Aqbeż għall-kontentut

Fabbriki tal-Wied ta' Derwent

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Fabbrika ta' Masson fil-Wied ta' Derwent.

Il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent (bl-Ingliż: Derwent Valley Mills) huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tul ix-xmara Derwent f'Derbyshire, l-Ingilterra, li tniżżlu fil-lista f'Diċembru 2001.[1] Is-sit huwa amministrat mis-Sħubija tal-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent (bl-Ingliż: Derwent Valley Mills Partnership). Is-sistema ta' fabbriki moderni twieldet hemmhekk fis-seklu 18 sabiex takkomoda t-teknoloġija l-ġdida għall-għażil tal-qoton żviluppata minn Richard Arkwright. Bl-avvanzi fit-teknoloġija, sar possibbli li l-qoton jiġi prodott b'mod kontinwu. Is-sistema ġiet adottata fil-wied kollu, u iktar 'il quddiem infirxet tant li sal-1788 kien hemm iktar minn 200 fabbrika tat-tip ta' Arkwright fir-Renju Unit. L-invenzjonijiet ta' Arkwright u s-sistema tiegħu ta' organizzazzjoni tax-xogħol ġew esportati lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.

Is-sistema tal-enerġija mill-ilma ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Ingilterra minn John Lombe fil-fabbrika tal-ħarir tiegħu f'Derby fl-1719, iżda kien Richard Arkwright li applika din is-sistema għall-proċess tal-produzzjoni tal-qoton fis-snin 70 tas-seklu 18. Il-privattiva tiegħu ta' qafas tal-ilma ppermettiet li l-qoton jingħażel b'mod kontinwu, u dan kien ifisser li seta' jiġi prodott minn ħaddiema mingħajr sengħa. Il-Fabbrika ta' Cromford kienet is-sit fejn inbniet l-ewwel fabbrika ta' Arkwright, u dak iż-żmien il-villaġġ ta' Cromford fil-qrib tkabbar b'mod sinifikanti għall-forza tax-xogħol il-ġdida; din is-sistema ta' produzzjoni u ta' abitazzjonijiet tal-ħaddiema ġiet ikkopjata fil-wied kollu. Sabiex tiġi żgurata l-preżenza ta' forza tax-xogħol, kien meħtieġ li jinbnew l-abitazzjonijiet għall-ħaddiema tal-fabbrika. Għalhekk ġew stabbiliti insedjamenti ġodda mis-sidien tal-fabbriki qrib il-fabbriki stess – xi kultant billi żviluppaw komunità preeżistenti – bil-faċilitajiet tagħhom stess bħal skejjel, kappelli u swieq. Il-biċċa l-kbira tal-abitazzjonijiet għadhom jeżistu u għadhom jintużaw. Dawn jiffurmaw parti mis-sit flimkien mal-infrastruttura tat-trasport. L-infrastruttura tat-trasport inbniet sabiex jinfetħu swieq ġodda għall-prodotti tal-fabbriki.

Il-fabbriki u l-insedjamenti tal-ħaddiema ġew stabbiliti f'Belper, f'Darley Abbey u f'Milford mill-kompetituri ta' Arkwright. Il-fabbriki tat-tip ta' Arkwright tant kellhom suċċess li xi kultant kienu jiġu kkopjati mingħajr ma jitħallsu r-royalties lil Richard Arkwright. L-industrija tal-qoton fil-Wied ta' Derwent qabdet it-triq tan-niżla fl-ewwel kwart tas-seklu 19 meta s-suq xaqleb lejn Lancashire li kienet tinsab f'pożizzjoni aħjar b'rabta mas-swieq u mal-materja prima. Il-fabbriki u l-binjiet assoċjati magħhom huma ppreservati sew u ntużaw mill-ġdid wara d-deklin tal-industrija tal-qoton. Ħafna mill-binjiet fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma binjiet elenkati u Monumenti Skedati. Uħud mill-fabbriki issa fihom mużewijiet u huma miftuħa għall-pubbliku.

