Aqbeż għall-kontentut

Fortizza ta' Suomenlinna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Fortizza ta' Suomenlinna mill-ajru.

Il-Fortizza ta' Suomenlinna (bil-Finlandiż: [ˈsuo̯menˌlinːɑ]), jew Sveaborg (bl-Iżvediż: [ˈsvɛːɑˈborj]) hija fortizza tal-baħar magħmula minn tmien gżejjer, sitta minnhom iffortifikati. Il-fortizza tinsab madwar 4 kilometri fix-Xlokk taċ-ċentru ta' Helsinki, il-belt kapitali tal-Finlandja, u hija destinazzjoni popolari mat-turisti u man-nies tal-post, li jżuruh l-iktar bħala post pittoresk għall-picnics.

Il-kostruzzjoni tal-fortizza bdiet fl-1748 taħt il-monarkija Żvediża bħala difiża kontra r-Russja. Ir-responsabbiltà ġenerali għax-xogħol ta' fortifikazzjoni ngħatat lill-Ammirall Augustin Ehrensvärd. Il-pjanta oriġinali tal-fortizza bħala bastjun ġiet influwenzata ferm minn Vauban, inġinier militari Franċiż rinomat, u kienet tinkorpora l-prinċipji tal-fortifikazzjonijiet b'għamla ta' stilla, għalkemm adattati għal grupp ta' gżejjer tal-blat.

Matul il-Gwerra Finlandiża, il-qawwiet Russi assedjaw il-fortizza fl-1808. Minkejja r-reputazzjoni mill-aqwa tagħha bħala l-"Ġibiltà tat-Tramuntana", il-fortizza arrendiet wara xahrejn biss, fit-3 ta' Mejju 1808. It-telf tagħha witta t-triq għall-okkupazzjoni Russa tal-Finlandja fl-1809, u għall-istabbiliment sussegwenti tal-Gran Dukat tal-Finlandja, stat awtonomu fi ħdan l-Imperu Russu.

Taħt it-tmexxija Russa, il-fortizza ntużat bħala bażi għall-Flotta Navali Baltika matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u fl-1915 bdiet il-kostruzzjoni fuq is-sistema tad-difiża tal-Krepost Sveaborg. Il-qawwiet Russi abbandunaw il-fortizza wara li l-Finlandja ddikjarat l-indipendenza fl-1917. Oriġinarjament il-fortizza kienet imsejħa Sveaborg (jiġifieri "Fortizza tal-Iżvezja") u bil-Finlandiż kienet magħrufa bħala Viapori (pronunzja: [ˈviaˌpori]), iżda bdiet tissejjaħ Suomenlinna (jiġifieri "Fortizza tal-Finlandja") fl-1918. Madankollu, bl-Iżvediż għadha tissejjaħ bl-isem oriġinali. Wara l-Gwerra Ċivili Finlandiża, il-gżejjer kienu jospitaw il-kamp tal-priġunieri ta' Suomenlinna fejn kienu jinżammu s-suldati Ħomor li kienu jinqabdu.

Il-Fortizza ta' Suomenlinna baqgħet taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Finlandja sal-1973, meta biċċa l-kbira minnha ġiet ittrasferita lill-amministrazzjoni ċivili. Il-fortizza famuża għall-fortifikazzjonijiet u għall-bastjuni tagħha tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Mappa ta' Suomenlinna.

Id-distrett ta' Suomenlinna ta' Helsinki jinsab fix-Xlokk taċ-ċentru ta' Helsinki u jikkonsisti minn tmien gżejjer. Ħamsa mill-gżejjer huma kkollegati permezz ta' pontijiet jew bir-radam bejniethom. Länsi-Mustasaari (Västersvartö) hija kkollegata ma' Pikku Mustasaari (Lilla Östersvartö), li hija kkollegata ma' Iso Mustasaari (Stora Östersvartö), li mbagħad hija kkollegata ma' Susisaari (Vargö). Susisaari ġiet ikkollegata ma' Susiluoto (Vargskär) bir-radam li ntefa' fil-passaġġ tal-ilma bejniethom matul żmien ir-Russi. Din il-gżira, li għandha l-ikbar konċentrazzjoni ta' fortifikazzjonijiet ġiet imsejħa Gustavssvärd (Kustaanmiekka, li tfisser "ix-xabla ta' Gustav") fi żmien il-kostruzzjoni mill-Iżvezja. It-tliet gżejjer mhux ikkollegati huma Särkkä (Långören), Lonna (Lonnan), u Pormestarinluodot (Borgmästargrundet). L-erja tal-art totali tad-distrett fiha 80 ettaru (0.80 kilometri kwadri; 0.31 mili kwadri).

