Fdalijiet ta' Gedi

Il-Fdalijiet ta' Gedi huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO qrib il-kosta tal-Oċean Indjan tal-Lvant tal-Kenja.[1] Is-sit jinsab biswit ir-raħal ta' Gedi (magħruf ukoll bħala Gede) fid-Distrett ta' Kilifi u fi ħdan il-Foresta ta' Arabuko-Sokoke.[2]
Gedi huwa wieħed minn bosta insedjamenti kostali Swahili Medjevali estiżi minn Barawa, is-Somalja sax-xmara Żambeżi fil-Mozambique.[3] Hemm 116-il sit Swahili magħrufa li huma estiżi min-Nofsinhar tas-Somalja sa Vumba Kuu fil-fruntiera bejn il-Kenja u t-Tanzanija.[4] Mill-iskoperta mill-ġdid tal-fdalijiet ta' Gedi mill-kolonjalisti fis-snin 20 tas-seklu 20, Gedi kien wieħed mill-iżjed siti li ġew skavati u studjati, flimkien ma' Shanga, Manda, Ungwana, Kilwa, u l-Comoros.[5][6]
Is-sit ta' Gedi jinkludi raħal imdawwar bil-ħitan u ż-żona ta' madwaru.[7][8] Il-binjiet kollha li għadhom weqfin f'Gedi, fosthom moskej, palazz u bosta djar, huma magħmula mill-ġebel, fihom sular, u mhumiex imqassmin b'mod uniformi fir-raħal. Hemm ukoll spazji fil-beraħ fi ħdan l-insedjament li kien fihom djar tal-ħamrija/tat-tajn u tal-ħuxlief.[9][10] L-"oqbra bil-pilastri" tal-ġebel huma tip distintiv ta' arkitettura kostali Swahili li tinsab f'Gedi wkoll.
Il-pożizzjoni ta' Gedi tul il-kosta u l-assoċjazzjoni tas-sit ma' siti simili tul il-kosta Swahili wasslu biex ikun ċentru kummerċjali importanti. Għalkemm hemm ftit dokumenti storiċi assoċjati speċifikament mal-kummerċ ta' Gedi fl-Oċean Indjan, huwa maħsub li s-sit kien wieħed mill-iżjed siti importanti tul il-kosta. L-arkitettura ta' Gedi u abbundanza ta' kultura materjali importata, inkluż bċejjeċ tal-fuħħar, żibeġ u muniti, jipprovdu evidenza tal-prosperità dejjem tiżdied tal-belt matul l-okkupazzjoni tagħha diġà mis-seklu 11 sal-abbandun tagħha fil-bidu tas-seklu 17.[11][12]
Storja tal-iskoperta u tal-iskavi
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm is-sit ta' Gedi baqa' mhux magħruf għall-biċċa l-kbira tal-kolonjalisti Brittaniċi tal-Lvant tal-Afrika sas-snin 20 tas-seklu 20, is-sit kien magħruf fost il-popli Mijikenda lokali. Attwalment, il-poplu Giriama, wieħed mit-tribujiet Mijikenda, għandu komunità kbira madwar il-fdalijiet ta' Gedi li jqis is-sit bħala sagru u bħala post spiritwali. Minkejja bidliet fis-sistema tat-twemmin tiegħu u l-prominenza tal-Iżlam fir-reġjun, huwa maħsub li l-ispirti ħżiena u anċestrali jirresjedu f'Gedi. Skont it-tradizzjoni lokali, il-fdalijiet huma protetti mill-ispirti tal-patrijiet tagħhom. Dawn l-"Anzjani" jingħad li jitfgħu seħta fuq kull min jagħmel ħsara lis-sit.
Il-fdalijiet ta' Gedi ġew skoperti għall-ewwel darba mill-kolonjalisti fl-1884 wara li resident Brittaniku ta' Zanzibar, Sir John Kirk, żar is-sit. Madankollu, il-fdalijiet baqgħu minsijin sal-iskoperta tagħhom mill-ġdid fis-snin 20 tas-seklu 20, meta s-sit beda jattira l-attenzjoni tal-gvern Brittaniku tal-Lvant tal-Afrika. L-iskavi inizjali f'Gedi bdew fl-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 20, u llum is-sit huwa wieħed mill-iżjed insedjamenti studjati tul il-kosta Swahili. L-importanza tal-fdalijiet intużat l-iktar biex jiġi vvalutat ir-rwol tas-sit fi ħdan ir-reġjun meta mqabbel ma' siti oħra, sabiex jipprovdi ħjiel rigward l-iżvilupp tal-kultura Swahili, l-organizzazzjoni tal-kummerċ tal-Oċean Indjan, l-introduzzjoni u l-firxa tal-Iżlam, u r-rabtieti politiċi u ekonomiċi bejn il-komunitajiet Swahili permezz tal-fdalijiet kulturali u r-relazzjonijiet spazjali tagħhom.
Riċerka arkeoloġika bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskavi bdew f'Gedi fl-1948 taħt is-superviżjoni ta' James Kirkman, u damu sal-1958 bi skavi intermittenti li saru mis-snin 60 sas-snin 80 tas-seklu 20. Kirkman skava l-binjiet fil-qalba tal-belt, inkluż il-palazz u diversi moskej u djar, u kklerja u wettaq it-tiswijiet fuq il-ħitan. Il-Moskea l-Kbira ġiet skavata fl-1954 u l-palazz ġie skavat fl-1963. Wara li skava l-Moskea l-Kbira, ġie ppubblikat ir-rapport ta' Kirkman "Il-Belt Għarbija ta' Gedi, il-Moskea l-Kbira, l-Arkitettura u s-Sejbiet", segwit minn sensiela ta' monografi u dokumenti.