It-Trust tal-Wied ta' Derwent issa hija involuta fil-ħolqien ta' mogħdija għar-roti tul is-Sit ta' Wirt Dinji kollu sabiex jiġu promossi t-turiżmu u l-ivvjaġġar sostenibbli.[2]

Pożizzjoni u daqs

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jkopru erja ta' 12.3 km2 (4.7 mili kwadri)[3] u huma estiżi fuq medda ta' 24 kilometru (15-il mil) tal-Wied ta' Derwent, f'Derbyshire, minn Matlock Bath fit-Tramuntana saċ-ċentru tal-belt ta' Derby fin-Nofsinhar. Fi ħdan is-sit hemm kumplessi ta' fabbriki, insedjamenti inkluż l-abitazzjonijiet tal-ħaddiema, digi tul ix-xmara Derwent, u n-network tat-trasport li kien jappoġġa l-fabbriki fil-wied.[4] Is-sit jikkonsisti mill-komunitajiet ta' Cromford, Belper, Milford u Darley Abbey, u jinkludi 838 binja elenkata, magħmula minn 16-il binja tal-Grad I, 42 binja tal-Grad II* u 780 binja tal-Grad II. Disa' strutturi oħra huma Monumenti Antiki Skedati. Il-binjiet huma taħlita ta' fabbriki, abitazzjonijiet tal-ħaddiema u strutturi assoċjati mal-komunitajiet tal-fabbriki. Il-Kanal ta' Cromford u l-Linja Ferrovjarja ta' Cromford u High Peak, li għenu l-industrijalizzazzjoni tal-inħawi, huma parti wkoll mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5]

Il-fabbrika tal-ħarir ta' Lombe.

Fl-aħħar tas-seklu 17 il-produzzjoni tal-ħarir kibret minħabba li żdiedet id-domanda għall-ħarir għall-ilbies tal-moda. F'tentattiv li tiżdied il-produzzjoni permezz tal-użu tal-enerġija mill-ilma, Thomas Cotchett ikkummissjona l-inġinier George Sorocold biex jibni fabbrika qrib iċ-ċentru ta' Derby fuq gżira fix-xmara Derwent. Għalkemm l-esperiment ma rnexxiex, ikkonvinċa lil John Lombe – impjegat ta' Cotchett – li jekk l-enerġija mill-ilma setgħet tiġi pperfezzjonata kien hemm suq għall-produzzjoni. Huwa kien involut fi spjunaġġ industrijali u kiseb il-pjanijiet ta' magni Taljani. Huwa rreġistra l-privattiva tad-disinn fl-1719 u bena fabbrika ta' ħames sulari (33.5 metru × 12-il metru (110 piedi × 39 pied) ħdejn il-fabbrika ta' Crotchett. Sal-1763, 30 sena wara li kienet skadiet il-privattiva ta' Lombe, kienu nbnew seba' fabbriki tat-tip ta' Lombe biss minħabba li s-suq tal-ħarir kien żgħir, iżda Lombe kien introduċa forma vijabbli ta' makkinarju mħaddem bl-enerġija mill-ilma u kien stabbilixxa mudell għall-organizzazzjoni tax-xogħol li l-industrijalisti iktar 'il quddiem segwew.[6]