Minflok ma jsegwu s-sistema standard Finlandiża tal-indirizzi postali, b'isem it-triq u n-numru tad-dar, l-indirizzi f'Suomenlinna jużaw kodiċi bl-ittri għall-gżira segwit min-numru tad-dar. Pereżempju, "C 83" jirreferi għad-dar nru 83 f'Iso-Mustasaari (iddeżinjata bl-ittra "C"). Il-kodiċi postali tad-distrett ta' Suomenlinna huwa 00190.

Mappa ta' Sveaborg fis-snin 90 tas-seklu 18.

Żmien l-Iżvediżi

[immodifika | immodifika s-sors]

Minn kmieni fil-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, ir-Russja ħadet vantaġġ mid-dgħufija Żvediża f'Ingria (bl-Iżvediż: Ingermanland) u ħatfet l-inħawi qrib ix-xmara Neva kif ukoll il-fortijiet Żvediżi, Nyen u Nöteborg, li nbnew biex jipproteġuha. Fl-1703, Pietru l-Kbir stabbilixxa l-belt kapitali l-ġdida tiegħu, San Pietruburgu, fil-Golf tal-Finlandja. Qrib il-wasla tal-belt huwa bena l-bażi navali ffortifikata ta' Kronstadt. Ir-Russja f'qasir żmien saret qawwa marittima u importanti fil-Baħar Baltiku. Din is-sitwazzjoni kienet ta' theddida għall-Iżvezja, li sa dak iż-żmien kienet il-qawwa dominanti fil-Baltiku. Dan ħareġ sew fid-dieher bl-użu tal-forzi navali meta r-Russja ħatfet lil Viborg fl-1710. Il-bażi navali Żvediża prinċipali f'Karlskrona kienet 'il bogħod wisq lejn in-Nofsinhar biex tissodisfa l-ħtiġijiet il-ġodda tal-forza navali Żvediża fis-seklu 18, u spiss dan wassal biex il-bastimenti Żvediżi kienu jaslu fil-kosta tal-Finlandja wara l-bastimenti u t-truppi Russi diġà kienu bdew jew saħansitra temmew il-kampanji militari tagħhom tar-rebbiegħa.

In-nuqqas ta' difiżi kostali nħass sew bl-iżbarki Russi f'Helsingfors fir-rebbiegħa tal-1713 u bil-falliment tal-Iżvezja li timblokka l-Peniżola ta' Hanko fl-1714. Kampanja militari navali Russa kontra l-kosta Żvediża lejn l-aħħar tal-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana kompliet turi l-ħtieġa li jiġu żviluppati difiżi kostali Finlandiżi. Eżatt wara li ntemmet il-gwerra, daħħlu fis-seħħ l-ewwel pjanijiet fl-Iżvezja biex tinbena flotta tal-arċipelagu u bażi tal-operazzjonijiet għaliha fil-Finlandja. Madankollu, fir-rigward ta' Sveaborg ma seħħ xejn qabel tmiem il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Iżvezja tal-1741–1743. Il-fortifikazzjonijiet tħallew mhux kompluti f'Hamina u f'Lappeenranta filwaqt li Hämeenlinna kienet qed tinbena bħala bażi tal-provvisti. In-nuqqas ta' fondi, in-nuqqas ta' rieda li jiġu allokati fondi għad-difiża tal-Finlandja, u t-twemmin (li beda jfeġġ eżatt qabel il-gwerra) li r-Russja kienet se tiġi obbligata tirtira mill-Baħar Baltiku kienu l-kawżi ewlenin li wasslu għan-nuqqas ta' progress.