Flimkien mal-iskavi f'Gedi matul is-snin 50 tas-seklu 20, kienu qed isiru wkoll skavi oħra f'siti simili tul il-kosta Swahili. L-istħarriġ tal-1982 ta' Wilson fir-rigwatd tal-116-il sit tul il-kosta wassal għall-iskoperta ta' 34 fdalijiet iżolati, li hu kkonkluda li x'aktarx kien fihom insedjamenti jew abitazzjonijiet iżolati. Għalkemm ġew studjati insedjamenti iżgħar, is-siti l-kbar ingħataw l-iktar attenzjoni. Apparti Gedi, l-iżjed sit li ġie skavat b'mod intensiv kien dak ta' Ungwana fil-bokka tax-xmara Tana, li kellu daqs simili għal ta' Gedi. Madankollu, meta mqabbel ma' siti b'daqs simili, Gedi kellu wieħed mill-ikbar ċentri urbani b'popolazzjoni densa.
Riċerka arkeoloġika reċenti
[immodifika | immodifika s-sors]Mis-snin 90 tas-seklu 20, ir-riċerka arkeoloġika f'Gedi u f'insedjamenti kostali Swahili oħra intensifikat. Mis-snin 80 tas-seklu 20, ir-riċerka arkeoloġika kulma jmur bdiet tiffoka iktar fuq ir-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet kostali u l-komunitajiet iktar 'il ġewwa, sabiex jiġi sfidat il-ħsieb oriġinali li l-iżvilupp tal-kosta Swahili kien xprunat minn influwenza barranija permezz tal-kummerċ tal-Oċean Indjan jew minn kolonjalisti Għarab. Żvilupp importanti ieħor fl-istudju tas-siti kostali Swahili huwa li bdiet tingħata iktar attenzjoni lill-fdalijiet tal-istrutturi li ma kinux tal-ġebel. Stħarriġiet li saru fil-beraħ f'Gedi sabu konċentrazzjonijiet densi ta' abitazzjonijiet tat-tajn u tal-ħuxlief. Fl-2001, Stephane Pradines mill-Institute Francias d'Archeologie Orientale u arkeologi mill-Mużew Nazzjonali tal-Kenja wettqu stħarriġ topografiku ta' Gedi, li mmappja d-distribuzzjoni tal-viċinati sabiex jiġi investigat l-iżvilupp urban tas-sit. Fl-istess żmien, Lynn Koplin wettqet stħarriġiet tal-viċinati bl-abitazzjonijiet tat-tajn u tal-ħuxlief, u ffukat fuq l-inħawi bejn il-ħitan interni u esterni. Mill-2002 sal-2003, ir-riċerka f'Gedi baqgħet tiffoka fuq l-iżvilupp urban qabel is-seklu 15, b'enfasi fuq grupp ta' djar fil-qalba tas-sit li nbnew mill-elit soċjali.
Storja ta' okkupazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istorja ta' okkupazzjoni f'Gedi ġiet estrapolata bħala riżultat tal-iskavi u tad-dokumenti storiċi b'rabta mal-kultura materjali, mal-arkitettura u mal-istorja magħrufa tal-kummerċ tas-sit li kienet tikkollega l-kosta Swahili mar-reġjun biswit l-Oċean Indjan. L-insedjament ta' Gedi seħħ sew wara li feġġew l-insedjamenti bikrin tul il-kosta Swahili bl-intensifikazzjoni tal-kummerċ fis-seklu 6 W.K. L-iżjed evidenza bikrija ta' okkupazzjoni f'Gedi hija forma ta' lapida ħdejn qabar li ġiet datata bir-radjokarbonju li tmur lura għal bejn l-1041 u l-1278, u b'hekk huwa maħsub li l-insedjament oriġinali jmur lura għal xi żmien bejn is-seklu 11 jew il-bidu tas-seklu 12.
Huwa maħsub li l-parteċipazzjoni ta' Gedi fil-kummerċ kienet il-fattur ewlieni li wassal għall-istabbiliment tas-sit u iktar 'il quddiem tal-iżvilupp f'belt li kienet issostni popolazzjoni stmata ta' 2,500 abitant fl-aqwa tagħha. Minkejja n-nuqqas ta' dokumenti storiċi li jsemmu lil Gedi b'mod speċifiku, jitqies bħala wieħed mill-iżjed siti importanti tul il-kosta. Qabel il-kostruzzjoni tal-ħitan esterni fis-seklu 15, inizjalment il-belt żviluppat fis-sezzjoni tat-Tramuntana tas-sit modern. L-adozzjoni tal-Iżlam mill-abitanti fis-seklu 12 hija mmarkata bil-preżenza ta' tliet moskej sovraimposti fin-naħa tat-Tramuntana tal-belt, li nbnew matul is-sekli 12-14. L-istil tal-arkitettura u n-nuqqas ta' minareti, li hija karatteristika tal-moskej kollha ta' Gedi, intużaw biex jiġi ssuġġerit li n-nies lokali kienu influwenzati mid-denominazzjoni Ibadita.
Mis-sekli 11 sa 14, l-iżvilupp urban f'Gedi żdied primarjament lejn it-Tramuntana, il-Punent u n-Nofsinhar u eventwalment il-popolazzjoni nġabret madwar il-Moskea l-Kbira matul is-seklu 15. Il-popolazzjoni u l-prosperità ta' Gedi laħqu l-aqwa tagħhom matul is-sekli 15 u 16, u mbagħad Gedi u siti kostali oħra qabdu t-triq tan-niżla fl-aħħar tas-seklu 16 u fis-seklu 17. Gedi ġiet abbandunata sa nofs is-seklu 17. Il-preżenza tal-Portugiżi mis-seklu 17 ġiet meqjusa bħala waħda mill-fatturi primarji li wasslu għall-abbandun eventwali ta' Gedi, minħabba t-tentattivi ta' monopolju tal-kummerċ u minħabba l-intervent armat. Madankollu, tnaqqis fil-livell tal-ilma tal-pjan li joħroġ fid-dieher bit-tħaffir iktar fil-fond tal-bir maġenb il-Moskea l-Kbira, attakk mill-Wazimba tul il-kosta fl-1589, u l-migrazzjonijiet tal-Oromo flimkien mal-attakki mis-Somalja jaf kienu fatturi addizzjonali li wasslu għall-abbandun ta' Gedi u tal-biċċa l-kbira tas-siti kostali kontinentali fit-Tramuntana ta' Mombasa.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fdalijiet ta' Gedi jiffurmaw sit li jikkonsisti minn 45 akru (18-il ettaru) fil-Foresta Primordjali ta' Arabuko-Sokoke. Ir-raħal tal-qedem f'Gedi huwa maqsum b'żewġ ħitan: ħajt estern li jinkorpora 45 akru (18-il ettaru) u ħajt intern li jinkorpora 18-il akru (7.3 ettari).
