Culiang (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Lanipew (f'Kibungan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Naguey (f'Atok, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Daclan (f'Bokod, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ampucao (f'Itogon, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Balacbac (f'Kapangan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Amlangit (f'Kapangan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Pekaw (f'Kapangan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Noso (f'Kapangan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Catampan (f'Kapangan, Benguet);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Balintugon (f'Alfonso Castañeda, Nueva Vizcaya);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ugo (f'Kayapa, Nueva Vizcaya);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Ambasing (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bangaan (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bangen (f'Bauko, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Barlig (f'Barlig, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bayyo (f'Bontoc, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Besao (f'Besao, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bontoc (f'Bontoc, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bucas (f'Besao, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bulongan (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Dalican (f'Bontoc, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Fidelisan (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Focong (f'Sadanga, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Kapayawan (f'Bauko, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Kiltepan (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Maligcong (f'Bontoc, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Natonin (f'Natonin, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Sadanga (f'Sadanga, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Suyo (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Tanulong (f'Sagada, il-Provinċja tal-Muntanji);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Buscalan (f'Tinglayan, Kalinga)
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Dananao (f'Tinglayan, Kalinga);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bugnay (f'Tinglayan, Kalinga);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Lubo (f'Tanudan, Kalinga);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Alangtin (f'Tubo, Abra);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Sayoyong (f'Tubo, Abra);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Bucloc (f'Bucloc, Abra);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Daguioman (f'Daguioman, Abra);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Sallapadan (f'Sallapadan, Abra);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Salagpat (f'Tineg, Abra).

Għelieqi mtarrġa tar-ross oħra lil hinn mill-Cordilleras huma:

  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Lublub (f'Valderrama, Antique);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Baking (f'Valderrama, Antique);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' San Agustin (f'Valderrama, Antique);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Cadapdapan (f'Candijay, Bohol);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Jaybanga (f'Lobo, Batangas);
  • l-Għelieqi Mtarrġa tar-Ross ta' Datu Ladayon (f'Arakan, Cotabato).
  1. ^ a b ċ d "Rice Terraces of the Philippine Cordilleras - UNESCO".
  2. ^ ""For Ifugao Rice Terraces, Age Should Not Matter"".
  3. ^ Acabado, Stephen B.; Koller, Jared M.; Liu, Chin-hsin; Lauer, Adam J.; Farahani, Alan; Barretto-Tesoro, Grace; Reyes, Marian C; Martin, Jonathan Albert; Peterson, John A. (2019). "The Short History of the Ifugao Rice Terraces: A Local Response to the Spanish Conquest". Journal of Field Archaeology. 44 (3): 195–214. doi:10.1080/00934690.2019.1574159. S2CID 133693424.
  4. ^ Acabado, Stephen (2018). "Zones of Refuge: Resisting Conquest in the Northern Philippine Highlands Through Environmental Practice". Journal of Anthropological Archaeology. 52: 180–195. doi:10.1016/j.jaa.2018.05.005. S2CID 150245254.
  5. ^ Acabado, Stephen B. (2015). Antiquity, Archaeological Processes, and Highland Adaptation: The Ifugao Rice Terraces. Quezon City: Ateneo de Manila University Press.
  6. ^ Acabado, Stephen (2009). "A Bayesian Approach to Dating Agricultural Terraces: A Case from the Philippines". Antiquity. 83 (321): 801–814. doi:10.1017/S0003598X00099002. S2CID 129958991.
  7. ^ "Hudhud Chants of the Ifugao".