Peress li l-ħarir kien prodott lussuż, is-suq kien żgħir u faċilment saturat minn oġġetti prodotti bil-magni. L-innovazzjoni li kien imiss fit-tessuti prodotti bil-magni waslet fl-industrija tal-qoton li kellha suq ferm ikbar u kienet tipproduċi oġġetti iktar għall-but ta' kulħadd. L-għażil tal-qoton kien proċess iktar kumpless mill-produzzjoni tal-ħarir.[7] Il-qafas tal-ilma għall-għażil tal-qoton ġie żviluppat minn Richard Arkwright li rreġistra privattiva fl-1769. Il-magni setgħu jagħżlu r-raden b'mod kontinwu u b'hekk minflok il-ħaddiema tas-sengħa ġew impjegati superviżuri mingħajr sengħa li kellhom jiżguraw li l-magni ma jinkisrux. L-oqfsa tal-ilma kienu jvarjaw bħala daqs minn erba' sa 96 magħżel. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qafas tal-ilma sar popolari u mifrux.[8] Fl-1771, Richard Arkwright kera art f'Cromford. Sal-1774, l-ewwel fabbrika tiegħu kienet operattiva, u fl-1776 huwa beda l-kostruzzjoni tat-tieni fabbrika f'Cromford. Matul dan iż-żmien, huwa żviluppa magni għall-għażil minn qabel u fl-1775 irreġistra t-tieni privattiva tiegħu.[9] Bl-għażil mekkanizzat, il-proċessi l-oħra involuti fil-produzzjoni tal-qoton ma setgħux ilaħħqu u kellhom bżonn jiġu mekkanizzati wkoll. Huwa pproduċa magna għat-tqardix, il-proċess li bih il-fibri tal-qotob kienu jinfirxu b'mod parallel, madankollu mhux l-invenzjonijiet kollha tiegħu kellhom suċċess u t-tindif tal-qoton kien isir bl-idejn sas-snin 90 tas-seklu 18 meta mbagħad ġiet ivvintata magna effettiva.[10]

Mudell ta' qafas tal-ilma fil-Mużew Storiku ta' Wuppertal.

Arkwright fittex l-assistenza finanzjarja, u Peter Nightingale – sid tal-art lokali (u proziju ta' Florence Nightingale) – xtara l-proprjetà ta' Cromford għal £20,000 (£3 miljun skont l-istimi tal-2023). Nightingale bena wkoll Rock House bħala residenza għal Arkwright, li tħares lejn il-fabbrika, u tah £2,000 (£270,000) oħra biex jibni t-tieni fabbrika u £1,750 (£240,000) għall-abitazzjonijiet tal-ħaddiema. Bejn l-1777 u l-1783, Arkwright u l-familja tiegħu xtraw fabbriki f'Bakewell, f'Cressbrook, f'Rocester u f'Wirksworth, mifruxa madwar Derbyshire u Staffordshire. Jedediah Strutt, li kien sħab ma' Arkwright fl-ewwel Fabbrika ta' Cromford, bena fabbriki f'Belper u f'Milford fl-1776-1781. Thomas Evans, sid tal-art f'Darley Abbey, xtara 7.1 ettari (18-il akru) oħra fl-inħawi madwar Darley Abbey għal £1,140 (£150,000) u fl-1782 bena fabbrika tal-qoton fil-villaġġ. Arkwright tħallas ir-royalties minn dawk li kkopjaw il-magni tiegħu, għalkemm kien hemm min issogra li jitħarrek minħabba li qabad u kkopjahom mingħajr ħlas.[11]

Il-kostruzzjoni tal-Fabbrika ta' Masson f'Matlock Bath bdiet fl-1783, istigata minn Arkwright. Għall-ħabta tal-espansjoniżmu ta' Arkwright, Jedediah Strutt daħal fl-industrija tal-għażil tal-qoton. Strutt kellu l-vantaġġ li Arkwright kien diġà wettaq l-isperimentazzjoni kollha meħtieġa bil-makkinarju, u b'hekk ma kellux għalfejn jinvesti fir-riċerka ta' teknoloġija ġdida. Huwa stabbilixxa fabbrika f'Belper, madwar tmien mili (13-il kilometru) fin-Nofsinhar ta' Cromford; x'aktarx tlestiet fl-1781. Is-sit tkabbar biż-żieda tat-tieni fabbrika fl-1784. Strutt bena fabbrika wkoll f'Milford, madwar żewġ mili (tliet kilometri) fin-Nofsinhar ta' Belper. Sal-1793, żdiedu żewġ fabbriki oħra għall-istampar u għat-tbajjid. Il-familja Strutt stmat li sal-1789 kienet investiet £37,000 (£5,000,000) fil-fabbriki tagħha f'Belper u f'Milford (£26,000 f'Belper u £11,000 f'Milford), u kellha rikavat ta' £36,000 (£5,000,000) fis-sena.[12]

L-abitazzjonijiet tal-ħaddiema f'Cromford.

