Francesca Vincenti
Francesca Vincenti hija eks-windsurfer. Hi rebħet it-titlu tal-Kampjonat Nazzjonali mill-1983 sal-1986. Ingħatat il-premju ‘L-Isportiva tas-Sena’ ta’ Malta fl-1985 u 1986 u kklassifikat fost l-ewwel għaxra f’kampjonati Mondjali, Ewropej, u Pre-Olimpiċi.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Vincenti, twieldet il-Mosta, hija l-ħames wild fost disat itfal. [1] Minkejja li wriet interess fil-baħar minn età bikrija, tgħallmet tgħum meta kellha erbatax-il sena. [2]
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Fost it-titli li kisbet, Vincenti rebħet il-Pre Olympic International SPA Regatta tal-1985 fl-Olanda u ngħatat it-titlu ta’ Dutch National Champion. Fl-1986, kisbet ukoll it-titlu ta’ Mistral Freestyle World Champion, filwaqt li fl-1984 ikklasifikat fit-tielet post fl-International Bermuda Cup. Barra minn hekk, Vincenti kklassifikat fis-sitt post fis-Sailboard World Championship tal-1983 u fit-tielet post fil-Giro d'Italia tal-1983 u l-1984 (tellieqa li ddum ġimagħtejn, fejn l-atleti jridu jtellqu madwar l-Italja). Irnexxielha tidħol fis-sitt post fil-Mistral World’s fl-1984 fit-Tuneżija u anke fil-Mistral Women’s Worlds fl-1986 f’La Rochelle fi Franza. Hi rebħet ukoll il-midalja tal-fidda fil-Mistral Open Europeans f’Isle of Wright fl-1995.
Fl-1988, Vincenti pparteċipat fil-Malta-Sicily Windsurf Race, tellieqa twila 60 mil (97 km) li taqsam il-Baħar Mediterran. Fiż-żmien li għexet fl-Istati Uniti, kienet meqjusa bħala waħda mis-surfers ewlenin fil-Kosta tal-Lvant fil-Mistral Class, fejn għal xi żmien żammet l-ewwel post fit-tiġrija ta’ dak ir-reġjun. Hi kkompetiet regolarment fil-kwalifikazzjonijiet u l-avvenimenti nazzjonali.
Vinċenti rritornat Malta b’mod permanenti fl-1998 maż-żewġt ibniet tagħha u rtirat mis-surfing kompettitiv. [1] Hi tibqa’ attiva f’dan l-isport estrem fil-ħin liberu tagħha. Minkejja dan, Vincenti xorta għadha tippromovi lil Malta bħala destinazzjoni ideali għall-windsurfing u kull tip ta’ sport ta’ barra, bħal tixbit kayaking u trekking. Spiss tiġi mistiedna biex tagħti l-opinjoni teknika tagħha fuq programmi televiżivi, tar-radju, kif ukoll f’intervisti waqt avvenimenti ta’ profili għoli, bħall-International Rolex Middle Sea Race.
Fl-2014, Vincenti ġiet onorata billi ddaħħlet fil-Malta Olympic Hall of Fame għall-kisbiet tagħha u talli poġġiet lil Malta fil-quċċata tal-ibburdjar f’kompetizzjonijiet internazzjonali. [3] Hi tibqa’ magħrufa bħala waħda mill-aqwa sportivi fil-Gżejjer Maltin.
Francesca hija freediver attiva u tippromovi l-protezzjoni tal-ambjent u hija attivista favur dinja mingħajr plastik u għalhekk tipparteċipa b’mod attiv f’diversi kampanji u attivitajiet li jiġbru l-iskart organizzati minn għaqdiet mhux governattivi.
Vinċenti ħadmet ukoll bħala attriċi u ħadet sehem f’diversi drammi teatrali u kummiedji mtellgħin fit- Teatru Manoel, il-Kavallier ta' San Ġakbu, it-Teatru Salesjan u l-Malta Drama Festival. [4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 "Malta Maritime Directory :: Who's Who". www.maritimedirectory.com.mt. Miġbur 2025-01-11.
- ↑ "SKIPPER AUGUST 2013 ISSUE 2 by BE.COMMUNICATIONS - Issuu". Ride Like the Wind (bl-Ingliż). 2013-08-29. Miġbur 2025-01-11.
- ↑ "Hall of Fame". Maltese Olympic Committee (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-11.
- ↑ "Photo Gallery". www.orestecalleja.com. Miġbur 2015-09-22.
Links esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Francesca Vincenti at World Sailing