Fi ħdan il-ħajt intern hemm żewġ moskej, palazz jew dar tax-Xejikk, erba' djar kbar, diversi djar raggruppati, u erba' oqbra bil-pilastri li jirrappreżentaw il-qalba urbana. Il-ħajt intern iħaddan fih ukoll erba' djar oħra u tliet moskej oħra. Bejn il-ħitan interni u esterni ġew identifikati ftit strutturi tal-ġebel, bl-eċċezzjoni ta' żewġ moskej. Lil hinn mill-ħajt estern hemm moskea u diversi strutturi oħra li ma ġewx identifikati.
Minbarra d-diviżjoni bil-ħitan interni u esterni, li ħolqot qalba urbana okkupata mill-ewwel binjiet u mill-ewwel inħawi ta' okkupazzjoni tas-sit bejn il-ħitan u 'l barra mill-ħajt estern, Gedi kellha infrastruttura stabbilita sew. L-istrutturi ta' Gedi jidher li kienu rranġati formalment skont it-toroq li kienu stabbiliti f'forma ta' grilja. Barra minn hekk, is-sit kien fih gandotti fejn kien jinġabar l-ilma tax-xita u kmamar tal-banju f'bosta mill-binjiet primarji.
Il-maġġoranza tal-istrutturi ta' Gedi kienu residenzi domestiċi magħmula minn binjiet tat-tajn u tal-ħuxlief bejn il-ħitan interni u esterni; madankollu, l-uniċi binjiet li baqgħu jeżistu sal-lum kienu dawk li nbnew bil-ġebel tal-qroll estratt mill-Oċean Indjan. Għalkemm diversi mill-binjiet imorru lura għal qabel is-seklu 14, il-qroll sar materjal tal-kostruzzjoni iktar komuni għall-istrutturi importanti u għar-residenzi tal-elit matul dak iż-żmien. Il-binjiet kollha f'Gedi huma strutturi ta' sular. Il-ħitan u l-istrutturi l-oħra tal-qroll inbnew b'mod simili bit-tkaħħil tal-ġebla tal-ġir, u l-biċċa l-kbira tal-pedamenti ma kinux fondi iktar minn pied u kienu mimlijin bil-ġebel. Fejn intużaw il-pedamenti, normalment ma kinux ikunu usa' mill-ħitan riffieda. Hemm diversi eżempji ta' elementi ta' disinn mhux utilitarju. Id-daħliet tal-binjiet kienu jikkonsistu minn daħliet ippuntati b'gwarniċ kwadru, u l-oqbra u l-moskej kien ikollhom arċitravu bi spazji laterali li kienu jkunu mnaqqxin jew imżejnin bil-porċellana.
Ħitan
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ħitan interni u esterni nbnew b'mod simili. Il-ħajt estern kien għoli 9 piedi u oħxon 18-il pulzier, u kien miksi wkoll bil-ġir. Huwa maħsub li l-ħajt estern inbena matul is-seklu 15. Il-kostruzzjoni tal-ħajt intern ġiet attribwita lill-preżenza Portugiża tul il-kosta fis-seklu 16, filwaqt li l-preżenza ta' amberżuni għall-isparar ntużat bħala referenza li turi li l-ħitan ma nbnewx qabel. Madankollu, il-prattiċità tal-ħitan bħala fortifikazzjoni difensiva mhix ċara, peress li skont Kirkman il-ħitan u d-daħliet madwar ir-raħal mhumiex daqshekk b'saħħithom, u dan donnu jikkonforma mal-proposta li l-ħitan u l-konfigurazzjoni tal-binjiet kienu jintużaw biex jinżammu l-ġerarkiji soċjali. Għalkemm il-ħajt intern għandu funzjoni difensiva iktar ovvja u minkejja n-nuqqas ta' amberżuni għall-isparar u l-qawwa kemxejn dgħajfa tal-ħajt estern, xorta waħda l-ħitan jitqiesu bħala fortifikazzjoni.
Moskej
[immodifika | immodifika s-sors]Il-moskej f'Gedi kien fihom bjar u faċilitajiet tal-ħasil, li kienu jintużaw għat-tisfija qabel il-qima. Madankollu, ma kellhomx minareti, li kienu iktar karatteristiċi f'reġjuni oħra. Il-moskej ta' Gedi tipikament kellhom antikmamar biswit kamra ċentrali, imsaqqfa b'saqaf mirfud b'xorok tal-injam iserrħu fuq pilastri kwadri tal-ġebel. Il-korsiji maħluqa mill-pilastri kienu jostru l-veduta tal-miħrab mal-ħitan tat-Tramuntana fid-direzzjoni tal-Mekka.