Arkwright kellu reputazzjoni bħala impjegatur paternalistiku li kien jieħu ħsieb il-benesseri tal-impjegati tiegħu u tal-familji tagħhom. Skola tal-Ħadd inbniet f'Cromford fl-1785 u kienet tipprovdi l-edukazzjoni lil 200 tifel u tifla. Sal-1789, is-sjieda tal-proprjetà ta' Cromford reġgħet f'idejn il-familja Arkwright, li b'mod attiv influwenzaw l-istruttura u l-kostruzzjoni tagħha. F'Cromford inbena suq bħala l-qalba l-ġdida tal-villaġġ. Arkwright organizza s-suq kull nhar ta' Ħadd u bħala inċentiv għall-attendenza, kien jagħti premjijiet annwali lil dawk li kienu jattendu l-iktar ta' sikwit. Wara li Arkwright miet fl-1792, ibnu Richard Arkwright iż-żgħir, ħa t-tmexxija f'idejh u bigħ il-biċċa l-kbira tal-fabbriki tal-qoton li kellu barra Cromford u Matlock Bath. Il-fabbriki f'Cromford u f'Matlock Bath x'aktarx inżammu biex jappoġġaw il-proprjetà ta' Willersley. Fi Cromford inħolqu soċjetajiet u klabbs. L-affarijiet reliġjużi tal-komunità kienu inqas ta' interess għal Arkwright, u Arkwright iż-żgħir baqa' ma beniex il-Knisja ta' Cromford qabel l-1797; missieru kellu l-ħsieb li tkun kappella privata għall-familja Arkwright fil-Kastell ta' Willersley. It-tentattivi tal-familja biex Cromford isostni lilu nnifsu bħala villaġġ bil-ħolqien ta' suq irnexxew, u l-villaġġ baqa' jikber sal-ħabta tal-1840. Dan baqa' jseħħ saħansitra wara li l-fabbriki ma baqgħux daqshekk importanti u qabdu t-triq tan-niżla f'dan il-perjodu.[13]

Richard Arkwright iż-żgħir ma kienx interessat fin-negozju tal-qoton, u wara l-mewt ta' missieru, il-familja Arkwright ma baqgħetx tinvesti fl-industrija. Minflok, il-familja Strutt kompliet tinvesti bis-saħħa tal-profitti ġġenerati mill-fabbriki tagħha f'Milford u f'Belper. Huma baqgħu jibnu l-fabbriki sas-snin 10 tas-seklu 19, u sal-1833 in-negozju tagħhom kien jimpjega 2,000 ruħ u kellu d-dominju tal-industrija tal-qoton fil-Wied ta' Derwent.[14] Bħalma kien għamel Arkwright f'Cromford, il-familja Strutt ipprovdiet l-abitazzjonijiet għall-impjegati tagħha. Belper diġà kien villaġġ stabbilit bis-suq tiegħu stess qabel ma Jedediah Strutt beda jibni l-fabbriki, b'hekk ma kellux għalfejn ikollu rwol attiv fl-iżvilupp tal-komunità f'entità li ssostni lilha nnifisha bħalma kellu Richard Arkwright f'Cromford.[15] Il-familja Strutt ipprovdiet l-edukazzjoni, u fl-1817 650 u 300 tifel u tifla attendew l-Iskejjel tal-Ħadd f'Belper u f'Milford rispettivament.[16] Meta mqabbla ma' Cromford, li l-popolazzjoni tiegħu kienet tlaħħaq madwar 1,200 ruħ fil-bidu tas-seklu 19, il-popolazzjoni ta' Belper żdiedet minn 4,500 ruħ fl-1801 għal 7,890 ruħ fl-1831 minħabba l-prosperità tan-negozju.[17] Darley Abbey kiber ukoll bħala insedjament tal-ħaddiema għalkemm ma kellu l-ebda suq tiegħu, għaldaqstant il-provvista tal-ikel għall-abitanti kienet problematika. Id-daqs tal-insedjament irdoppja bejn l-1788 u l-1801, u bejn l-1801 u l-1831 il-popolazzjoni żdiedet minn 615 għal 1,170 ruħ bis-saħħa li kienu żdiedu bosta mill-abitazzjonijiet tal-ħaddiema. Ġiet stabbilita Skola tal-Ħadd għal 80 tifel u tifla f'waħda mill-fabbriki u nbnew knisja u skola oħra fl-1819 u fl-1826 rispettivament.[18]

