Aqbeż għall-kontentut

Forti ta' Rohtas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-Daħla ta' Kabul tal-Forti ta' Rohtas.

Il-Forti ta' Rohtas (bil-Paxto: د روهتاس قلعہ; bil-Punjabi: روہتاس قلعہ, b'ittri Rumani: Rohtās Qillā; bl-Urdu: قلعہِ روہتاس, b'ittri Rumani: Qilā-e-Rohtās) huwa ċittadella tas-seklu 16 u jinsab qrib il-belt ta' Dina fid-disrett ta' Jhelum, Punjab, il-Pakistan. Todar Mal, il-ministru tar-re tad-dinastija Sur Sher Shah Suri, issorvelja l-kostruzzjoni tal-forti li issa huwa wieħed mill-ikbar u mill-iktar grandjużi f'Punjab.

Il-forti għadu relattivament intatt u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. L-UNESCO ddeskrivietu bħala "eżempju eċċezzjonali tal-arkitettura militari Musulmana tal-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar tal-Asja".[1][2]

Il-Forti ta' Rohtas jinsab madwar 16-il kilometru (9.9 mili) fil-Majjistral ta' Jhelum, qrib il-belt ta' Dina. Il-forti jinsab 3 kilometri (1.9 mil) minn Khukha u minn Gaggar Khurd u 8 kilometri (5.0 mili) fin-Nofsinhar tar-Rotta l-Kbira tas-Sniedaq, waħda mill-iktar rotot tal-qedem tal-Asja. Ir-Rotta Storika ta' Badshahi fl-imgħoddi kienet tgħaddi tul is-swar esterni tat-Tramuntana tal-forti.

Il-Forti ta' Rohtas jinsab fuq għolja fil-Katina Muntanjuża ta' Tilla Jogian, faċċata ta' fondoq fejn ix-xmara Kahān tiltaqa' ma' nixxiegħa staġonali msejħa Parnal Khas. Il-forti huwa ppożizzjonat 91.5 metru (300 pied) 'il fuq mill-pajsaġġ ta' madwaru. Jinsab 819-il metru (2,687 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u jkopri erja ta' 70 ettaru (170 akru).

Qrib in-naħa tat-Tramuntana tal-Forti ta' Rohtas, biswit id-Daħla ta' Talaqi tal-forti, hemm Gurdwara Chowa Sahib.

Żmien id-dinastija Sur

[immodifika | immodifika s-sors]
"Raje Gaut, it-triq prinċipali lejn Rotas Ghur", inċiżjoni ta' Thomas Daniell, 1795.

Sher Shah Sur, il-fundatur tal-Imperu Sur, ikkummisjona l-Forti ta' Rohtas skont il-parir tal-ġenerali tiegħu, li ssuġġerewlu juża strateġija tal-ħruq tal-art biex jegħleb it-tribù Musulmana lokali tal-Gakhar f'Punjab, li kienu għadma iebsa għad-dinastija Sur, qrib ir-reġjun tal-Katina Muntanjuża ta' Salt f'Punjab.[3] B'hekk ġiet stabbilita l-idea tal-Forti ta' Rohtas, u Sher Shah stabbilixxa l-pedamenti tal-forti. Il-forti kien jokkupa pożizzjoni strateġika bejn il-muntanji tal-Afganistan u l-pjanuri ta' Punjab, sabiex Humayun ma jerġax lura l-Indja mill-eżilju tiegħu fil-Persja. Isem il-forti jfakkar il-ħakma tal-Forti ta' Rohtas fid-distrett ta' Shahabad, Bihar minn idejn prinċep Induist min-naħa ta' Sher Shah Suri fl-1539.

Il-kostruzzjoni tal-Forti ta' Rohtas bdiet fl-1541 taħt is-superviżjoni tal-ministru għall-finanzi Todar Mal, li kien Khatri minn Punjab. Madankollu, il-kostruzzjoni tal-forti waqfet ħesrem meta l-popolazzjoni Gakhar lokali ma riditx taħt fuq il-kostruzzjoni. Dan għaliex l-irġiel kollha tat-tribù għamlu wegħda li ma jikkooperawx mad-dinastija Sur sabiex ma jiġux mhedda bi skomunika jew bi tkeċċija. Għaldaqstant Todar Mal ma rniexxilux isib imqar ħaddiem biex jgħin fil-kostruzzjoni tal-forti. L-affarijiet baqgħu hekk sakemm skont l-ordnijiet ta' Sher Shah huwa żied il-pagi tal-ħaddiema tant li bosta Gakhar tħajjru jgħinu fil-kostruzzjoni tal-forti. Sher Shah Suri laħaq miet fl-1545 qabel ma tlesta l-forti.[4]

Żmien id-dinastija Mugal

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Forti ta' Rohtas inbniet fuq għolja faċċata ta' Gaggar Khurd.