F'Gedi, tnejn mill-moskej ġew imlaqqma bħala l-"Moskej il-Kbar". Il-moskea li tradizzjonalment hija magħrufa bħala l-Moskea l-Kbira hija binja rettangolari li tinsab fi ħdan il-ħajt intern, u nbniet matul is-seklu 15. Il-Moskea l-Kbira fiha tliet daħliet u tliet ringieli ta' pilastri fil-kamra ċentrali li jirfdu s-saqaf. Fuq waħda mid-daħliet hemm riljiev ta' ponta ta' lanza biswit tarka fl-ispazju laterali tal-arkata tad-daħla, filwaqt li fuq id-daħla tal-Lvant hemm arċitravu mnaqqax bix-xewka ta' aringa. L-istruttura għandha wkoll fost l-iktar pedamenti fondi, b'ħitan wesgħin 21 pulzier u fondi sa 4 piedi taħt il-ħamrija tal-art.
It-tieni Moskea l-Kbira kienet tinsab fil-parti iktar qadima tal-belt, li kienet abitata mis-seklu 11 u li kienet tinsab fit-Tramuntana tal-belt iffortifikata. L-istruttura wieqfa nbniet fis-seklu 14 fuq żewġ moskej bikrin tas-sekli 12 u 13. Il-moskea kienet twila 26 metru (85 pied) tul l-orjentazzjoni tagħha mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.
Oqbra
[immodifika | immodifika s-sors]L-oqbra bil-pilastri f'Gedi, li jikkonsistu minn strutturi tal-ġebel b'pilastru jew b'kolonna fuqhom, jagħmlu parti minn stil arkitettoniku tal-insedjamenti kostali Swahili Medjevali. Karatteristika komuni tal-oqbra bil-pilastri f'Gedi huma l-panewijiet dekorattivi tagħhom. Għalkemm hemm erba' oqbra kbar bil-pilastri, il-"qabar bid-data", li jinsab fi ħdan il-ħajt intern, jispikka meta mqabbel mal-bqija peress li għandu inċiżjoni bl-Għarbi fuqu bid-data ta' A.H. 802 (1399 W.K.).
Djar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-binjiet residenzjali li għad fadal f'Gedi kollha jinsabu fi ħdan il-ħajt intern u huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-membri tal-elit tas-soċjetà ta' Gedi, peress li l-maġġoranza tal-popolazzjoni kienet tgħix f'abitazzjonijiet tat-tajn u tal-ħuxlief 'il barra mill-qalba tal-belt. L-ikbar erbat idjar jinkludu d-Dar fuq il-Ħajt, id-Dar fuq il-Ħajt tal-Punent, id-Dar tad-Dhow, u d-Dar il-Kbira. Raggruppament ta' djar iżgħar biswit il-palazz jew ir-residenza tax-Xejikk jinkludi d-Dar tal-Kontanti Ċiniżi, id-Dar tal-Iskutella tal-Porċellana, id-Dar taċ-Ċisterna, id-Dar taż-Żewġ Kmamar, id-Dar tal-Ħitan bil-Panewijiet, id-Dar tal-Imqass, id-Dar taż-Żibġa Venezjana, id-Dar tal-Bitħa Mniżżla, id-Dar tal-Baħbuħiet, id-Dar tal-Lampa tal-Ħadid, id-Dar tal-Kaxxa tal-Ħadid u d-Dar tal-Bir.
Għalkemm id-djar f'Gedi jvarjaw bħala daqs, l-għadd ta' kmamar, u l-konfigurazzjoni tagħhom, id-dar bażika fis-sit kienet tkun struttura bi tlett ikmamar, li normalment kien ikun fiha bitħa fuq quddiem u bitħa interna domestika. Flimkien mal-konfigurazzjoni bi tlett ikmamar, normalment kien ikun hemm kamra prinċipali twila b'żewġ kwartieri għall-ħżin u għall-irqad lejn in-naħa ta' wara tad-dar. Waħda minn dawn il-kmamar ta' wara normalment kien ikun fiha kompartiment tal-ħżin qrib is-saqaf b'aċċess permezz ta' bokkaport. Il-latrini, li normalment kienu jkunu fuq in-naħa ta' wara tal-kamra prinċipali, kienu preżenti wkoll f'bosta mid-djar, filwaqt li l-bjar kienu preżenti fil-btieħi ta' wħud mid-djar. Waħda mill-eqdem djar tal-ġebel tmur lura għas-seklu 14 u fiha bitħa mniżżla dejqa u twila, li toħloq kuntrast mal-btieħi usa' u iktar fondi fid-djar li nbnew fis-seklu 15. Id-daħliet tad-djar kienu jvarjaw ħafna, peress li bosta mid-djar kienu kkonċentrati sew ħdejn xulxin u b'konfigurazzjoni li kienet timmassimizza l-użu tal-ispazju disponibbli.
Palazz
[immodifika | immodifika s-sors]Il-palazz, li kien jospita x-xejikk tal-belt, kellu kamra ċentrali kbira b'żewġ antikmamar, u kull waħda kellha l-bitħa tagħha. Sensiela ta' kmamar residenzjali kienu aċċessibbli mill-kamra prinċipali. Kien hemm ukoll żewġ btieħi addizzjonali, is-sala tal-udjenzi u s-sala ta' lqugħ, li kienu jiġu aċċessati minn daħliet differenti.
Periferija
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit ta' Gedi kellu wkoll periferija li kienet tikkonsisti minn diversi siti iżgħar magħmula minn moskej u oqbra solitarji jew diversi djar. Is-sit ta' Shaka u ta' Kilepwa jinsabu fil-qrib. Kilepwa, li tinsab fuq gżira fil-Qala ta' Mida, hija eqreb ta' Gedi u tikkonsisti minn tliet djar tal-ġebel. Hemm ukoll moskea iżolata fin-naħa tal-Punent tal-qala, moskea f'Watamu, u moskea u oqbra f'Kiburugeni.