Il-Gwerra suċċessiva bejn ir-Russja u l-Iżvezja tal-1741–1743, li malajr inbidlet minn attakk Żvediż għal okkupazzjoni Russa tal-Finlandja, mill-ġdid uriet l-importanza li jiġu żviluppati l-fortifikazzjonijiet fil-Finlandja. In-nuqqas ta' bażi għall-operazzjonijiet tal-forzi navali għamilha diffiċli biex il-flotta navali Żvediża topera fl-inħawi. Stati Ewropej oħra kienu mħassbin ukoll dwar l-iżviluppi rigward ir-Russja, speċjalment Franza, li kienet ikkonkludiet alleanza militari mal-Iżvezja. Wara dibattitu fit-tul, il-parlament Żvediż iddeċieda fl-1747 li jiffortifika l-fruntiera mar-Russja u jistabbilixxi bażi navali f'Helsingfors biex tikkontrabatti l-bażi navali ta' Kronstadt. Augustin Ehrensvärd (1710–1772), kurunell logutenet żagħżugħ, ingħata r-responsabbiltà li jiddisinja l-fortizzi u li jidderieġi l-operazzjonijiet tal-kostruzzjoni.

Il-Bastjun ta' Zander.

L-Iżvezja bdiet tibni l-fortizzi f'Jannar 1748. Il-pjanta ta' Ehrensvärd kien fiha żewġ fortifikazzjonijiet: fortizza tal-baħar f'Svartholm qrib ir-raħal żgħir ta' Lovisa, u fortizza tal-baħar ikbar u bażi navali (Sveaborg) f'Helsingfors. Kien hemm żewġ aspetti prinċipali tad-disinn ta' Ehrensvärd għal Sveaborg: sensiela ta' fortifikazzjonijiet indipendenti tul diversi gżejjer kollegati, u fil-qalba nett tal-kumpless, tarzna tal-flotta navali. Minbarra l-gżira-fortizza stess, fortifikazzjonijiet iħarsu lejn il-baħar fuq l-art kontinentali kellhom jiżguraw li l-għadu ma jiżbarkax fil-bajjiet biex imbagħad jattakka l-forti tal-baħar. Il-pjanta kienet tinkludi wkoll il-ħżin tal-munizzjon għall-kontinġent Finlandiż kollu tal-Armata Żvediża u tal-Flotta Navali Rjali Żvediża hemmhekk. Saru pjanijiet addizzjonali ta' fortifikazzjoni tal-Peniżola ta' Hanko, iżda dawn ġew posposti.

Il-qabar ta' Augustin Ehrensvärd f'Suomenlinna.

Il-kostruzzjoni bdiet fil-bidu tal-1748 u baqgħet tespandi, tant li sa Settembru kien hemm madwar 2,500 raġel jibnu l-fortizzi. Inizjalment is-suldati kienu stazzjonati fil-volti tal-fortifikazzjonijiet, filwaqt li l-fizzjali kellhom kwartieri mibnijin apposta li kienu integrati fil-kompożizzjoni Barokka ġenerali tal-belt. L-iżjed pjan ambizzjuż tħalla nofsu komplut biss: pjazza Barokka f'Iso Mustasaari li kienet parzjalment ibbażata fuq il-mudell ta' Place Vendôme f'Pariġi. Iktar ma x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni mexew 'il quddiem, iktar ma nbnew binjiet residenzjali, bosta minnhom skont l-għamla tal-fortifikazzjonijiet. Ehrensvärd u wħud mill-fizzjali l-oħra kienu artisti akkaniti li kienu jpittru biż-żejt fuq it-tila u kienu jippreżentaw veduta tal-ħajja fil-fortizza matul il-kostruzzjoni tagħha, u kienu jagħtu l-impressjoni ta' komunità ta' "raħal fortizza" fuq tagħha.

Kuninkaanportti, id-Daħla tar-Re.

Minħabba t-theddidiet Russi ripetuti fl-1749 u fl-1750, saru iktar sforzi b'rabta mal-fortifikazzjonijiet tal-gżejjer a skapitu ta' dawk fuq l-art kontinentali, sabiex bażi sikura għall-operazzjonijiet setgħet tiġi żgurata għall-unitajiet navali Żvediżi tul il-kosta Finlandiża. Bl-użu tal-militar fil-gwarniġjon fil-Finlandja bħala l-forza tax-xogħol, il-kostruzzjoni baqgħet għaddejja b'iktar minn 6,000 ħaddiem fl-1750. Il-fortifikazzjonijiet f'Gustavssvärd tlestew fl-1751 u l-fortifikazzjonijiet prinċipali f'Vargö tlestew fl-1754. Il-fortizza kienet operazzjonali għalkollox għalkemm ma kinitx kompluta. Dawn il-kisbiet ma xekklux l-andament tal-kostruzzjoni u fl-1755 kien hemm 7,000 ħaddiem jaħdmu fil-kostruzzjoni tal-fortifikazzjonijiet 'il barra minn Helsingfors li dak iż-żmien kellha madwar 2,000 resident. Ix-xogħol sostanzjali ta' fortifikazzjoni fil-gżejjer fin-Nofsinhar tar-raħal wassal biex ikollha importanza ġdida u mhux mistennija. Il-parteċipazzjoni tal-Iżvezja fil-Gwerra tas-Seba' Snin rażżnet l-isforz ta' kostruzzjoni fl-1757, u wasslet ukoll għat-tmiem tal-fażi ta' kostruzzjoni rapida ta' Sveaborg.