Mal-mewt ta' Sher Shah Suri, Humayaun irritorna biex imexxi r-reġjun ta' Punjab. Il-Forti ta' Rohtas ġie ċedut lil Humayun fl-1555. B'hekk, il-forti tilef ħafna mill-importanza difensiva li kellu. Qatt ma kien popolari mad-dinastija Mugal minħabba l-istil militari sempliċi tiegħu u n-nuqqas ta' ġonna. Fis-snin 80 tas-seklu 16, l-Imperatur Akbar bena l-Forti ta' Attock fil-qrib li iktar kien jaqdi l-interessi tad-dinastija Mugal.

Akbar baqa' fil-Forti ta' Rohtas għal lejla waħda biss. L-Imperatur Jahangir straħ hemmhekk għal lejla matul il-vjaġġ tiegħu lejn Kashmir. Huwa nnota li "Dan il-forti ġie stabbilit f'xaqq u l-qawwa tiegħu lanqas biss setgħet tiġi immaġinata". Iktar 'il quddiem, wara r-ritorn rebbieħ tiegħu mill-eżilju mġiegħel tiegħu f'Jahangir, huwa laqqa' l-qorti tiegħu fil-Forti ta' Rohtas għal żmien qasir.

Matul l-era tad-dinastija Mugal, il-forti kien jintuża kważi b'mod kontinwu sal-1707. Il-mexxej Afxarid Nader Shah ikkampja fil-forti matul l-invażjoni tiegħu tal-Imperu Mugal. Imbagħad, il-forti ntuża mill-kap Afgan Durrani, Ahmad Shah Durrani, matul l-invażjonijiet tiegħu f'Punjab kontra s-Sikh.[5][6]

Żmien l-Imperu Sikh

[immodifika | immodifika s-sors]

Gurmukh Singh Lamba ħataf il-Forti ta' Rohtas fl-1825 mingħand Nur Khan, kap tat-tribù Gakhar. Raja Fazal Din Khan kien l-aħħar li uża l-Forti ta' Rohtas għal skopijiet militari meta pparteċipa f'ribelljoni ta' suċċess immexxija minn Sher Singh fl-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 19; madankollu, il-forti qatt ma esperjenza xi ġlied. L-Imperu Sikh uża l-forti għal skopijiet amministrattivi sa ma l-Brittaniċi ħatfu r-reġjun fl-1849.[7][8]

Id-disinjaturi tal-Forti ta' Rohtas hemżu iktar valur lill-funzjoni tas-sit milli lill-għamla tiegħu. L-istil tiegħu huwa influwenzat mit-tradizzjonijiet artistiċi Torok, tal-Lvant Nofsani u tan-Nofsinhar tal-Asja.

Mappa tal-konfigurazzjoni tal-forti.

Konfigurazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Rohtas ikopri erja ta' 70 ettaru (170 akru), u huwa mdawwar b'4 kilometri (2.5 mili) ta' swar. It-torrijiet tal-bastjuni u t-tnax-il daħla monumentali tiegħu jagħtu aċċess għan-naħa ta' ġewwa tal-forti. Il-forti għandu għamla ta' triangolu irregolari u jsegwi l-kontorn tal-għolja li fuqha nbena. In-naħa tal-Majjistral tal-forti hija mdawwra bil-ħitan u hija separata mill-bqija tal-istruttura b'ħajt ta' 533 metru (1,749 pied). Is-sezzjoni mdawwra bil-ħitan kienet tintuża bħala ċittadella għall-elit u fl-imgħoddi kienet tesa' sa 30,000 ruħ.

Il-fortifikazzjonijiet difensivi tal-forti ssaħħu b'bastjuni kbar.