Kultura materjali
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskavi f'Gedi żvelaw bosta artefatti, iżda l-iżjed abbundanti u diskussi sew fil-letteratura huma ż-żibeġ u l-bċejjeċ taċ-ċeramika, li ntużaw biex jiġi identifikat il-kummerċ u biex jinkisbu d-dati tal-okkupazzjoni tas-sit. Ħafna mill-ismijiet li ngħataw lid-djar tal-ġebel jirreferu għall-oġġetti li nstabu fihom jew b'assoċjazzjoni magħhom, inkluż żewġ muniti Ċiniżi, skutella tal-porċellana, imqass, żibġa Venezjana, qxur tal-baħbuħiet, lampa tal-ħadid u kaxxa tal-ħadid. Instab li l-fdalijiet materjali li nstabu f'Gedi huma simili għall-fdalijiet fl-insedjamenti kostali Swahili fil-qrib, bl-ikbar livell ta' varjazzjoni fost l-istili tal-bċejjeċ tal-fuħħar irrappreżentati. Mit-tmien siti li ġew eżaminati minn Kirkman, is-siti ta' Gedi, Ungwana u Kilepwa kellhom fdalijiet materjali kważi identiċi qabel is-seklu 15, filwaqt li s-siti ta' Mnarani, il-Qabar bil-Pilastru f'Malindi, Takwa, Kinuni, u Kilindidni kulma jmur kellhom kultura materjali iktar simili matul is-sekli 15 sa 17. Minbarra l-produzzjoni lokali, wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-preżenza tal-materjali kulturali li nstabu fis-sit kien l-importanza tal-kummerċ tal-Oċean Indjan, li kellu rwol dejjem akbar fil-Lvant tal-Afrika fil-bidu tal-era Iżlamika fis-seklu 7.
Munita
[immodifika | immodifika s-sors]Ġie spekulat li l-qxur tal-baħbuħiet jaf kienu l-munita prinċipali f'Gedi. Il-qxur tal-baħbuħiet ġew irkuprati fl-imħażen tad-djar u nstabu f'abbundanza akbar milli muniti zzekkati, li kienu rrappreżentati b'żewġ muniti biss ta' oriġini Ċiniża. L-użu tal-baħbuħiet bħala munita huwa appoġġat mill-użu storiku tagħhom bħala muntit f'diversi partijiet tal-Afrika, u skont l-istimi ta' Kirkman ir-rata tal-kambju tal-qxur tal-baħbuħiet mad-dinar tad-deheb kien 400,000 għal 1. Madankollu, hemm eżempji ta' muniti zzekkati lokalment f'siti kontemporanji, iżda l-ebda minnhom ma ġew irkuprati f'Gedi. L-użu taż-żibeġ bħala munita ġie propost ukoll minn J. F. Schofield, li jsostni li deklin fl-għadd ta' żibeġ rkuprati fis-saffi stratigrafiċi ta' fuq jirrifletti deklin fil-valur tagħhom għall-ħabta tas-seklu 15.
Żibeġ
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm diversi klassifikazzjonijiet ta' żibeġ komuni għall-insedjamenti kostali Swahili li nstabu f'Gedi. Fl-eżaminazzjoni tiegħu taż-żibeġ li nstabu f'Gedi u fil-Wied ta' Limpopo (Mapungubwe), Schofield qasam iż-żibeġ fi tliet kategoriji: ċilindri ħomor, blu, ħodor u sofor magħmula minn vireg tal-ħġieġ; żibeġ bikoniċi u lentikolari suwed, ħomor, ħodor, sofor u blu iżgħar magħmula mill-ħġieġ mibrum; u sferi ħomor, suwed u sofor tal-ħġieġ ippressat. B'mod simili, Kirkman ħoloq tmien klassifikazzjonijiet għaż-żibeġ. Iż-żibeġ kollu għajr 25 mill-558 żibġa ġie kkategorizzat bħala tal-klassi 1–3 u kien magħmul minn ħġieġ li ma jgħaddix dawl minnu. Matul l-iskavi tiegħu f'Gedi, Kirkman irkupra 631 żibġa f'sitt saffi stratigrafiċi. L-iżjed stili komuni rrappreżentati fis-saffi stratigrafiċi mis-seklu 14 kienu żibeġ sofor, ħodor u suwed tal-ħġieġ mibrum kif ukoll ippressat, iffurmati b'għamliet ta' bettieħ, bikoniċi, globulari, btieti u ċilindriċi, u sporadikament kienu jidhru wkoll f'saffi iktar 'il fuq. Żibeġ żgħar tal-vireg tal-ħġieġ huma rrappreżentati spiss ukoll fis-saffi tas-sekli 14 u 15, u nstabu iktar żibeġ ħodor, ħomor li ma jgħaddix dawl minnhom, sofor u suwed, milli blu, kannella u ħomor. Huwa maħsub li l-kummerċjanti Iżlamiċi ġabu l-biċċa l-kbira taż-żibeġ tal-ħġieġ magħhom lejn il-Lvant tal-Afrika, u dawn infirxu mal-kontinent kollu permezz tal-kummerċ, ladarba l-unika evidenza attwali ta' produzzjoni tal-ħġieġ fil-Punent tal-Eġittu u tan-Nubja nstabet fl-Għalqa ta' Igbo Olokun f'Ile-Ife fin-Nofsinhar tan-Niġerja.
Bċejjeċ tal-fuħħar
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta tipi u stili ta' bċejjeċ taċ-ċeramika nstabu matul l-iskavi f'Gedi, fosthom porċellana Ċiniża, oġġetti tal-ħġieġ Iżlamiċi, u bċejjeċ tal-fuħħar prodotti lokalment. Diversi eżempji ta' bċejjeċ taċ-ċeramika rkuprati f'Gedi huma rrappreżentati f'kwantitajiet differenti f'siti kostali oħra. Il-bċejjeċ tal-fuħħar ħomor jiżolqu huma rari f'Gedi, meta mqabbel ma' siti interni oħra, filwaqt li l-iskutelli b'qigħan ittundjati, xfar ċatti, u tiżjin inċiż fin-naħa ta' fuq tax-xfar huma iktar komuni f'Gedi. Skutelli bojod u lewn il-krema nstabu wkoll fi kwantitajiet żgħar, flimkien ma' tip iżolat ta' fuħħar b'lostru dehbi fil-kannella. Framment b'disinn ta' kannizzata x'aktarx li huwa importazzjoni min-naħa ta' ġewwa tal-Afrika.
Importazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bċejjeċ taċ-ċeramika li ġew importati lejn Gedi jirrappreżentaw il-kummerċ dirett jew indirett maċ-Ċina, man-Nofsinhar tal-Asja u mad-dinja Iżlamika. Il-bċejjeċ tal-fuħħar Iżlamiċi li nstabu f'Gedi ġew prodotti bl-idejn bit-tidwir, igglejżjati, u moħmija f'forn, u dawn jinkludu l-bċejjeċ taċ-ċeramika suwed bl-isfar mill-Jemen, u l-bċejjeċ b'disinni ta' fjuri fuq panewijiet blu u bojod. Il-bċejjeċ bl-isgraffiato huma bċejjeċ ħomor tal-fuħħar b'igglejżjar isfar jew aħdar u kienu komuni fl-Iraq modern mis-sekli 9 sa 16. Tip ta' bċejjeċ tal-ġebel polikromatiku mis-seklu 16 kien ikkaratterizzat minn igglejżjar griż, aħdar u kannella, u x'aktarx sar fil-Persja jew fl-Indja bħala tentattiv ta' imitazzjoni tal-porċellana Ċiniża tas-seladon. Huwa maħsub li tip ieħor ta' skutelli parzjalment igglejżati b'tiżjin ċirkolari fuq in-naħa ta' ġewwa tagħhom oriġinaw mill-Indoċina, peress li meta għeb l-istil inzerta kien hemm il-konkwista Tajlandiża tar-reġjun fl-1467 W.K. Diversi tipi ta' bċejjeċ tal-fuħħar Ċiniżi nstabu wkoll f'Gedi, inkluż porċellana bajda u blu, li nstabet f'volumi kbar biżżejjed biex wieħed jassumi li parti sinifikanti mill-popolazzjoni kellha aċċess għal bċejjeċ ta' kwalità ogħla, filwaqt li xi frammenti nstabu wkoll fil-panewijiet tal-moskej.
Bċejjeċ lokali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bċejjeċ tal-fuħħar prodotti lokalment fil-Lvant tal-Afrika ngħataw il-forma bl-idejn, ma kinux igglejżjati, u x'aktarx li ġew moħmija fil-beraħ, iżda ġie propost ukoll li n-nuqqas ta' evidenza ta' fran jaf kien minħabba l-ħsieb żbaljat li l-fdalijiet tagħhom kienu ta' fran tal-metall. Madankollu, in-nuqqas ta' bċejjeċ tal-fuħħar igglejżjati u prodotti manwalment juri li l-abitati tal-kosta Swahili ma adattawx dawn it-teknoloġija bħala riżultat tal-kummerċ tal-Oċean Indjan, iżda primarjament kienu r-riċevuturi ta' prodotti lesti li ġew skambjati għal prodotti lokali oħra. Min-naħa l-oħra, instabu ħmistax-il marka tal-produtturi tal-bċejjeċ tal-fuħħar f'Gedi fuq fdalijiet li nstabu fil-wiċċ jew qrib il-wiċċ tas-sit u li jmorru lura għas-sekli 15 u 16. Dawn intużaw biex jiġi ssuġġerit li s-sit jaf kellu forn komunali dak iż-żmien. Ir-reċipjenti bil-marki tal-produtturi fuqhom juru l-varjazzjoni ta' tipi u ta' stili differenti ta' bċejjeċ taċ-ċeramika maż-żmien, li ġew influwenzati mill-produzzjoni lokali, kif ukoll l-adattament ta' elementi barranin fid-disinn. Qabel id-diversifikazzjoni tal-istili u tat-tipi lokali, il-bċejjeċ taċ-ċeramika bikrin f'Gedi kienu iktar uniformi u kien fihom xebħ ma' bċejjeċ oħra taċ-ċeramika li nstabu f'siti kostali oħra. Minkejja ż-żieda tal-bċejjeċ taċ-ċeramika importati fis-seklu 15, il-varjetajiet lokali baqgħu jkunu preżenti f'saffi ta' wara tal-okkupazzjoni tas-siti.
Kronoloġija tal-bċejjeċ taċ-ċeramika
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 14, is-seladon kien importazzjoni preġjata fil-Lvant tal-Afrika, li inizjalment kien jinkiseb mingħand id-dinastija Ming bi skambju għall-avorju. Madankollu, l-għarfien tal-iskambju dirett maċ-Ċiniżi huwa ristrett għal ġrajja waħda ta' flotta Ċiniża li ttrakkat qrib Malindi u Mombasa bejn l-1417 u l-1419. L-għadd ta' importazzjonijiet miċ-Ċina u minn bnadi oħra baqa' jikber matul is-sekli 14 u 15, u dan huwa rrappreżentat minn għadd kbir ta' bċejjeċ suwed Iżlamiċi u tas-seladon. Matul is-seklu 14 ukoll, il-bċejjeċ lokali bdew jiġu ddiversifikati mal-ekonomija li baqgħet tikber f'Gedi. Matul il-bidu u l-aħħar tas-seklu 15, rispettivament, gradwalment il-porċellana blu u bajda bdiet tieħu post il-bċejjeċ tas-seladon u monokromatiċi Iżlamiċi li mbagħad ġew sostitwiti għalkollox bil-bċejjeċ suwed bl-isfar. Matul l-istess seklu, il-bċejjeċ lokali bdew jinbidlu minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta' disinni ornamentali inċiżi u bdew jintużaw reċipjenti b'għenuq twal, minflok il-varjanti bikrin b'għenuq qosra. Fis-seklu ta' wara, il-bċejjeċ Iżlamiċi monokromatiċi u l-porċella blu u bajda saru l-iżjed importazzjonijiet dominanti; xejra li bdiet tfeġġ fis-seklu ta' qabel u baqgħet għaddejja sad-deklin ta' Gedi fis-seklu 17.