Dan il-perjodu fl-istorja tal-Iżvezja kien magħruf bħala l-Era tal-Ħelsien, u matulu r-renju safa taħt iktar kontroll parlamentari, maqsum f'żewġ partiti politiċi, tal-Kpiepel (bl-Iżvediż: hattarna; il-Konservattivi) u tal-Kapep (bl-Iżvediż: mössorna). Ehrensvärd kien ġie appoġġat mill-partit tal-Kpiepel, għaldaqstant meta l-partit tal-Kapep kiseb il-poter fl-1766 huwa tneħħa mill-kariga tiegħu u ġie ssostitwit mill-partitarju akkanit tal-Kapep Christopher Falkengréen. Madankollu, wara l-1769 meta l-partit tal-Kpiepel reġa' kiseb il-poter, Ehrensvärd reġa' tqiegħed fit-tmun tal-flotta tal-arċipelagu Żvediż fil-Finlandja, uffiċjalment magħruf bħala l-arméens flotta ("flotta tal-armata"), u reġa' lura lejn Sveaborg. Minkejja dan ma sarx iktar progress fir-rigward tal-fortifikazzjonijiet meta Ehrensvärd miet fl-1772. L-isforzi ta' titjib tal-fortizza baqa' jsiru anke taħt Jacob Magnus Sprengtporten, iżda l-mandat tiegħu spiċċa ħesrem minħabba diżgwidi mar-Re Gustav III. Għal darb'oħra l-isforzi majnaw minħabba t-tnaqqis tal-gwarniġjoni, u fl-1776 il-kmandant ta' Sveaborg irrapporta li lanqas biss kellu biżżejjed nies militari biex ikopri għaxra fil-mija tal-artillerija preżenti fil-forti. Anke meta faqqgħet il-Gwerra bejn ir-Russja u l-Iżvezja fl-1788, Sveaborg baqa' mhux komplut.

Il-faċilitajiet għall-kostruzzjoni tal-bastimenti għall-flotta tal-arċipelagu Żvediż inbnew fi Sveaborg fis-snin 60 tas-seklu 18. Fl-1764 minn hemmhekk ġew varati l-ewwel tliet frejgati tal-arċipelagu. Minbarra l-kostruzzjoni tal-fortifikazzjonijiet u tal-bastimenti, it-taħriġ tal-uffiċjali navali nbeda għas-spejjeż ta' Ehrensvärd fi Sveaborg fl-1770. Ma kienx qabel l-1779 li ġiet stabbilita formalment hemmhekk skola militari navali.

Veduta minn Länsi-Mustasaari lejn Pikku-Mustasaari.

Sveaborg ġiet stabbilita u msaħħa skont il-ħtiġijiet tal-flotta tal-arċipelagu Żvediż u b'hekk ma setgħetx tagħmel tajjeb u terġa' tistabbilixxi l-flotta Żvediża wara l-Battalja ta' Hogland. Il-faċilitajiet fi Sveaborg ma kinux mill-aqwa lanqas jew lanqas kienu preżenti, speċjalment fil-postijiet maħsuba għall-indukrar tal-morda u tal-midruba. Il-kontroll Russu tal-ilmijiet 'il barra minn Sveaborg prattikament imblukkaw il-flotta Żvediża fi Sveaborg. Billi qatgħu r-rotta kostali tal-baħar biswit Hangö, ir-Russi pprevenew it-trasport tal-provvisti mill-Iżvezja għal Sveaborg. Il-flotta Żvediża finalment irnexxielha tbaħħar lejn il-bażi tagħha f'Karlskrona fl-20 ta' Novembru meta l-Baħar Baltiku kien diġà ffriża, tant li s-silġ kellu jiġi ssegat qabel ma ċerti bastimenti setgħu jiċċaqilqu. Il-flotta ma setgħetx tibqa' fi Sveaborg għax-xitwa peress li ma kellhiex il-faċilitajiet u l-provvisti għall-armar tal-bastimenti.