Is-swar tal-forti huma tal-ġebel ramli u tal-brikks imkaħħla bil-ġir. L-għoli tas-swar ta' barra jvarja bejn 10 metri (33 pied) u 18-il metru (59 pied), bi ħxuna bejn 10 metri (33 pied) u 13-il metru (43 pied). Il-ħitan iffortifikati jinkludu 68 torri tal-bastjuni f'intervalli irregolari. Is-swar isegwu l-kontorn tal-quċċata tal-għolja.

Is-swar tal-forti kellhom sa tliet meded ta' artijiet imtarrġa f'livelli differenti, ikkollegati bejniethom permezz ta' taraġ. Il-medda ta' fuq nett għandha bastjuni b'għamla ta' pizzi li minnhom is-suldati setgħu jisparaw bl-ixkubetti tagħhom u jferrgħu ċ-ċomb imdewweb fuq l-għadu. Barra minnhekk, il-forti jinkludi mijiet ta' toqob żgħar, kull waħda mżejna bir-reqqa b'disinn ġeometriċi. Dawn it-toqob żgħar kien iservu għad-drenaġġ tal-ilma tax-xita iżda anke biex is-suldati setgħu jferrgħu ċ-ċomb imdewweb jew likwidi jikwu oħra mill-ħitan ta' ġewwa għal dawk ta' barra kontra l-għadu li kien jippruva jitla' mas-swar tal-forti.

Il-Forti ta' Rohtas għandu 14-il daħla tal-blokok tal-ġebel griż.

Id-Daħla ta' Sohail.

Id-Daħla ta' Sohail x'aktarx li fiha l-aqwa lavur tal-bennejja tal-Imperu Sur u x'aktarx li kienet tintuża bħala d-daħla prinċipali ċerimonjali tal-forti. L-isem tad-daħla oriġina mill-qaddis lokali, Sohail Bukhari, midfun fil-Lbiċ tad-daħla.

Din id-daħla rettangolari hija għolja 21.34 metru (70.0 pied), wiesgħa 20.73 metru (68.0 pied), u fonda 15-il metru (49 pied). L-arkata ċentrali tagħha hija wiesgħa 4.72 metri (15.5-il pied) u l-għamla tagħha tinżamm għall-fond kollu tad-daħla. Id-daħla hija mżejna b'motivi ta' fjuri ornamentali u b'dekorazzjonijiet iktar rikki mal-faċċata esterna tagħha. Fiha seba' battaljuni tul il-faċċata esterna tagħha. Fis-sular ta' fuq tad-daħla hemm kamra bi twieqi li jagħtu għan-naħa ta' ġewwa tal-forti. Hemm ukoll tieqa żgħira fin-nofs tal-ħnejja interna.

Shah Chandwali

[immodifika | immodifika s-sors]

Shah Chandwali hija daħla doppja li tikkollega ċ-ċittadella mal-forti prinċipali. Id-daħla esterna tagħti għaċ-ċittadella. Hija wiesgħa 13.3-il metru (44 pied) u fonda 8.23 metri (27.0 pied). Id-daħla interna hija sempliċi arkata wiesgħa 3.66 metri (12.0-il pied). Isem id-daħla oriġina mill-qaddis Shah Chandwali li rrifjuta li jaħdem fuq id-daħla għal xi paga. Huwa miet hu u jaħdem fil-kostruzzjoni tad-daħla u ndifen fil-qrib. Is-santwarju tiegħu għadu jeżisti sal-lum.

Id-Daħla ta' Kabul tagħti għall-Majjistral fid-direzzjoni ġenerali ta' Kabul, l-Afganistan, il-belt li għaliha ssemmiet din id-daħla. Issa d-daħla tospita ċentru ta' informazzjoni għall-viżitaturi u mużew stabbilit mill-Fondazzjoni tan-Natura Selvaġġa tal-Himalayas.

Id-daħla jaf inbniet f'żewġ stadji. Tikkonsisti minn daħla interna u esterna b'bir imtarraġ fi ħdanha. Il-fetħa tagħha hija wiesgħa 3.15 metri (10.3 piedi) u fuq kull naħa tagħha hemm żewġ bastjuni. Id-daħla fiha ħames bastjuni fuq nett, b'taraġ li jagħti fuq il-ħajt estern. Fin-Nofsinhar tad-daħla hemm il-Moskea ta' Shahi, li ħafna jafuha bħala Shahi Darwaza.

