Aqbeż għall-kontentut

Għar tal-Apokalissi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla tal-Għar tal-Apokalissi ta' Patmos.

L-Għar tal-Apokalissi (bil-Grieg: Σπήλαιο Αποκάλυψης, pronunzja: [sp'ileo.apok'alipsis]) jinsab bejn wieħed u ieħor fin-nofs tal-muntanja tal-gżira ta' Patmos fil-Baħar Eġew, bejn il-villaġġi ta' Chóra u ta' Skala. Huwa maħsub li f'din il-grotta San Ġwann ta' Patmos kellu l-viżjonijiet li rreġistra fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni fil-Bibbja. Sar magħruf bħala post tal-pellegrinaġġi Kristjani u huwa rikonoxxut bħala Knisja Ortodossa Griega sal-lum. Fl-1999, l-UNESCO ddikjarat l-għar u l-Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu fl-ogħla punt tal-gżira bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Dan tal-aħħar jitqies ukoll bħala wieħed mill-iżjed postijiet sagri tal-Kristjaneżmu.

San Ġwann ta' Patmos

[immodifika | immodifika s-sors]

San Ġwann ta' Patmos (magħruf ukoll bħala San Ġwann ir-Rivelatur, San Ġwann id-Divin jew San Ġwann it-Teologu) kien wieħed mit-tnax-il appostlu ta' Ġesù. L-Imperu Ruman kien iqis il-Kristjani bikrin bħala strambi u kienu rikonoxxuti bħala individwi li potenzjalment kienu jaqilgħu l-inkwiet u l-kwistjonijiet għall-imperu. Matul is-seklu 1 W.K. taħt it-tmexxija ta' Domizjanu, diversi fidili ta' Kristu ġew ippersegwitati u eżiljati lejn il-gżira ta' Patmos, il-Greċja. Matul dak iż-żmien, l-eżilju kien kastig komuni għal reati bħall-prattika tal-maġija u/jew tal-astroloġija. Għall-Imperu Ruman, il-profeziji kienu reat identiku, kemm jekk kienu Pagani, Kristjani, kif ukoll Lhud, peress li r-Rumani kienu jqisuhom bħala theddida għall-poter tagħhom. Għal din ir-raġuni, San Ġwann ta' Patmos, fost bosta oħrajn, intbagħat lejn Patmos biex jiskonta s-sentenza ta' priġunerija fil-kundizzjonijiet tal-waħx ta' dik il-gżira żgħira u bil-blat.

Fuq Patmos, San Ġwann it-Teologu kellu l-viżjonijiet tal-aħħar jiem tad-Dinja, u ra l-qerda tad-Dinja tal-qedem u l-ħolqien tad-Dinja l-ġdida bħala l-Belt Sagra ta' Ġerusalemm li niżlet mis-smewwiet. L-għar sar post ta' refuġju għalih u għad-dixxiplu u kittieb fidil tiegħu Prochorus li kien ġie eżiljat ukoll. Skont it-tradizzjoni Kristjana, il-blata fi ħdan l-għar tfarrket, u minn tliet xquq irqaq, li kienu jissimbolizzaw it-Trinità Mqaddsa, huwa sema' leħen qawwi f'moħħu li beda jgħidlu jikteb dak li kien qed jara fi ktieb u jibagħtu lejn is-seba' knejjes. Il-post fil-gżira fejn kellu u rreġistra dawn il-viżjonijiet sar magħruf bħala l-Għar tal-Apokalissi fejn ġie mfakkar l-avveniment tal-aħħar tad-Dinja, u kkompila l-kitbiet tiegħu f'dak li sar magħruf bħala l-Ktieb tar-Rivelazzjoni fil-Bibbja.

Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu huwa monasteru Ortodoss Grieg iddedikat lil San Ġwann ta' Patmos. Ġie stabbilit fl-1088 u jinsab fl-ogħla punt tal-gżira. Fl-1088, l-imperatur Biżantin, Alexios Komnenos, ta l-gżira ta' Patmos bħala rigal lis-suldat u patri, John Christodoulos. Il-biċċa l-kbira tal-monasteru nbniet minn Christodoulos innifsu fit-3 snin ta' wara. Il-monasteru stess jispikka fil-gżira u dan wassal għall-kolonizzazzjoni tar-raħal ta' taħtu li sar magħruf bħala Chóra. Il-monasteru huwa kkaratterizzat minn kastell poligonali bit-torrijiet u bl-amberżuni, il-fortifikazzjonijiet ta' kastell, u ġabra ta' manuskritti, arti liturġika, oġġetti liturġiċi u ikoni fuq ġewwa. Minn barra, il-monasteru ġie ffortifikat sew minħabba t-theddida tal-piraterija u l-possibbiltà ta' attakki mit-Torok Seljuk matul dak iż-żmien. L-elementi primarji tal-monasteru oriġinarjament ġew iddisinjati u nbnew fl-aħħar tas-seklu 10. L-iżjed partijiet notevoli tal-monasteru kienu jinkludu l-Katholikon, li kienet il-knisja prinċipali, il-Kappella ta' Panagia, u r-refettorju, kamra li kienet tintuża għall-ikliet komunali. Il-kastell innifsu huwa mdawwar b'ħitan bojod ta' ċelel monastiċi fin-naħa tat-Tramuntana u tal-Punent tal-bitħa interna, u n-naħa tan-Nofsinhar tal-binja hija ffurmata minn arkata msaqqfa ta' żewġ sulari magħrufa bħala t-Tzafara. Din is-sezzjoni tal-monasteru ġiet rikostruwita bil-ġebel maħdum fl-1698, u finalment in-naħa tal-Lvant tal-kastell hija ffurmata mill-Katholikon. Eventwalment, il-monasteru ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Chóra ta' Patmos

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mużajk ta' fuq id-daħla tal-Għar tal-Apokalissi, li skont it-test fin-naħa ta' fuq tal-mużajk juri lil Ὁ Ἅγιος Ιωάννης ο Θεολόγος (San Ġwann it-Teologu) u lid-dixxiplu tiegħu Prochoros, li jiddeskrivi bil-miktub il-viżjonijiet ta' San Ġwann.

L-insedjament ta' Chóra huwa r-raħal prinċipali ta' Patmos u jinsab 4 kilometri minn Skala, l-uniku port kummerċjali fil-gżira. Jinsab fl-ogħla punt tal-gżira madwar il-monasteru ta' San Ġwann ta' Patmos. Baqa' jevolvi mis-seklu 11, meta għadd enormi ta' nies bdew jinsedjaw ir-raħal. Huwa wieħed mill-ftit insedjamenti fil-Greċja li baqa' jevolvi bla xkiel mis-seklu 11. Ir-raħal serva bħala l-governatur u r-regolatur prinċipali tal-ħajja soċjali taċ-ċittadini tal-gżira minn żmien il-kolonizzazzjoni. Il-bini tal-monasteru ddedikat lil San Ġwann ta' Patmos wassal biex il-gżira ssir post sinifikanti tal-pellegrinaġġi, u b'hekk in-nies bdew jibnu u jinsedjaw l-inħawi ta' taħtu. Fis-seklu 13, ir-raħal beda jikber, u sas-seklu 15 sar destinazzjoni popolari għar-refuġjati minn Kostantinopli. Dan wassal biex ir-refuġjati minn Kreta bdew ifittxu biex imorru jgħixu wkoll f'Chóra. Sas-sekli 16 u 17, il-gżira saret ċentru kummerċjali taħt it-tmexxija Ottomana, u s-suċċess bħala ċentru kummerċjali kien rifless mid-djar mill-isbaħ f'Chóra. Ir-raħal kien ikkaratterizzat minn djar miżbugħin bojod, id-djar ta' merkanti fini, pjazez żgħar, u toroq dojoq. Bosta postijiet reliġjużi u lajċi huma assoċjati mar-raħal ta' Chóra. Fir-raħal hemm diversi knejjes, li nbnew l-iktar fis-sekli 17 u 18, u li jinkorporaw ammont kbir ta' pitturi sagri, ikoni u għamara oħra tal-knisja. Huwa wieħed mill-ftit postijiet fid-dinja fejn għadhom jiġu pprattikati ċerimonji reliġjużi li jmorru lura għall-Kristjaneżmu bikri.

L-uniku metodu biex wieħed jasal fir-raħal hu permezz ta' triq li taqsam il-gżira kollha. Hemm distinzjoni ċara bejn iż-żona urbana u ż-żona rurali tal-madwar, u l-monasteru ta' San Ġwann ta' Patmos jinsab fiċ-ċentru tar-raħal. L-istruttura tar-raħal hija kompatta sew b'bosta toroq u sqaqien dojoq, u d-djar tul it-toroq inklinati tal-gżira jagħtuhom dehra tassew mhux uniformi. Madankollu, fid-dinja tal-lum, l-insedjament storiku qed jiffaċċja l-abbandun mill-abitanti minħabba l-interess kbir ta' trasformazzjoni tar-raħal biex isir post li jilqa' t-turiżmu tal-massa.

Kristjaneżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

Minn żminijiet bikrin ta' Ġesù Kristu, hemm siltiet fil-Vanġeli li jagħmluha ċara li Ġesù nnifsu kien jemmen li l-apokalissi kien se jasal fil-futur. Huwa indika lid-dixxipli tiegħu li kien se jkun hemm sinjali bħal gwerer u kunflitti, meta d-dinja tasal f'xifer l-irdum. Din l-idea tal-apokalissi kienet xi ħaġa serja għall-knisja bikrija meta Ġesù Kristu miet peress li tħalliet f'paniku minħabba l-kliem finali tiegħu. Madankollu, meta reġa' rxoxta fit-tielet jum, il-partijiet apokalittiċi tat-test ġew injorati peress li l-Kristjani bdew jemmnu li s-salvatur tagħhom reġa' ġie. Wara li San Ġwann ta' Patmos intbagħat lejn il-gżira biex jiskonta s-sentenza ta' priġunerija tiegħu u kellu l-viżjonijiet tal-apokalissi, huwa bagħat il-kitbiet tiegħu lill-knejjes u dan ikkawża biża' tal-possibbiltà tal-apokalissi fir-reliġjon Kristjana. Din il-bidla fit-teoloġija Kristjana issa hija assoċjata mal-Għar tal-Apokalissi peress li huwa maħsub li kien l-oriġini tal-viżjonijiet ta' San Ġwann ta' Patmos u l-post fejn seħħet din il-bidla teoloġika.

Karatteristiċi interni

[immodifika | immodifika s-sors]
L-għar minn ġewwa.
L-ikonostażi prinċipali tal-knisja.

Mal-ħitan interni tal-għar iddedikat lill-appostlu hemm diversi ritratti u skulturi peress li sar post ta' qima u ta' ġabra għall-pellegrini devoti biex jesperjenzaw fejn inkiteb l-Apokalissi. Ir-rikonoxximent tal-għar bħala Ortodoss jagħti rabta fiżika ma' San Ġwann it-Teologu. FI ħdan l-għar, hemm għadd ta' karatteristiċi li matul żmienu, San Ġwann ta' Patmos użda għal azzjonijiet naturali bħall-mistrieħ. Mal-ħitan tal-għar, hemm parti vojta f'wieħed mill-ħitan li huwa maħsub li kien il-post fejn San Ġwann ta' Patmos kien imur jistrieħ fih meta kiber fiż-żmien, u l-ħajt innifsu għandu qisu manku li seta' jżomm miegħu biex iqum wara l-mistrieħ. Dawn il-karatteristiċi kienu jinkludu wkoll xaqq naturali fejn seta' poġġa l-parċmini tiegħu biex sieħbu jirreġistra l-viżjonijiet tiegħu bil-miktub. Il-karatteristiċi interni tal-għar jirrakkontaw il-ġrajja ta' żmien San Ġwann ta' Patmos fil-gżira u jirrappreżentaw il-legat tiegħu.

Fiż-żminijiet moderni, l-għar sar jitqies bħala żona sagra li issa fiha tempju ddedikat lil San Ġwann ta' Patmos. Dan sar sit turistiku popolari u l-viżitaturi jkollhom l-opportunità li jaraw fejn San Ġwann ta' Patmos irreġistra l-viżjonijiet tiegħu bil-miktub. In-nies jistgħu jmissu t-tliet xquq dojoq fil-blat li huwa maħsub li minnhom twassal leħen Alla lil San Ġwann ta' Patmos, u jistgħu jesperjenzaw ukoll il-blat li fuqu poġġa u l-isporġenza qisha manku mal-ħajt li kien juża biex iqum. Aċċessibbli wkoll għall-viżitaturi hemm leġġiju li huwa maħsub li ntuża minn Prochorus innifsu biex jikteb il-viżjonijiet ta' San Ġwann ta' Patmos. Issa jitqies bħala post ta' silenzju u tat-talb li huwa disponibbli għall-pubbliku.

Il-gżira ta' Patmos hija gżira vulkanika żgħira li tinsab fiż-żona ċentrali tal-Baħar Eġew, lil hinn mill-kosta tat-Turkija u l-Asja. Hija waħda mill-iżjed gżejjer fit-Tramuntana tal-kumpless tal-Gżejjer Dodekaniżi. L-Għar tal-Apokalissi jinsab f'madwar nofs il-muntanja, tul triq wieqfa li tofroq minn Skala għal Chóra u twassal sat-tempju ddedikat lil Artemis. Madwar id-daħla tal-għar kien hemm kappella ddedikata lil omm Alexios Komnenos magħrufa bħala l-Kappella ta' Sant'Anna.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru Storiku (Chorá) bil-Monasteru ta' San Ġwann it-Teologu u l-Għar tal-Apokalissi fil-Gżira ta' Pátmos ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  1. ^ a b ċ d "The Historic Centre (Chorá) with the Monastery of Saint-John the Theologian and the Cave of the Apocalypse on the Island of Pátmos - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-22.