Pojama ttajjar il-bandiera navali blu tal-flotta tal-arċipelagu Żvediż f'Artilleriviken (Tykistölahti); pittura ta' Adolf Geete, 1760.

Filwaqt li r-rotta lejn l-Iżvezja reġgħet infetħet fl-aħħar tal-1788 u fil-bidu tal-1789, il-bastimenti Russi qatgħu l-kollegament minn Sveaborg għall-Iżvezja billi ffurmaw imblokk fil-Kap ta' Porkkala. Sveaborg kienet l-iżjed post importanti għall-kostruzzjoni u għall-armar tal-bastimenti tal-flotta tal-arċipelagu matul il-gwerra. Minkejja dan, u minkejja l-isforzi, diversi bastimenti baqgħu ma tlestewx fi Sveaborg sal-aħħar tal-gwerra. L-importanza ta' Sveaborg kienet magħrufa fost ir-Russi, u bħala parti mill-pjan operazzjonali wiesa' tagħhom għall-1790, kien hemm l-assedju ta' Sveaborg kemm mill-baħar kif ukoll mill-art.

Wara patt bejn Alessandru I u Napuljun, ir-Russja varat kampanja militari kontra l-Iżvezja u okkupat il-Finlandja fl-1808. Ir-Russi rnexxielhom jieħdu Helsingfors faċilment fil-bidu tal-1808 u bdew jibbumbardjaw il-fortizza. Il-kmandant tagħha, Carl Olof Cronstedt, innegozja waqfien mill-ġlied. Wara li sa Mejju ma waslux rinforzi Żvediżi, Sveaborg, bi kważi 7,000 raġel, arrendiet. Ir-raġunijiet wara l-azzjonijiet ta' Cronstedt huma pjuttost imċajpra; iżda s-sitwazzjoni dgħajfa, il-gwerra psikoloġika min-naħa tar-Russi, xi konsulenti (x'aktarx) imxaħħmin, il-biża' li popolazzjoni ċivili kbira setgħet titlef ħajjitha, in-nuqqas ta' porvli, u l-iżolament fiżiku tagħhom huma fost il-kawżi probabbli li wasslu biex jarrendi. Permezz tat-Trattat ta' Fredrikshamn fl-1809, l-Iżvezja ċediet it-territorju tal-Lvant tal-Finlandja tagħha u ġie stabbilit il-Gran Dukat tal-Finlandja fi ħdan l-Imperu Russu. L-era Żvediża fl-istorja Finlandiża, li kienet damet xi seba' sekli, b'hekk intemmet.

Tmexxija Russa

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kanuni navali f'Suomenlinna.

Wara li ħatfu l-kontroll tal-fortizza, ir-Russi bdew programm estensiv ta' kostruzzjoni, fil-biċċa l-kbira barrakki addizzjonali, u estendew it-tarzna u saħħew il-linji ta' fortifikazzjonijiet. Il-perjodu twil ta' paċi wara t-trasferiment tal-poter spiċċa fix-xejn meta faqqgħet il-Gwerra tal-Krimea tal-1853–1856. L-alleanza tal-Franċiżi, tal-Brittaniċi u tal-Ottomani ddeċidiet li tiġġieled kontra r-Russja minn żewġ fronti u bagħtet flotta Brittanika-Franċiża lejn il-Baħar Baltiku. Għal żewġ sjuf matul il-Gwerra ta' Åland, il-flotta attakkat l-irħula u l-fortifikazzjonijiet tul il-kosta Finlandiża. Il-bumbardament ta' Sveaborg (dak iż-żmien magħrufa wkoll bħala Viapori) mill-forzi ta' Richard Saunders Dundas u ta' Charles Pénaud fid-9 u fl-10 ta' Awwissu 1855 dam għaddej 47 siegħa u l-fortizza ġarrbet ħsarat estensivi, iżda ma rnexxielhomx jeqirdu l-artillerija Russa. Wara l-bumbardament, il-flotta Brittanika-Franċiża ma bagħtitx truppi l-art u minflok baħħret lejn Kronstadt.