Isem id-Daħla ta' Shishi oriġina mill-madum igglejżjat li jżejjen l-arkata esterna tagħha. Dan il-madum ikħal huwa l-iżjed eżempju bikri magħruf ta' din it-teknika, li iktar 'il quddiem ġiet irfinuta f'Lahore. Fix-xellug tad-daħla hemm inċiżjoni ta' kalligrafija mnaqqxa bid-data tal-kostruzzjoni tal-forti. L-inċiżjoni bil-Persjan tgħid:

Fis-sena Hijri 948 [1541 W.K.] wasal is-setgħan

Li bena l-forti l-kbir dak iż-żmien

L-Imperatur Sher, għomru twil

Ħadd ma għandu l-ġid li għandu hu

Il-forti tlesta minn Shahu Sultan.

Pjanta tad-Daħla ta' Langar Khani.

Id-Daħla ta' Langar Khani tagħti direttament fiċ-ċittadella iżda ġiet iddisinjata bħala nasba f'linja diretta tal-isparar mill-bastjuni tal-forti. Hija daħla doppja b'fetħa b'arkata ċentrali, għolja 15.25-il metru (50.0 pied) u wiesgħa 3.5 metri (11-il pied). L-arkata esterna fiha tieqa żgħira bħad-Daħla ta' Sohail. Il-fetħa esterna tagħti għal Langar Khana (kċina). Fuq kull naħa tad-daħla hemm żewġ bastjuni li jinkludu kċejjen, imħażen u bir għall-ilma. Il-fetħa ta' din id-daħla għandha għamla tal-ittra L, u b'hekk wieħed irid idur lejn il-lemin wara li jidħol minn ġo fiha. Id-daħla hija mżejna b'inċiżjonijiet ta' kalligrafija mnaqqxa.

Id-Daħla ta' Talaqi għandha żewġ bastjuni fuq kull naħa. Id-daħla hija għolja 15.25-il metru (50.0 pied) u wiesgħa 13.8-il metru (45 pied). Din id-daħla fiha replika tal-inċiżjoni ta' kalligrafija mnaqqxa mad-Daħla ta' Shishi. L-oriġini tal-isem tad-Daħla ta' Talaqi mhix magħrufa. Uħud isostnu li isem id-daħla ġej minn "Talaq", li tfisser "divorzju". Skont leġġenda oħra, il-Prinċep Sabir Suri daħal minn din id-daħla u kellu attakk tad-deni fatali. Mewtu ġiet meqjusa bħala seħta, u b'hekk id-daħla bdiet tissejjaħ bħala d-Daħla ta' "Talaqi".

Id-Daħla ta' Mori tagħti għat-Tramuntana u tħares lejn Kashmir. B'hekk, din id-daħla tissejjaħ ukoll bħala d-Daħla ta' Kashmir. Id-Daħla ta' Mori tagħti għal kompartiment wieħed, li jagħti għal kompartiment ieħor.

Id-Daħla ta' Gatali.

Khwas Khani hija daħla doppja li ngħatat dan l-isem f'ġieħ wieħed mill-ikbar ġenerali ta' Sher Shah Suri, Khawas Khan Marwat. Din kienet id-daħla prinċipali oriġinali tal-forti mir-Rotta l-Kbira tas-Sniedaq. Id-daħla esterna hija wiesgħa 12.8-il metru (42 pied) u fonda 8 metri (26 pied). Id-daħla esterna fiha bastjun b'ħames pizzi fil-quċċata, u maġenb il-ħitan difensivi hemm il-kanuni. Il-pizzi kollha fihom toqob apposta biex is-suldati setgħu jisparaw minnhom jew iferrgħu xi likwidi jikwu fuq l-għadu.

Id-daħliet interni u esterni huma kważi identiċi. In-naħa ta' ġewwa tad-Daħla ta' Khwas Khani fiha battaljuni b'ħames pizzi wkoll, u b'hekk hija unika fost id-daħliet interni tal-forti. L-arkati interni u esterni fihom inċiżjonijiet ta' kalligrafija u motivi ta' ġirasol bħad-Daħla ta' Sohail. Id-daħla interna fiha wkoll kamra bit-twieqi li jagħtu għal ġewwa u għal barra. Id-daħla hija aċċessibbli minn naħa waħda u tinkludi bir imtarraġ uniku, li jagħti x'jifhem li x'aktarx kienet tintuża mill-familja rjali.

