Fuerte de Samaipata

Il-Fuerte de Samaipata jew il-Forti ta' Samaipata, magħruf ukoll sempliċement bħala "El Fuerte", huwa sit arkeoloġiku pre-Kolombjan u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-Provinċja ta' Florida, id-Dipartiment ta' Santa Cruz, il-Bolivja.[1] Jinsab fl-għoljiet tal-Lvant ta' qabel l-Andes Bolivjani u huwa destinazzjoni turistika popolari fost il-Bolivjani u l-barranin, aċċessibbli mir-raħal ta' Samaipata fil-qrib. Is-sit arkeoloġiku ta' El Fuerte huwa uniku peress li jinkorpora l-binjiet ta' tliet kulturi differenti: Chanè, Inka u Spanjoli.
Għalkemm jissejjaħ bħala forti, il-Forti ta' Samaipata kellu wkoll funzjoni reliġjuża, ċerimonjali u residenzjali. Il-kostruzzjoni tiegħu x'aktarx li nbdiet miċ-Chané, poplu ta' qabel l-Imperu tal-Inka ta' oriġini Arawak. Hemm ukoll fdalijiet ta' pjazza u ta' residenzi tal-Inka, li jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 15 u għall-bidu tas-seklu 16 meta l-Imperu tal-Inka ġie estiż lejn il-Lvant mill-artijiet għoljin tal-Andes fl-għoljiet subtropikali. Iċ-Chané, l-Inka u l-Ispanjoli kollha ġarrbu attakki mingħand il-ġellieda Guarani (Chiriguano) li insedjaw ir-reġjun. Il-Guarani ħakmu l-pjanuri u l-widien ta' Santa Cruz u okkupaw l-inħawi ta' Samaipata. Il-Guarani ddominaw ir-reġjun ukoll waqt il-perjodu kolonjali Spanjol.
L-Ispanjoli bnew insedjament fil-Forti ta' Samaipata, u hemm fdalijiet ta' binjiet b'arkitettura tipika tal-Għarab tal-Andalusija. L-Ispanjol ma tantx damu biex jabbandunaw il-forti u marru jgħixu f'wied fil-qrib, fejn stabbilew ir-raħal ta' Samaipata fl-1618.[2]
Imperu tal-Inka
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit ta' Samaipata ġie okkupat bħala żona tar-ritwali u residenzjali għall-ħabta tat-300 W.K. miċ-Chané tal-perjodu tal-Mojocoyas (mill-200 sat-800 W.K.) u ddew isawru l-blata l-kbira taċ-ċentru ċerimonjali ta' Samaipata.
Skont il-kronista Spanjol tas-seklu 17, Diego Felipe de Alcaya, l-Inka, x'aktarx lejn l-aħħar tar-renju ta' Tupac Yupanqui (li rrenja fl-1471-1493), bdew jinkorporaw l-inħawi ta' Samaipata fl-imperu tagħhom. Qarib ta' Yupanqui jismu Guacane mexxa armata tal-Inka lejn l-inħawi u permezz ta' doni elaborati rnexxielu jipperswadi l-mexxej lokali Grigota u lill-50,000 ruħ ta' taħtu biex jiġu sottomessi għat-tmexxija tal-Inka. Guacane stabbilixxa l-belt kapitali tiegħu f'Samaipata jew Sabay Pata fuq quċċata ta' muntanja f'elevazzjoni ta' 1,900 metru (6,200 pied). Samaipata tfisser "il-quċċata tal-mistrieħ" bil-lingwa Quechua mitkellma mill-Inka.[3]
Il-Forti ta' Samaipata kien ċentru amministrattiv, ċerimonjali u reliġjuż tal-Inka. Bħal fil-każ ta' ċentri amministrattivi oħra tal-Inka mal-fruntieri tal-imperu (bħal Oroncota), Samaipata kien protett minn għadd ta' fortizzi periferiċi. Waħda minnhom instabet madwar 50 kilometru (31 mil) lejn il-Lvant u ġiet imsejħa La Fortaleza. Il-fdalijiet tal-forti jinsabu fuq il-quċċata ta' muntanja li tħares fuq l-artijiet baxxi madwar il-belt attwali ta' Santa Cruz.[4] Fortizza oħra, li l-pożizzjoni tagħha ntilfet u kien jisimha Guanacopampa, kienet tipproteġi minjiera f'Saypurú jew f'Caypurum, li wkoll intilfet il-pożizzjoni tagħhom. L-inħawi ta' Samaipata kienu fost l-iżjed iżolati u fil-Lvant tal-Imperu tal-Inka.[5]
Skont ir-rakkont ta' Alcaya, Guacane u Grigota nqatlu f'attakk mill-poplu Guaraní tal-Lvant tal-Bolivja, magħruf bħala Chiriguanos mill-Ispanjoli. Iċ-Chiriguanos kienu qed javvanzaw mill-artijiet baxxi lejn l-għoljiet ta' qabel l-Andes. Kontroattakk mill-Inka ma rnexxilux jegħleb liċ-Chiriguanos, li baqgħu jinsedjaw Samaipata u l-inħawi fil-qrib. Binja tal-Inka li nqerdet min-nirien f'Samaipata tagħti evidenza lil dan ir-rakkont. Id-data tal-attakk mhix ċerta, għalkemm bosta awtoritajiet isostnu li l-attakki taċ-Chiriguanos fil-fruntieri tal-Lvant tal-Inka bdew fis-snin 20 tas-seklu 16.