Wara l-Gwerra tal-Krimea nbeda xogħol ta' restawr estensiv fi Sveaborg. Linji ġodda ta' swar u fortifikazzjonijiet bil-postijiet għall-artillerija nbnew fin-naħa tal-Punent u tan-Nofsinhar tal-gżejjer.

L-istadju ta' wara tal-armament ta' Sveaborg u tal-Golf tal-Finlandja seħħ qabel ma faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-fortizza u l-gżejjer ta' madwarha saru parti mill-"fortifikazzjoni navali ta' Pietru l-Kbir" maħsuba għas-salvagwardja tal-belt kapitali, San Pietruburgu.

Sjieda Finlandiża

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-bandiera ħamra u safra bl-iljun tal-Finlandja ġiet olzata f'Suomenlinna fil-bidu ta' April 1918 biex tfakkar il-ħtif tal-fortizza.

Wara r-Rivoluzzjoni Russa fl-1917, il-Finlandja ddikjarat l-indipendenza, iżda Sveaborg baqgħet taħt il-kontroll tal-forzi militari Russi. Matul il-Gwerra Ċivili Finlandiża, ċedew parti minnha lill-Gwardji Ħomor Finlandiżi f'Marzu 1918. Il-Bojod ħatfu l-fortizza bl-appoġġ Ġermaniż fil-bidu ta' April. Sveaborg ingħatat isimha attwali, Suomenlinna ("Kastell tal-Finlandja"), fit-12 ta' Mejju 1918, meta l-bandiera ħamra u safra bl-iljun — li ntużat temporanjament bħala l-bandiera nazzjonali tal-Finlandja — ġiet olzata fil-briju fuq l-arblu ta' Gustavssvärd, u ġew sparati tmien saluti minn żewġ kanuni Russi fuq l-art. Fiċ-ċerimonja tal-olzar tal-bandiera kien hemm diversi mistednin distinti, fosthom membri tas-Senat, il-kunsill tal-belt, u diversi uffiċjali militari għoljin. Il-bdil tal-isem tal-fortizza ġie propost mis-Senatur Kyösti Kallio.

Fl-1918 u fl-1919, il-gżejjer ospitaw kamp kbir ta' priġunieri wara l-gwerra ċivili. Mill-10,000 priġunier tal-Gwardji Ħomor fil-kamp tal-priġunieri ta' Suomenlinna, iktar minn 1,000 priġunier mietu bil-ġuħ u bil-mard. Tmenin priġunier ġew ġustizzjati.

Wara l-gwerra ċivili, il-fortizza ffunzjonat bħala gwarniġjon Finlandiż. Riġment tal-artillerija kostali, l-Akkademja Navali, u bażi għall-flotta tat-tneħħija tal-mini fil-baħar ġew stazzjonati fuq il-gżejjer. Saru wkoll sforzi ta' restawr fuq skala żgħira, u l-interess fil-fortizza bħala destinazzjoni turistika beda jikber. Matul il-Gwerra tax-Xitwa fl-1939–1940, Suomenlinna ospitat l-unitajiet tal-artillerija u ta' kontra l-inġenji tal-ajru u serviet bħala bażi għall-flotta tas-sottomarini. Matul il-Gwerra tal-Kontinwazzjoni, forzi militari Ġermaniżi ġew stazzjonati f'Suomenlinna. Il-fortizza ġarrbet xi ħsarat mill-bumbardamenti.

Wara l-gwerra, it-Tarzna ta' Valmet f'Suomenlinna bniet barkuni u bastimenti tat-tkarkir bħala rimedji għall-gwerra. Bniet ukoll bastimenti għall-Flotta Navali Finlandiża u għall-Gwardja Kostali Finlandiża, u wettqet xi tiswijiet fil-bastimenti tagħhom. Għall-200 anniversarju tal-fortizza fl-1948, ġew restawrati l-bitħa interna tal-Kastell ta' Susisaari (Vargö) u Kustaanmiekka (Gustavssvärd).

