Fruntieri Rumani ta' Dacia

Il-Fruntieri Rumani ta' Dacia huwa terminu ġeneriku modern mogħti lil ġabra ta' fortifikazzjonijiet u sensiela kkollegata ta' fortijiet Rumani tul il-fruntieri tal-provinċja Rumana ta' Dacia, li jmorru lura għall-bidu tas-seklu 2 W.K. Il-fruntieri kienu jkopru madwar 1,000 kilometru u kienu jinkludu:
- il-Fruntieri Rumani ta' Alutanus fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara Olt;
- il-Fruntieri Rumani ta' Porolissensis;
- il-Fruntieri Rumani Transalutanus fil-Wallakkja;
- l-hekk imsejħa Ħitan ta' Trajanu bejn Constanta u d-Danubju inkluż:
- il-Ħajt t'Isfel ta' Trajanu jew il-Ħajt ta' Atanariku fit-Tramuntana tad-Delta tad-Danubju fil-Moldova;
- il-Ħajt ta' Fuq ta' Trajanu jew il-Ħajt ta' Greuthungi fil-Moldova ċentrali mix-xmara Prut sax-xmara Dniester, għalkemm jaf ma kienx Ruman;
- il-Ħajt ta' Kostantinu jew Brazda lui Novac de Nord fil-Wallakkja tal-ħabta tat-330 W.K., li kien twil 300 kilometru.
Ħafna minn dawn il-"ħitan" kienu jikkonsistu minn fortifikazzjonijiet tat-tajn, għoljin 3 metri u wesgħin 2 metri, simili għall-Ħajt Antonin.
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pożizzjonijiet tal-fruntieri f'Dacia mhumiex magħrufa bl-eżatt iżda spiss huwa maħsub li kienu marbuta mas-siti arkeoloġiċi, speċjalment il-fortijiet.[1] Il-Fruntieri Rumani ta' Dacia jikkonsistu minn sistema ta' torrijiet tal-għassa, ħitan tat-tajn u tal-ħaxix, fortijiet xi 5 kilometri wara l-fruntieri Rumani, u fortijiet żgħar, kif ukoll ftit fortizzi leġjunarji wara l-linji tal-fruntieri li ġew stabbiliti f'diversi stadji. Il-Fruniteri Rumani kienu sistema ta' monitoraġġ għall-kontroll tat-traffiku, mhux realment għad-difiża, u l-viżibbiltà mit-torrijiet tal-għassa lejn 'il barra mill-provinċja kienet limitata.[2]
Il-biċċa l-kbira mill-fruntieri Rumani kienu jinsabu tul il-Karpazji u tul ktajjen muntanjużi oħra bi ftit mogħdijiet adattati għall-armati, u l-bqija tul il-flussi iktar fil-baxx tax-xmajjar Mureş, Tisza u Olt (Alutus). Il-fortifikazzjonijiet tul il-fruntiera tal-Majjistral ta' Dacia għal madwar 6 kilometri kienu meħtieġa biex jingħalaq l-aċċess għar-rotta lejn Porolissum. Ġeneralment, il-fortijiet ewlenin tal-fruntieri Rumani kienu jinbnew fil-widien, filwaqt li l-art iktar għolja fil-qrib kienet tiġi kkontrollata mit-torrijiet tal-għassa, pereżempju tul linja ta' 42 kilometru fil-Lbiċ ta' Porolissum.[3] L-uniċi fruntieri Rumani oħra ta' Dacia b'fortifikazzjonijiet estensivi kienu l-Fruntieri Rumani tat-Transalutanus fix-Xlokk.[4]
Id-difiża ta' Dacia kienet iċċentrata fuq żewġ punti: fin-nofs tal-Lvant fuq il-forti f'Angustia, Breţcu, li kien jikkontrolla l-Mogħdija Muntanjuża vulnerabbli ta' Oituz, u fin-nofs tal-Punent fuq Porolissum.

Dacia saret provinċja Rumana wara l-Gwerer ta' Dacia ta' Trajanu wara l-106 W.K., iżda l-okkupazzjoni militari tal-Wallakkja, il-pjanura bejn l-għoljiet ta' qabel il-Karpazji u d-Danubju, jaf diġà kienu seħħew sa tmiem l-Ewwwel Gwerra ta' Dacia ta' Trajanu (101/102 W.K.). Madankollu, il-maġġoranza tal-fortijiet f'Dacia, ġew stabbiliti wara l-ħakma finali ta' Dacia fil-106 W.K. Minkejja dan, ir-Rumani ma neħħewx il-gwarniġjuni tal-Fruntieri Rumani ta' Dacia peress li kienu meħtieġa biex jiġi ppreservat il-kontroll tat-trasport u tal-kummerċ tul id-Danubju u minħabba li t-truppi ta' hemmhekk kienu forma ta' riżerva strateġika għal fronti oħra f'każ ta' bżonn.[5]
L-organizzazzjoni tal-provinċja avvanzat malajr taħt l-ewwel gvernatur tagħha, Decimus Terentius Scaurianus, kif muri fuq il-muniti zzekkati fil-112 W.K. bil-kitba "DACIA AUGUSTI PROVINCIA". Il-provinċji Ewropej tal-imperu kellhom konfini ffortifikati (bil-Latin: limes) u tulhom kienu jiġu skjerati unitajiet militari tul ix-xmajjar (ir-Renu u d-Danubju) jew fuq fortifikazzjonijiet difensivi tat-tajn. Il-muntanji u x-xmajjar ta' Dacia ma kinux adattati għall-ebda skema u kienu meħtieġa xi 10 snin biex tinbena linja difensiva adegwata ta' fortijiet tul il-muntanji, il-mogħdijiet muntanjużi u x-xmajjar fil-limiti tal-imperu. Id-difiża ta' Dacia swiet ferm iktar minn dik ta' provinċji oħra; il-provinċja kellha konfini twal u vulnerabbli tul bosta partijiet tagħha, u b'hekk il-komunikazzjoni kienet diffiċli bejn il-postazzjonijiet iffortifikati.