L-Ispanjoli, flimkien mal-alleati tal-Inka, jaf użaw lil Samaipata bħala fortizza u bażi diġà fis-snin 70 tas-seklu 16, iżda l-insedjament formali tal-Ispanjoli beda fl-1615 meta kien hemm it-theddida taċ-Chiriguanos. Qalb il-fdalijiet instabet ukoll dar tal-Ispanjoli.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sit arkeoloġiku ta' Samaipata fih madwar 20 ettaru (49 akru) u huwa maqsum f'żewġ partijiet: settur ċerimonjali u settur amministrattiv/residenzjali. Uħud mill-istrutturi tal-Inka nbnew fuq strutturi iktar bikrin taċ-Chané.
Is-settur ċerimonjali jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tas-sit. Fih madwar 220 metru (720 pied) b'60 metru (200 pied) u jikkonsisti l-iktar minn medda blat kbira miksija kważi kollha bit-tinqix ta' oriġini tal-Inka u ta' qabel l-Inka. It-tinqix jinkludi varjetà ta' figuri ġeometriċi u ta' annimali, ta' ħitan, ta' niċeċ, u ta' xbihat qishom kanali twal imsejħa "s-sinsla tas-serp" jew "el cascabel" (is-serp ta' denbu jċekċek). Għalkemm mhux spettakolari mill-puntidivista viżiv, l-iżjed parti importanti tas-settur ċerimonjali hija l-"coro de los sacerdotes" (kor tal-patrijiet/tas-saċerdoti) fl-ogħla punt tal-blata. Dan jikkonsisti minn 18-il niċċa, li x'aktarx kienu jintużaw bħala postijiet bilqiegħda għall-individwi, imħaffra fil-blat. Fil-qiegħ tal-blata hemm 21 niċċa mħaffra b'mod regolari li jaf intużaw bħala residenzi għall-patrijiet jew bħala mħażen tal-oġġetti ċerimonjali. Hemm niċeċ u alkovi oħra sparpaljati mal-fdalijiet taċ-ċentru.[6]
Iċ-ċentru residenzjali u amministrattiv jokkupa l-parti tan-Nofsinhar tas-sit. Samaipata jaf kienet belt provinċjali tal-Inka u għandha l-infrastruttura kollha assoċjata ma' dawk l-istatus. L-iżjed karatteristika prominenti hija pjazza kbira b'għamla trapeżojdali ta' madwar 100 metru (330 pied) fuq kull naħa kkonfinata fin-Nofsinhar minn kallanka, li hija binja rettangolari tipika tal-bliet tal-Inka u simbolu tas-setgħa politika tal-Inka. Il-kallanka, twila 70 metru (230 pied) u wiesgħa 16-il metru (52 pied), kienet tintuża għall-avvenimenti pubbliċi, għall-festi u biex jiġu ospitati l-viżitaturi u s-suldati. Il-kallanka ta' Samaipata hija t-tieni l-ikbar fil-Bolivja, iżda milli jidher il-kostruzzjoni tagħha ġiet interrotta, għax il-kanal tad-drenaġġ u s-saqaf skuntrat tal-ħuxlief ma tlestewx.[7]
F'dan is-settur ukoll hemm l-Acllahuasi, li kien qisu kunvent tan-nisa ssekwestrati magħrufa bħala Aclla, li kienu jintgħażlu biex jinsġu t-tessuti, jiżżewġu lill-irġiel nobbli tal-Inka, jipparteċipaw fiċ-ċerimonji, u xi kultant kienu jiġu ssagrifikati fiċ-ċerimonji reliġjużi. L-eżistenza ta' Acllahuasi kienet tipika fl-insedjamenti importanti tal-Inka.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fuerte de Samaipata ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-ħsara kkawżata mill-viżitaturi mexjin fuq is-simboli mnaqqxin fil-blat u mill-erożjoni kkawżata mill-ilma, iż-żona interna hija mdawra b'ħabel u mhix aċċessibbli biex jiġi evitat li ssir iktar ħsara. Madankollu, il-kumplament tas-sit huwa aċċessibbli.
L-aċċess għas-sit huwa faċli; bosta operaturi joperaw karozzi tal-linja mir-raħal ta' Samaipata fil-qrib u hemm tariffa żgħira tad-dħul. Is-sit ġie ġestit minn Stonewatch, li hija organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt, u mill-Akkademja għall-Konservazzjoni u għad-Dokumentazzjoni tal-Arti fuq il-Blat.

Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- General view of the El Fuerte temple.
- Sloping parallel slots cut in the rock.
- Niches cut in the rock. This is where the priests lived or stored ceremonial items.
- Circular rock carving. (Approx. 1 metre diameter.) There are several of these, some badly worn due to tourist traffic. The Incas believed that the puma engraved on the rock represented the priesthood or the power of God.
- Lateral view
- Updated view 2023
- Marker description of temple of Five Niches
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 "Fuerte de Samaipata - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-09.
- ↑ "DATOS GENERALES | SAMAIPATA". www.santacruz.gob.bo. Miġbur 2025-01-09.
- ↑ Scholl, Jonathan (2015), "At the Limits of Empire: Incas, Spaniards, and the Ava-Guarani (Chiriguanaes) on the Charcas-Chiriguana Frontier, Southeastern Andes (1450s-1620s)", Dissertation, University of Florida, pp. 187-188.
- ↑ "(PDF) Inka Archaeology in Eastern Bolivia: Some Aspects of the Samaipata Project". ResearchGate (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-09.
- ↑ El Sitio Ceremonial y Administrativo de El Fuerte de Samaipata" (Apr 2015), Tesapa Arundu, Vol. 4, No. 21, pp. 2-3.
- ↑ Muňoz Collazos, Maria de los Angeles (2015), "Samaipata, el Cerro Esculpido: Locales e Incas" (2015), Arqueoantropologiccas, Vol. 5, No. 5, pp. 13-14.
- ↑ Fuente, Richard Alcázar De La. "El Sitio Ceremonial y Administrativo de El Fuerte de samaipata". Rivista akkademika.