Ladarba ma baqgħetx prattika ħafna bħala bażi militari, Suomenlinna għaddiet taħt amministrazzjoni ċivili fl-1973. Ġie stabbilit dipartiment indipendenti tal-gvern, il-Korp ta' Governanza ta' Suomenlinna, sabiex jamministra dan il-kumpless uniku. Dak iż-żmien kien hemm dibattitu dwar l-isem Finlandiż, u wħud issuġġerew li jerġa' jintuża l-isem antik Viapori, iżda mbagħad inżamm l-isem il-ġdid. Il-preżenza tal-militar fuq il-gżejjer tnaqqset b'mod drastiku fl-aħħar deċennji. Ir-residenzi tal-gwarniġjon ta' Suomenlinna jospitaw l-Akkademja Navali (bil-Finlandiż: Merisotakoulu) tal-Flotta Navali Finladiża f'Pikku Mustasaari. Suomenlinna għadha ttajjar il-bandiera tal-gwerra jew il-bandiera statali tal-Finlandja b'għamla ta' denb ta' ħuttafa.

L-M/S Mariella għaddejja mill-istrett ta' Kustaanmiekka wara li telqet minn Helsinki fil-vjaġġ tagħha lejn Stokkolma.

Suomenlinna issa hija waħda mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari f'Helsinki kif ukoll post li jintuża għall-picnics mill-abitanti tal-belt. Fl-2009, rekord ta' 713,000 ruħ żaru Suomenlinna, l-iktar bejn Mejju u Settembru. Jeżistu għadd ta' mużewijiet fil-gżira, kif ukoll l-aħħar sottomarin Finlandiż li għadu jeżisti, Vesikko.

Hemm madwar 900 abitant permanenti fil-gżejjer, u 350 ruħ jaħdmu hemmhekk is-sena kollha.

Hemm kolonja tax-xogħol penali b'sigurtà minima (bil-Finlandiż: työsiirtola) f'Suomenlinna, u l-priġunieri li jgħixu fiha jaħdmu fil-manutenzjoni u fir-rikostruzzjoni tal-fortifikazzjonijiet. Jiġu aċċettati fil-kolonja tax-xogħol penali priġunieri voluntiera biss li jwegħdu li ma jużawx sustanzi kkontrollati.

L-M/S Suomenlinna II tittrasporta r-residenti, it-turisti u l-vetturi lejn il-port ta' Suomenlinna u minnu.

Għall-pubbliku ġenerali, Suomenlinna hija moqdija mil-laneċ is-sena kollha, u fl-1982 inbniet mina ta' servizz li tipprovdi t-tisħin, l-ilma u l-elettriku. Fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, il-mina ġiet immodifikata sabiex tintuża wkoll għat-trasport f'każ ta' emerġenza.

It-trasport mill-gżira u lejha ġeneralment ma joperax bejn it-03:00 u s-06:00 kuljum, iżda mill-bqija huwa pjuttost regolari u frekwenti.

Suomenlinna ilha rinomata bħala post ta' kultura avant-garde. F'nofs is-snin 80 tas-seklu 20, iċ-Ċentru tal-Arti Nordika ġie stabbilit fuq il-gżira. Diversi binjiet ġew ikkonvertiti fi studjos tal-artisti, li jinkrew mill-amministrazzjoni b'rati raġonevoli. Matul is-sajf ikun hemm skola tal-arti għat-tfal. L-ispettakli li jittellgħu fit-teatru tas-sajf ta' Suomenlinna regolarment jattiraw bosta folol.

Bejn it-2 u s-6 ta' Settembru 2015, is-servizz postali Finlandiż wettaq test tal-użu tad-droni għall-kunsinna tal-pakketti tal-posta bejn Helsinki u Suomenlinna. Il-pakketti kienu limitati sa 3 kg (7 libbri) jew inqas, u t-titjiriet kienu jiġu kkontrollati minn bdot.

Il-gżira tospita hostel li topera f'binja kkonvertita ta' skola, li nbniet fl-1908 u li ntużat bħala skola Russa (1909-1917), uffiċċju militari (1918-1919), skola Finlandiża (1920-1959), u sala tal-ikel u post tad-divertiment għas-suldati (1959-1972).

Il-Knisja ta' Suomenlinna, li nbniet fl-1854, ġiet adattata fl-1929 biex tinkludi d-dawl ta' fanal. Kemm il-knisja kif ukoll id-dawl tal-fanal għadhom attivi sal-lum. Id-dawl tal-fanal ġie mmodernizzat biex juża l-LEDs fl-2019.

