Aqbeż għall-kontentut

Għar ta' Vjetrenica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġewwa l-Għar ta' Vjetrenica.

L-Għar ta' Vjetrenica (bis-Serb Ċirilliku: Вјетреница, pronunzjata: [ʋjɛtrɛ̌nitsa]; li litteralment tfisser "għar tar-riħ") huwa l-ikbar għar fil-Bożnija-Ħerzegovina, u huwa l-iżjed għar b'bijodiversità fid-dinja. Jagħmel parti mill-katina muntanjuża tal-Alpi Dinariċi, li hija magħrufa għall-karatteristiċi karstiċi u speleoloġiċi tagħha. L-għar jinsab fil-medda ta' Popovo f'Ravno, fil-Punent ta' Ħerzegovina, fil-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina.

Popovo Polje.

L-Għar ta' Vjetrenica jinsab f'Popovo Polje (pronunzjata: [pɔ̌pɔʋɔ pɔ̂ʎɛ], li litteralment tfisser "l-għalqa tal-patri"; polje tfisser pjanura jew medda karstika), li fiha nnifisha tinsab fl-iżjed reġjuni fin-Nofsinhar tal-Bożnija-Ħerzegovina, fil-Punent tal-Ħerzegovina, qrib il-kosta Adrijatika.

Id-daħla tal-għar tinsab qrib il-villaġġ ta' Zavala, fit-tarf ta' Punent il-Lbiċ tal-medda karstika. Matul l-iżjed żminijiet sħan tas-sena, żiffa qawwija ta' arja kiesħa tonfoħ mid-daħla tal-għar, u b'hekk hija attraenti ħafna f'art sħuna, bil-blat u bla ilma.

Popovo Polje hija waħda mill-ikbar meded karstiċi fil-Bożnija-Ħerzegovina u fid-dinja, u hija famuża għall-bosta fenomeni u karatteristiċi karstiċi tagħha, u b'mod partikolari għax-xmara Trebišnjica, li tnixxi qalb il-medda bħala l-ikbar xmara fid-dinja li tibqa' tnixxi taħt l-art, kif ukoll għas-sistema tal-Għar ta' Vjetrenica, fit-tarf ta' Punent il-Lbiċ tal-wied.

Id-daħla tal-għar.

L-għar ġie esplorat u ġie deskritt bħala għar li fih distanza totali ta' 7,014-il metru; minn din id-distanza, il-kanal prinċipali huwa twil madwar 2.47 kilometri. Huwa estiż mit-tarf ta' Popovo Polje lejn in-Nofsinhar, u abbażi ta' analiżi tal-art, il-ġeologi bassru li l-Għar ta' Vjetrenica jaf huwa estiż saħansitra sal-Baħar Adrijatiku fir-Repubblika tal-Kroazja, 15–20 kilometru 'l bogħod mid-daħla tiegħu. Flimkien mal-argumenti idroloġiċi, dan il-ħsieb huwa appoġġat ukoll mit-tmiem "mhux naturali" tal-Għar ta' Vjetrenica f'għamla ta' borġ kbir ta' blokok tal-ġebel li ċedew.

L-Għar ta' Vjetrenica huwa l-iżjed għar għani f'termini ta' bijodiversità ta' taħt l-art: iktar minn 200 speċi differenti ġew irreġistrati fih, kważi 100 troglofili, u għadd kbir minnhom huwa endemiku strett, 15 stenoendemiċi, u madwar 37 ġew skoperti u deskritti għall-ewwel darba fl-Għar ta' Vjetrenica.[1]

Kumpless naturali u arkitettoniku

[immodifika | immodifika s-sors]

Villaġġ ta' Zavala

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġewwa l-Għar ta' Vjetrenica.

Il-villaġġ ta' Zavala bl-arkitettura antika u tal-ġebel tiegħu, flimkien mal-Għar ta' Vjetrenica, jinsabu f'Popovo Polje fil-muniċipalità ta' Ravno, u jikkostitwixxu kumpless naturali u arkitettoniku, li jinsab fil-proċess li jiġi protett bħala Monument Nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina, u fl-imgħoddi kien diġà tqiegħed fil-lista tas-siti indikattivi tal-pajjiż biex isiru Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]

L-Għar ta' Vjetrenica jitqies bħala l-iżjed għar rikk bħala għadd ta' fawna li tgħix ġo fih, u b'rata għolja ta' endemiżmu. L-Għar ta' Vjetrenica kiseb fama wkoll madwar il-komunitajiet ġeoloġiċi, bijoloġiċi u xjentifiċi fid-dinja, kif ukoll fost il-komunitajiet ambjentali madwar il-pajjiż u d-dinja għall-futur inċert u fil-periklu tiegħu, ikkawżat minn ġestjoni mhux professjonali u mingħajr ebda għarfien espert, u għall-istatus inċert tiegħu speċjalment fil-livelli lokali u statali.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja n-nuqqasijiet kollha u d-dewmien, il-gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina nnomina l-Għar ta' Vjeternica (flimkien mal-villaġġ ta' Zavala) bħala sit indikattiv biex isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bl-intenzjoni ċara li l-għar u l-bijodiversità tiegħu jiġu protetti u eventwalment jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Fl-2024, l-Għar ta' Vjetrenica ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO matul is-46 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.[5][6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[5]

  1. ^ a b "Vjetrenica". web.archive.org. 2013-07-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-10. Miġbur 2025-03-22.
  2. ^ "Komisija za očuvanje nacionalnih spomenika". web.archive.org. 2016-03-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2025-03-22.
  3. ^ "Komisija za očuvanje nacionalnih spomenika". web.archive.org. 2016-03-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2025-03-22.
  4. ^ "Siti indikattivi tal-Bożnija-Ħerzegovina". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-22.
  5. ^ a b "Vjetrenica Cave, Ravno - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-22.
  6. ^ "Six new sites added to UNESCO World Heritage list following IUCN recommendations - News | IUCN". iucn.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-22.