Bċejjeċ tal-fuħħar assoċjati mal-qabar datat
[immodifika | immodifika s-sors]Il-firxa ta' tipi u ta' stili differenti li nstabu matul l-iskavi ta' Gedi jipprovdu tagħrif dwar ir-rabtiet kummerċjali tal-belt permezz tal-oriġini tar-reċipjenti importati u jgħinu fid-datazzjoni tas-sit permezz ta' sensiliet ta' bċejjeċ differenti. F'Gedi ġiet stabbilita kronoloġija għad-dehra ta' bosta mill-bċejjeċ taċ-ċeramika li nstabu fid-depożiti f'fond sa 5 piedi. Il-qabar datat b'inċiżjoni li tikkollokah mal-1399 W.K. intuża bħala markatur għad-datazzjoni tas-saffi stratigrafiċi. Il-bċejjeċ tas-seladon, il-bċejjeċ Iżlamiċi monokromatiċi, u l-bċejjeċ tal-porċellana bajda u blu nstabu fis-saffi 'l fuq mill-qabar, li jmorru lura għas-sekli 14 u 15. Taħt il-qabar, instabu bċejjeċ Iżlamioċi sofor u suwed sal-livell naturali tal-ħamrija, filwaqt li l-bċejjeċ tas-seladon instabu fis-saffi eżatt taħt il-qabar. Il-bċejjeċ tas-seladon eżatt taħt il-qabar kienu differenti mill-bċejjeċ tas-seladon li nstabu 'l fuq il-qabar, peress li t-tinqis tal-petali tal-lotus kienu iktar komuni fuq il-bċejjeċ tas-seladon tas-saffi iktar baxxi. Minħabba d-data tal-qabar, ġie ddeterminat li l-bċejjeċ taċ-ċeramika 'l fuq mill-qabar imorru lura għas-seklu 15, u dan għen fl-estrapolazzjoni tad-dati għall-kumplament tal-istratigrafija.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]L-industriji u s-snajja' lokali x'aktarx kienu jinkludu l-produzzjoni tal-bċejjeċ tal-fuħħar, il-produzzjoni tal-oġġetti tal-ħadid, il-kostruzzjoni, l-għażil u l-insiġ tat-tessuti, is-sajd, il-kummerċ, u possibbilment il-produzzjoni tal-melħ. Dawn huma rrappreżentati fir-rekords arkeoloġiċi u storiċi f'għadd ta' siti kostali. Barra minn hekk, l-arkitettura tal-ġebel tal-qroll lokali bit-tkaħħil tal-ġebla tal-ġir tindika wkoll il-preżenza ta' snajja' lokali assoċjati mal-kostruzzjoni u max-xogħol bil-ġebel.
X'aktarx li l-produzzjoni tal-ikel f'Gedi kienet tinvolvi ekonomija mħallta bbażata fuq il-bhejjem tal-ifrat, kif ukoll fuq il-produzzjoni agrikola u ortokulturali. Xi ikel ġie introdott permezz tal-kummerċ. Fost l-għelejjel disponibbli kien hemm il-millieġ, ir-ross Afrikan, il-kokojam, il-ġewż tal-Indì, il-banana, il-frott taċ-ċitru, ir-rummien, it-tin, il-kannamiela, il-qoton, u diversi tipi ta' ħxejjex, filwaqt li l-bhejjem tal-ifrat prinċipali kienu l-baqar, għalkemm in-nagħaġ, il-mogħoż u t-tiġieġ kellhom rwol importanti wkoll.
L-insedjamenti kostali Swahili spiss kienu jagħmlu kummerċ mal-insedjamenti interni, u kienu jiksbu oġġetti għall-kummerċ barrani jew għall-konsum lokali. Madankollu, insedjamenti iżolati u żgħar ġew interpretati bħala insedjamenti periferiċi li żviluppaw madwar l-ekonomiji ta' insedjamenti akbar u kienu jappoġġawhom. L-insedjamenti jew il-villaġġi żgħar ġew stabbiliti bejn is-sekli 14 u 16 qrib Gedi, inkluż siti fit-tarf tal-Qala ta' Mida, Kiburugeni, Watamu, Shaka u Kilepwa. Huwa maħsub li dawn l-insedjamenti iżgħar jirrappreżentaw komunitajiet agrikoli li pprovdew il-biċċa l-kbira tal-prodotti agrikoli ta' Gedi.
Kummerċ marittimu
[immodifika | immodifika s-sors]L-istorja tal-kummerċ marittimu tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika tmur lura għall-perjodu Klassiku. Il-Periplus Maris Erthraei, li nkiteb mill-merkant Eġizzjan-Grieg għall-ħabta tal-40–55 W.K., iddeskriva l-portijiet kummerċjali tul l-Oċean Indjan, inkluż Azania, deżinjazzjoni storika tal-kosta tal-Lvant tal-Afrika estiża lejn in-Nofsinhar sat-Tanzanija moderna. L-evidenza fiżika għall-kummerċ tmur lura għal qabel iż-żmien tal-iżjed irħula bikrin fis-seklu 9 bl-iskoperta ta' erba' żibeġ Rumani mis-seklu 4 u ta' bċejjeċ tal-fuħħar mis-seklu 5. Dokumenti Rumani mis-sekli 1 sa 5, kif ukoll il-Geographia ta' Tolomew jipprovdu wkoll ġrajjiet storiċi tal-kummerċ fil-Lvant tal-Afrika, segwiti minn skarsezza ta' dokumenti storiċi sas-seklu 10. Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman fis-seklu 5, it-trasport marittimu Għarbi, Indjan u Ċiniż kiber fl-importanza tiegħu, u fl-aħħar mill-aħħar ġie ddominat mill-Persja wara l-ħakma tan-Nofsinhar tal-Arabja u l-Eġittu fil-515 u fis-616 W.K. Ġie propost li l-kummerċ bejn il-kosta Swahili u l-Persja, kif ukoll mal-merkanti Iżlamiċi wara t-tifrix tal-Iżlam mis-632 W.K. 'il quddiem, ikkontribwixxa għall-insedjament u għall-iżvilupp tas-siti kostali.