Il-pedamenti tal-Fabbrika ta' Cromford li nqerdet min-nirien fl-1890, b'kompartiment għar-rota tal-ilma fuq il-lemin.

Minkejja li kienet qawwa kbira tal-industrija tal-qoton fl-ewwel kwart tas-seklu 19, il-kumpanija tal-familja Strutt bdiet tmajna minħabba l-kompetizzjoni tal-irħula bil-fabbriki ta' Lancashire. Il-problema taċ-ċaqliq tas-swieq affettwat il-Wied ta' Derwent kollu; Lancashire kellha pożizzjoni aħjar minn Derbyshire fir-rigward tal-materja prima u s-swieq ġodda. Il-fabbriki mmexxija mill-familja Strutt batew ukoll minħabba nuqqas ta' mmodernizzar; għalkemm kienu minn ta' quddiem fit-teknoloġija kontra n-nirien fil-bidu tas-seklu 19, filwaqt li l-magni li kienu jintużaw fil-fabbriki baqgħu dejjem jikbru u jiżdiedu fil-qawwa tagħhom, il-familja Strutt baqgħet xorta waħda tinsisti li tħaddem lit-tfal, mentri l-użu tal-makkinarju kien iktar xogħol tal-adulti. Il-kumpanija marret lura u fit-tieni nofs tas-seklu 19 uħud mill-fabbriki tagħha nkrew jew inbigħu lil kumpaniji oħra.[19] Minkejja li l-industrija tal-qoton fil-Wied ta' Derwent majnat, ħafna mill-istrutturi assoċjati mal-proċessi industrijali marbuta mal-produzzjoni tal-qoton u l-abitazzjonijiet tal-ħaddiema għadhom jeżistu u b'kollox hemm 848 binja elenkata fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Kanal ta' Cromford

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Maħżen ta' Cromford tul il-Kanal ta' Cromford.

Il-Kanal ta' Erewash, li nbeda fl-1777, kien maħsub primarjament għat-trasport tal-faħam. Kien inixxi mix-xmara Trent f'Sawley sal-Fabbrika ta' Langley, 14-il mil (23 kilometru) fin-Nofsinhar ta' Cromford. Fl-1788, Richard Arkwright staqsa lil William Jessop jagħmel stima tal-kost tal-kostruzzjoni ta' kanal li jikkollega l-fabbriki f'Cromford mal-Fabbrika ta' Langley. Jessop ħareġ biċ-ċifra ta' £42,000 (£6 miljun bil-valur tal-2023) li nġabru fi żmien ftit ġimgħat. Is-sidien tal-fabbriki lokali Jedediah Strutt u Thomas Evans kienu kontra l-kanal propost, għaliex beżgħu li seta' jinterferixxi mal-provvista tal-ilma għall-fabbriki tagħhom, iżda fl-1789 il-Parlament ta l-permess għall-kostruzzjoni tal-kanal.[20]