Id-Daħla ta' Gatali hija daħla unika għolja 9.15 metri (30.0 pied) u fonda 6.1 metri (20 pied). Tħares lejn il-punt tal-qsim tax-xmara tal-villaġġ ta' Gatali, magħruf ukoll bħala Patan Gatiali jew Gatiyalian. Dan il-punt kien kritiku għall-qsim tax-xmara Jhelum lejn il-Wied ta' Kashmir. Id-Daħla ta' Gatali hija mżejna b'inċiżjonijiet ta' kalligrafija mnaqqxa.

Id-Daħla ta' Sar hija daħla żgħira li milli jidher saret min-nies tal-post billi waqqgħu l-ħajt prinċipali (il-konfini estern) bħala passaġġ għall-ġungla fil-qrib. Qrib din id-daħla hemm bastjun. Isem id-daħla oriġina mill-għadira mitluqa ta' quddiemha li ilha teżisti mill-bidu tal-forti; "Sar" tfisser "għadira".

Tulla Mori u Pippli

[immodifika | immodifika s-sors]

Tulla Mori u Pippli iktar huma entrati milli daħliet. Tulla Mori, wiesgħa 2 metri (6.6 piedi), tinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-forti u biswitha hemm bastjun. Pippli hija wiesgħa 2.13 metri (7.0 piedi).

Il-fdalijiet tal-Moskea Rjali.

Il-moskea rjali ż-żgħira ta' Shahi Masjid tinsab qrib id-Daħla ta' Kabul u hija l-iżjed binja mżejna fost il-binjiet oriġinali tal-forti.

Il-moskea tinkludi kompartiment għat-talb u bitħa żgħira. Mill-bitħa hemm taraġ li jagħti sal-quċċata tad-Daħla ta' Kabul. Il-ħajt estern tal-moskea huwa wkoll fortifikazzjoni, li jfisser li s-suldati kienu jimxu fuq il-bejt tal-moskea.

Il-motiv tal-ġirasoli bl-inċiżjoni ta' "Allah".

Il-kompartiment għat-talb huwa twil 19.2-il metru (63 pied) u fond 7.3 metri (24 pied). Fih tliet sezzjonijiet indaqs b'soqfa bil-koppli li mhumiex viżibbli minn barra l-istruttura. Il-Pesh Imam (il-mexxej tat-talb) kellu kamra żgħira fl-aħħar tal-kompartiment għat-talb. Din il-kamra għandha koppla żgħira fuq ġewwa, li wkoll mhix viżibbli minn barra l-moskea. Il-moskea ma fihiex post għat-tisfija (it-tindif bl-ilma qabel it-talb).

Il-moskea għandha tinqix dekorattiv fil-ġebel b'motiv ta' ġirasoli u ta' kalligrafija. Tinqixa partikolari tinsab barra l-kamra tal-Pesh Imam u turi l-kelma "Allah" bil-kalligrafija Għarbija. L-amberżuni tal-quċċata tal-Moskea Rjali għandhom l-istess tinqix. Il-motiv tal-ġirasoli jinsab ukoll fuq kull naħa tal-arkati tal-Moskea Rjali u l-postijiet tal-għassa bejn kull daħla. Hemm ukoll tinqix tond tas-Sitt Kalima bil-kitba Naskh, imdawwar bil-ġilju, fuq il-ħajt estern tal-moskea.

Rani Mahai jew il-Palazz tar-Reġina.

Ir-Raja Man Singh Haveli, li jinsab fl-ogħla punt taċ-ċittadella, huwa l-uniku palazz tal-forti. Ir-Rani Mahal (il-Palazz tar-Reġina) hija struttura ta' sular li tinsab fi ħdan il-forti. Oriġinarjament kellha erbat ikmamar, iżda llum il-ġurnata għad fadal kamra waħda biss ta' 2.45 metri b'2.45 metri (8.0 piedi bi 8.0 piedi), u għolja 6.1 metri (20 pied), b'tiżjin mill-isbaħ minn ġewwa u minn barra. In-naħa ta' ġewwa tas-saqaf hija mżejna bi fjuri dekorattivi, disinni ġeometriċi u twieqi taparsi. Il-koppla tal-ġebel hija mnaqqxa minn barra u qisha fjura.

Il-bir imtarraġ ċentrali.

Bjar imtarrġin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-forti hemm tliet baoli jew bjar imtarrġin, imħaffrin fil-fond fil-ġebla tal-ġir. Il-bir imtarraġ ċentrali jinsab fin-nofs tal-forti u kien jintuża mis-suldati, mill-iljunfanti u miż-żwiemel. Dan il-bir imtarraġ fih 148 tarġa. Kull tarġa hija wiesgħa 20 ċentimetru (8 pulzieri). Tul il-bjar hemm ukoll tliet arkati.