L-abbandun tal-Moldova u l-ħolqien tal-Fruntieri Rumani tat-Transalutanus bejn wieħed u ieħor imorru lura għar-renju ta' Adrijanu.
Irtirar lejn id-Danubju
[immodifika | immodifika s-sors]Adrijanu ta l-parti tax-Xlokk ta' Dacia lis-Sarmazjani ta' Roxolani fil-119 W.K. biex jikkuntenta lir-re tagħhom, Rasparaganus, li ngħata ċittadinanza Rumana, status ta' re klijent u x'aktarx żieda fis-sussidji.[6]
L-abbandun Ruman ta' Dacia kollha x'aktarx li seħħ matul ir-renju ta' Gallienus (260-268 W.K.), qabel id-data tradizzjonali tal-ħabta tal-275 W.K. meta Awreljanu stabbilixxa l-provinċja l-ġdida ta' Dacia fin-Nofsinhar tad-Danubju.[7]
Fi Żmien ir-Rumani Aħħari, il-livell ta' kontroll u ta' okkupazzjoni militari tat-territorju fit-Tramuntana tad-Danubju huwa pjuttost kontroversjali. Forti Ruman (Pietroasa de Jos), lil hinn sew mill-Fruntieri Rumani ta' Dacia u qrib il-Moldavja, milli jidher kien ġie okkupat fis-seklu 4 W.K., l-istess bħall-fortijiet fit-tarf tal-pontijiet (Sucidava, Barboşi u Constantiniana Daphne (din tal-aħħar baqgħet qatt ma nstabet)) tul ix-xatt tax-xellug tax-xmara.[8]
Il-"Brazda lui Novac de Nord" jew il-Ħajt ta' Kostantinu, skont skavi reċenti, imur lura għal żmien l-imperatur Kostantinu madwar it-330 W.K.,[9] fl-istess żmien bħad-"Digi tax-Xitan" jew il-Fruntieri Rumani ta' Sarmatiae, li kienu sensiela ta' fortifikazzjonijiet u digi difensivi tat-tajn li nbnew mir-Rumani bejn ir-Rumanija u l-pjanuri tal-Pannonja.
Il-Fruntieri Rumani ta' Dacia ntużaw minn renji mhux Rumani wara s-sekli 5 u 6 W.K. u ġew rikostruwiti parzjalment u tkabbru.[10]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fruntieri Rumani ta' Dacia ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[11]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[11]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Ioana A.OLTEAN / William S. HANSON, Defining the Roman Limes in Romania: the Contribution of Aerial and Satellite Remote Sensing, Proceedings of the 22nd International Congress of Roman Frontier Studies, Ruse, il-Bulgarija, Settembru 2012.
- ^ Corneliu, Gaiu; Radu, Zagreanu (2015-01-01). "Marcu et alii - Recent Developments in Understanding the limes Porolissensis". Limes XXIII.
- ^ GUDEA, N. 1997. Der Meseş-Limes. Die vorgeschrobene Kleinfestungen auf dem westlichen Abschnitt des Limes der Provinz Dacia Porolissensis. Zalău: County Museum Sălaj.
- ^ NAPOLI, J. 1997. Recherches sur les fortifications linéares romaines (Collection EFRA 229). Ruma: École française de Rome pp. 322–335.
- ^ Gudea N., Die nordgrenze der römischen provinz obermoesien. Materialien zu ihrer Geschichte (86–275 n. Chr.), “Jahrbuch des Römisch-Germanischen zentralmuseums Mainz” 48, 1–118.
- ^ Julian Bennett, Trajan-Optimus Priceps. Bloomington: Indiana University Press, 2001, ISBN 0-253-21435-1, p. 165.
- ^ I.B. Cătăniciu, Evolution of the system of defence works in Roman Dacia, BAR International series 116, Oxford, 1981, pp. 53-55.
- ^ "Dorel Bondoc: REPERTOIRE OF FORTIFICATIONS FROM THE NORTHERN PART OF THE LOWER DANUBE ROMAN LIMES IN LATE ROMAN AGE". apar.archaeology.ro. Miġbur 2025-03-22.
- ^ Wacher. The Roman world, ISBN 9780415263146, p. 189.
- ^ "Romans in eastern Romania (bir-Rumen)" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-10-06. Miġbur 2025-03-22.
- ^ a b "Frontiers of the Roman Empire – Dacia - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-22.