Meta l-Kanal ta' Cromford infetaħ fl-1794, kien sewa kważi d-doppju tal-istima oriġinali ta' Jessop. Bejn il-Fabbrika ta' Langley u l-Maħżen ta' Cromford, fejn il-kanal kien jintemm fil-kumpless tal-fabbrika, il-kanal kien jgħaddi tul żewġ akkwedotti, kien jgħaddi minn 3,000 jarda (2,700 metru) ta' mini taħt xi fabbriki tal-ħadid f'Bull Bridge, u minn erbatax-il magħlaq. Tliet kwarti tal-merkanzija ttrasportata fuq il-kanal kienet faħam u kokk, filwaqt li l-kumplament kien jikkonsisti minn żrar, minerali tal-ħadid u ċomb.[21] Meta Jessop u Benjamin Outram lestew il-Kanali ta' Derby u ta' Nottingham fl-1796, dawn bdew jipprovdu rotot diretti lejn iċ-ċentri importanti tat-tessuti ta' Derby u ta' Nottingham. F'Jannar 1845, il-Kumpanija tal-Kanal ta' Cromford iddeċidiet li tibni pompa permanenti biex tkun tista' tipprovdi biżżejjed ilma matul kundizzjonijiet ta' nixfa. Dan ix-xogħol sar minn Graham & Company fil-Fabbrika tal-Ħadid ta' Milton, Elsecar. Il-kanal kien suċċess sa nofs is-seklu 19 meta l-Linja Ferrovjarja ta' Manchester, Buxton, Matlock u l-Midlands ġiet estiża lejn in-Nofsinhar tal-kanal. Fl-1852, il-kanal inbigħ lill-kumpanija tal-linja ferrovjarja u b'hekk id-deklin tiegħu kien iktar mgħaġġel. Sal-1889, il-kanal kien jintuża l-iktar għat-traffiku lokali. Eventwalment ingħalaq fl-1944 peress li l-kostijiet tal-manutenzjoni u tat-tiswija tiegħu kienu għoljin wisq. Il-Kunsill tal-Kontea ta' Derbyshire akkwista l-kanal fl-1974 u s-Soċjetà tal-Kanal ta' Cromford ħadet ħsieb ir-restawr tiegħu.[22]

Linja Ferrovjarja ta' Cromford u High Peak

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-binjiet tax-xogħol u l-uffiċċji ta' High Peak Junction – l-istazzjoni tan-Nofsinhar fejn qabel kien hemm il-Linja Ferrovjarja tal-Midlands, li issa hija l-Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Derwent.

Fil-bidu tas-seklu 19 kien ġie propost kanal li jikkollega l-Kanal ta' Peak Forest, li kien jintemm f'Whaley Bridge, mal-Kanal ta' Cromford, u b'hekk jipprovdi rotta diretta bejn is-swieq f'Lancashire u f'Derbyshire. Madankollu, il-kostijiet kienu għoljin wisq u l-pjan ġie abbandunat. Josias Jessop, iben William Jessop, kien jemmen li linja għall-vaguni kienet ferm orħos minn kanal.[23] Fit-2 ta' Mejju 1825 għadda Att tal-Parlament għall-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja minn Cromford sa Whaley Bridge. Il-proposta – appoġġata minn William Cavendish, is-sitt Duka ta' Devonshire, Richard Arkwright iż-żgħir, u diversi bankiera ta' Manchester – kienet ambizzjuża; kien mistenni li fuq il-linja kienu se jintużaw ferroviji li jaħdmu bl-istim, minkejja li t-teknoloġija kienet għadha fil-bidu tagħha u George Stephenson ma beniex ir-Rocket rivoluzzjonarju tiegħu qabel l-1829. Il-parti tan-Nofsinhar tal-linja ferrovjarja, mill-Maħżen ta' Cromford sa Hurdlow, fix-Xlokk ta' Buxton, fetħet fid-29 ta' Mejju 1830, u fis-6 ta' Lulju 1831 infetħet il-bqija tal-linja sa Whaley Bridge.[24] L-ewwel ferroviji li taħdem bl-istim ġiet introdotta fuq il-linja fl-1841; qabel dik id-data, it-traffiku kien magħmul għalkollox mill-vaguni.[25]