Il-mini f'Suomenlinna.
  • 1748: bdiet il-kostruzzjoni ta' Sveaborg taħt il-kmand ta' Augustin Ehrensvärd.
  • 1808: Sveaborg arrendiet kontra r-Russja mingħajr l-ebda oppożizzjoni matul il-Gwerra tal-Finlandja.
  • 1809: it-Trattat ta' Fredrikshamn: il-Finlandja saret parti mir-Russja.
  • 1855: il-Gwerra tal-Krimea: il-flotta navali Brittanika-Franċiża bbumbardjat Sveaborg u kkawżat ħsarat sostanzjali.
  • 1906: ir-Ribelljoni ta' Sveaborg: is-suldati Russi jħejju pjan kontra l-ksar.
  • 1914–1917: inbniet linja ta' fortifikazzjonijiet tal-art u tal-baħar imsejħa Krepost Sveaborg madwar Helsinki.
  • 1917: il-Finlandja saret indipendenti wara r-Rivoluzzjoni Russa.
  • 1918: l-isem Suomenlinna sar l-isem uffiċjali tal-fortizza fil-Finlandja. Il-kamp tal-priġunieri tar-ribelli Ħomor ġie stabbilit f'Suomenlinna wara l-Gwerra Ċivili Finlandiża.
  • 1921: Valtion lentokonetehdas (il-Fabbrika Statali tal-Inġenji tal-Ajru) bdiet tibni l-ajruplani u żlitti motorizzati f'Suomenlinna għall-Forza tal-Ajru Finlandiża. Fl-1936, il-fabbrika ġiet ittrasferita lejn Tampere.
  • 1973: Suomenlinna saret żona b'amministrazzjoni ċivili.
  • 1991: Suomenlinna saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fortizza ta' Suomenlinna ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Il-poeta Finlandiż-Żvediż Johan Ludvig Runeberg kiteb poeżija msejħa Sveaborg, waħda mill-35 poeżija qasira li flimkien jikkostitwixxu l-ġrajja epika tiegħu msejħa Il-Ġrajjiet ta' Ensign Stål. Tinkludi dawn iż-żewġ versi dwar il-fortizza, li jalludu b'mod speċifiku għall-bastjun tax-"Xabla ta' Gustav" (Gustavssvärd) u għall-artillerija tiegħu:

Iħares fuq il-baħar u l-fjord,

B'għajnejn tal-granit.

Jgħolli sew ix-xabla ta' Gustav,

U kburi jgħid: "Azzarda avvanza!".

Din ix-xabla ma titbaxxiex biex tolqot,

Tleqq biss u b'hekk teqred.

Tħallux lil min jazzarda joqrob lejn il-gżira

Meta tfaqqa' l-gwerra.

Tiddisturbawx ir-reġina tal-baħar

Fil-mument li tinkorla:

Din twassallek messaġġi ta' mewt,

Bl-istorbju tal-isparar ta' elf kanun. (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Sveaborg tissemma wkoll fil-lirika tal-innu ta' Gunnar Wennerberg tal-1849 O Gud, som styrer folkens öden ("O Alla, li tiddirieġi d-destin tan-nies"), fejn "l-era tal-ħelsien" tal-Iżvezja tiġi deskritta bħala "... il-protezzjoni tagħna fil-perikli kiebja, il-konsolazzjoni tagħna f'kull mument ta' niket, id-difiża tagħna kontra l-qawwiet eġemoni, u iktar b'saħħitha minn Sveaborg". Peress li dan il-kliem inkiteb erbgħin sena wara li l-Iżvezja ċediet il-Finlandja lir-Russja, l-użu ta' Sveaborg bħala similitudni għandha tifsiriet storiċi apposta.

George R. R. Martin kiteb ġrajja qasira dwar kif ġiet ċeduta Sveaborg, imsejħa "Il-Fortizza", meta kien student tal-iskola postsekondarja. Din ġiet ippubblikata fil-volum ta' ġrajjiet qosra tiegħu tal-2007, imsejjaħ Dreamsongs (Kanzunetti tal-Ħolm).

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Mattila, Tapani (1983). Meri maamme turvana [Sea safeguarding our country] (bil-Finlandiż). Jyväskylä: K. J. Gummerus Osakeyhtiö. ISBN 951-99487-0-8.
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Fortress of Suomenlinna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-09.