Il-bir imtarraġ irjali jinsab qrib id-Daħla ta' Kabul. Fih 60 tarġa u kompartimenti żgħar li kienu jintużaw bħala banjijiet mill-familja rjali. Il-bir imtarraġ qrib id-Daħla ta' Sar huwa iżgħar u x'aktarx li kien jintuża mis-suldati.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Rohtas ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Il-forti huwa magħruf għall-integrità u għall-awtentiċità tiegħu. L-arkata ċentrali tad-Daħla ta' Chandwali dan l-aħħar ġiet irrestawrata u hija l-unika kostruzzjoni moderna tal-forti. Madankollu, fil-bidu tal-2005, il-faċċata interna tax-xellug tad-Daħla ta' Talaqi ċediet minħabba li daħal l-ilma, bix-xita qliel u bit-telqa ġenerali li kienet tinsab fiha. Fl-istess żmien, in-naħa tal-lemin u l-pedament tas-sit inqatgħu mill-istruttura oriġinali. Maż-żmien, il-bastjun tal-lemin tad-Daħla ta' Gatali u l-ħajt ta' appoġġ tiegħu ċedew minħabba li daħal l-ilma tax-xita u minħabba l-erożjoni tal-pedamenti.

Il-Fondazzjoni tan-Natura Selvaġġa tal-Himalayas stabbiliet il-Programm ta' Konservazzjoni tal-Forti ta' Rohtas fis-sena 2000 biex tgħin fil-promozzjoni u fl-iżvilupp tal-forti bħala wirt storiku. Il-fondazzjoni qed twettaq diversi proġetti flimkien mal-Ambaxxata Rjali Norveġiża, inkluż it-tlestija tar-restawr tad-Daħla ta' Shah Chandwali u l-konservazzjoni ta' Haveli Man Singh, id-Daħla ta' Talaqi, u d-Daħla ta' Gatali. Il-proġett kien jinkludi wkoll il-ħolqien tal-Mużew ta' Sher Shah Suri fis-sular ta' fuq tad-Daħla ta' Sohail.

Ordni ta' żgumbrament

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1992, il-gvern tal-Pakistan ordna liċ-ċittadini tal-belt ta' Rohtas jitilqu min-naħa ta' ġewwa tal-forti, u stqarr li kienu se jinbnew djar għalihom fuq in-naħa ta' barra tal-forti. Zafar Chughtai, il-President tal-belt ta' Rohtas, oppona l-ordna u ddikjara li l-ebda gvern ma seta' jieħu l-proprjetà taċ-ċittadini ta' Rohtas. L-ordni ta' żgumbrament għadha effettiva, iżda l-ebda gvern sussegwenti ma ħsieb iwettaqha u b'hekk ir-residenti tħallew joqogħdu fi ħdan il-forti.[9]

  1. ^ a b ċ "Rohtas Fort - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-08.
  2. ^ Archaeology, Current World (2006-05-07). "Pakistan: Rohtas Fort" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-13.
  3. ^ Beveridge, H. (1907). The Akbarnama Of Abul Fazl Vol. 1. pp. 398–399.
  4. ^ orientalarchitecture.com. "Rohtas Fort, Jhelum, Pakistan". Asian Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-13.
  5. ^ Dale, Stephen Frederic (1994). Indian Merchants and Eurasian Trade, 1600-1750. Cambridge University Press. p. 33. ISBN 978-0-521-52597-8.
  6. ^ Bhramadeva Prasad Ambashthya. Tarikh I Sher Shahi Of Abbas Khan Sarwani Persian To English K P Jayaswal Research Institute Patna Bhramadeva Prasad Ambashthya. pp. 817–818.
  7. ^ umair.jaffar (2011-09-18). "Rohtas fort — the treasure of Potohar". The Express Tribune (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-13.
  8. ^ Mehta, J.L. (2005). Advanced Study in the History of Modern India 1707-1813. New Dawn Press, Incorporated. p. 259. ISBN 9781932705546.
  9. ^ "Rohtas Fort is one of the largest and most formidable in the subcontinent... | Explore Pakistan | PrideofPakistan.com". www.prideofpakistan.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-13.