Il-linja ferrovjarja kienet titla' minn 277 pied (84 metru) 'il fuq mil-livell tal-baħar fil-Maħżen ta' Cromford sa għoli ta' 1,264 pied (385 metru) 'il fuq mil-livell tal-baħar f'Ladmanlow, qabel ma kienet tinżel sa 747 pied (228 metru) fl-imħażen tal-Kanal ta' Peak Forest. Il-bidliet fl-għoli, li kienu jeħtieġu bosta mgħalaq għal kanal, ma kinux problema għal linja ferrovjarja. Madankollu, għal xi żmien il-Linja Ferrovjarja ta' Cromford u High Peak kellha l-iżjed kurva qawwija fost il-linji ferrovjarji kollha fir-Renju Unit u l-iżjed telgħa wieqfa għall-vetturi li ma kinux jaħdmu bl-istim.[26] Il-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja swiet £180,000, iktar mill-istima oriġinali ta' £155,000 (£14-il miljun u £12-il miljun rispettivament skont il-valur tal-2023) iżda ferm inqas mill-£500,000 li kien il-kost previst għall-kostruzzjoni tal-kanal (£38 miljun skont il-valur tal-2023).[27] Peress li nbnew biex jikkollegaw il-Kanali ta' Peak Forest u ta' Cromford, l-andament tal-linji ferrovjarji kien marbut mill-qrib ma' dak tal-kanali. Il-linja ma kinitx qed tagħmel profitt peress li sakemm infetħet it-traffiku kien naqas tul il-Kanal ta' Cromford.[28] Fl-1855, Att tal-Parlament ippermetta lil-linja tittrasporta l-passiġġieri kif ukoll il-merkanzija.[29] Għalkemm it-trasport tal-passiġġieri sar iktar importanti għal-linja ferrovjarja, xorta waħda batta u l-linja ngħalqet fil-21 ta' April 1967.[30]

Il-Fabbrika ta' Slater Mill f'Pawtucket, Rhode Island, li kienet tinkorpora bosta elementi tas-sistema tal-fabbriki żviluppata fil-Wied ta' Derwent, u li kienet inbniet minn Samuel Slater minn Belper.

Il-Wied ta' Derwent jitqies bħala l-post fejn twieldet is-sistema tal-fabbriki. Il-magni li żviluppaw fil-Wied ta' Derwent bħall-qafas tal-ilma ppermettew il-produzzjoni kontinwa. Il-Fabbrika ta' Cromford ta' Richard Arkwright u l-insedjament assoċjat tal-ħaddiema servew bħala mudell għall-komunitajiet industrijali, mhux biss fil-wied iżda fuq livell internazzjonali. Ir-raġuni li nbena insedjament fl-istess żmien li nbniet il-Fabbrika ta' Cromford kienet biex il-ħaddiema jkollhom abitazzjonijiet fejn setgħu jgħixu; l-unika mod kif seta' jiġi żgurat li jkun hemm il-ħaddiema meħtieġa mill-fabbrika kien li jiġu pprovduti d-djar għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom. Is-suċċess tal-mudell ta' Arkwright wassal biex industrijalisti oħra jikkopjawh. Imprendituri bħal Peter Nightingale, Jedediah Strutt u Thomas Evans stabbilew l-insedjamenti ta' Belper, ta' Milford u ta' Darley Abbey fi ħdan il-Wied ta' Derwent għall-impjegati tagħhom. Minbarra l-importanza ekonomika li tiġi żgurata l-provvista tal-ħaddiema, l-industrijalisti kienu jieħdu ħsieb lill-impjegati u lill-familji tagħhom għaliex donnu kellhom sens ta' paternaliżmu.[31]