Il-parteċipazzjoni ta' Gedi fil-kummerċ marittimu joħroġ fid-dieher miż-żieda tal-frekwenza ta' importazzjonijiet li nstabu f'Gedi matul is-sekli 14 u 15. Il-kundizzjonijiet tul il-kosta Atlantika pprevjenew il-ftuħ ta' rotot marittimi min-nazzjonijiet Ewropej sal-bidu tas-seklu 16, u b'hekk illimitaw il-kummerċ marittimu għall-istati b'aċċess faċli għall-Baħar l-Aħmar u għall-Oċean Indjan. Bosta artefatti li nstabu f'Gedi, inkluż il-biċċa l-kbira tal-bċejjeċ taċ-ċeramika, iż-żibeġ kollu, u ż-żewġ muniti Ċiniżi, irriżultaw mill-kummerċ dirett jew indirett mal-Lvant Qarib, mal-Arabja, maċ-Ċina, mal-Indja u mal-Indoċina. L-insedjamenti kostali Swahili esportaw id-deheb, l-avorju, l-iskjavi, l-ebanu, iz-zkuk tal-mangrovji, ir-ram, il-lastiku kopal, il-frankinċens, il-mirra u l-blat kristallizzat.
Il-kummerċ marittimu tul il-kosta tal-Lvant tal-Afrika ġie ffaċilitat mill-irjieħ aliżej fl-Oċean Indjan, kif ukoll mid-distanzi relattivament qosra bejn il-mases tal-art. Gedi u siti kontinentali kontemporanji kbar oħra sikwit kellhom ankraġġi batuti meta mqabbla mas-siti li ġew warajhom tul il-kosta, speċjalment meta wieħed iqis kemm kienu skoperti x-xtut, id-disponibbiltà ta' portijiet imkennija, u l-fond tal-baħar fl-approċċ lejn il-portijiet. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta' aċċess għal ankraġġ tajjeb, Gedi u siti kontinentali kbar oħra rnexxielhom igawdu minn livell għoli ta' suċċess ekonomiku. Is-suċċess tagħhom fil-kummerċ jaf kien influwenzat mill-istabbiliment bikri ta' rotot kummerċjali u mill-appoġġ kummerċjali disponibbli mill-periferiji tagħhom.
Konservazzjoni u amministrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit ta' Gedi sar monument storiku fl-1927. Is-sit ġie ddikjarat monument prott fl-1929, wara li xi ħallelin bdew jaqilgħu l-porċellana Ċiniża mit-tiżjin arkitettoniku tas-sit. Fl-1939, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tal-Kenja beda jirrestawra l-istrutturi li l-iktar kienu qed jissograw li jċedu. Fl-1948-1959 sar iktar restawr tas-sit minn James Kirkman, primarjament l-ikklerjar tal-ħaxix ħażin. Kirkman inħatar bħala l-gwardjan tas-sit wara li Gedi u l-foresta tal-madwar ġew iddikjarati bħala park nazzjonali fl-1948.
Fl-1969 il-ħarsien ta' Gedi għadda f'idejn il-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja. Attwalment is-sit huwa amministrat mid-Dipartiment tal-Arkeoloġija Kostali tal-mużew. Fis-sena 2000, lestiet il-kostruzzjoni ta' mużew iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li fih wirja permanenti dwar il-kultura Swahili.
Fid-29 ta' Lulju 2024, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Mudell tridimensjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-Fdalijiet ta' Gede ġew iddokumentati fuq livell ta' spazju fl-2010 u tħejja mudell tridimensjonali.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b "The Historic Town and Archaeological Site of Gedi - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-11.
- ^ "National Museums of Kenya - Gede". web.archive.org. 2016-12-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-16. Miġbur 2025-03-10.
- ^ Reynolds, David West (December 2001). "Swahili Ghost Town". Archaeology. 56 (6): 45.
- ^ Wilson, Thomas H. "Spatial Analysis and Settlement Patterns on the Eastern African Coast" Mitteilungen zur Kulturkunde Bd. 28 (1982): 201.
- ^ Reynolds, David West (December 2001). "Swahili Ghost Town". Archaeology. 56 (6): 47.
- ^ Spear, Thomas. "Early Swahili History Reconsidered." The International Journal of African Historical Studies vol. 33 no. 2 (2000): 283.
- ^ Reynolds, David West. "Swahili Ghost Town." Archaeology vol. 54 no. 6 (November/December 2001): 46.
- ^ Schofield, J. F. "The City of Gedi: Presidential Address." The South African Archaeological Bulletin vol. 10 no. 38 (June 1955): 35.
- ^ Schofield, J. F. "The City of Gedi: Presidential Address." The South African Archaeological Bulletin vol. 10 no. 38 (June 1955): 37.
- ^ Fleisher, Jeffrey and Stephanie Wynne-Jones. "Finding Meaning in Ancient Swahili Spatial Practices." The African Archaeological Review vol. 29 no.2/3 (2012): 181. DOI: 10.1007/s10437-012-9121-0.
- ^ Wilson, Thomas H. "Spatial Analysis and Settlement Patterns on the Eastern African Coast" Mitteilungen zur Kulturkunde Bd. 28 (1982): 211.
- ^ Pradines, Stephane. "Islamization and Urbanization on the Coast of East Africa: recent excavations at Gedi, Kenya." Azania vol. 38 (2003): 181.