L-innovazzjonijiet ta' Arkwright ma kinux biss marbuta mal-iżvilupp tal-insedjamenti tal-ħaddiema; huwa rreġistra wkoll privattivi fir-rigward ta' bosta teknoloġiji li ntużaw għall-għażil imħaddem bl-enerġija mill-ilma. Tant kellhom suċċess li l-industrijalisti rivali ssograw azzjoni legali minħabba li kkopjaw id-disinni tiegħu. Il-privattivi tiegħu skadew fl-1785, u sal-1788 iktar minn 200 fabbrika tat-tip ta' Arkwright kienu ġew stabbiliti fir-Renju Unit. New Lanark fl-Iskozja – Sit ta' Wirt Dinji ieħor tal-UNESCO[32] – kien influwenzat direttament minn Richard Arkwright u mill-iżviluppi fil-Wied ta' Derwent; Lanark ġie identifikat bħala sit potenzjali għal fabbrika waqt żjara minn David Dale u Arkwright fl-1784. Dale iktar 'il quddiem stabbilixxa erba' fabbriki fi New Lanark; strutturalment kienu simili għall-Fabbrika ta' Masson ta' Arkwright u mill-inqas tnejn mill-fabbriki kienu jużaw teknoloġija li ġiet żviluppata fil-Wied ta' Derwent, minkejja li s-sistema tal-fabbriki kienet differenti minn dik użata fil-Wied ta' Derwent. New Lanark ġie akkwistat minn Robert Owen fl-1799 u dan kompla jiżviluppa l-paternaliżmu iktar milli kien sar fil-Wied ta' Derwent, filwaqt li sperimenta bl-edukazzjoni għal kulħadd u bil-kontroll soċjali. Saltaire – Sit ta' Wirt Dinji ieħor tal-UNESCO[33] – ġie stabbilit fl-1853 u kellu abitazzjonijiet u faċilitajiet għall-ħaddiema, kif ukoll elementi oħra tas-sistema tal-fabbriki żviluppata minn Arkwright.[34]

Fl-1774, il-gvern Brittaniku għadda att li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' "għodod jew utensili" li jintużaw fl-industriji tal-qoton u tal-għażel. B'hekk, l-unika mod li bih it-teknoloġiji l-ġodda żviluppati fir-Renju Unit setgħu jinfirxu f'pajjiżi oħra kien permezz tal-ispjunaġġ industrijali. Carl Delius ħadem fl-Ingilterra u ta l-pjanijiet ta' ħafna mill-invenzjonijiet ta' Arkwright lil Johann Gottfried Brugelmann; Brugelmann uża l-informazzjoni biex jistabbilixxi fabbrika f'Ratingen, qrib Düsseldorf, il-Ġermanja, li bdiet il-produzzjoni fl-1784. Huwa ta l-isem ta' Cromford lill-insedjament assoċjat mal-fabbrika. Il-fabbrika kienet l-ewwel fabbrika tat-tip ta' Arkwright fl-Ewropa kontinentali. It-tekniki għall-għażil tal-qoton li ġew żviluppati fil-Wied ta' Derwent infirxu wkoll fl-Amerka. Fl-1790, l-Istati Uniti kellhom inqas minn 2,000 magħżel imħaddma bit-tagħmir tal-għażil bl-idejn, imqabbel maż-2.4 miljun magħżel mekkanizzat li kien hemm dak iż-żmien fir-Renju Unit. Il-fabbrika tat-tip ta' Arkwright ġiet introdotta fl-Amerka minn migranti mill-Ingilterra, u bosta minnhom ma kinux tas-sengħa. Fosthom kien hemm Samuel Slater li kien mill-Wied ta' Derwent u kien apprendist ta' Jedediah Strutt. Huwa stabbilixxa l-Fabbrika ta' Slater f'Pawtucket, Rhode Island. Ħafna mit-teknoloġiji żviluppati fil-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent baqgħu jintużaw u ġew adottati għal industriji oħra tat-tessuti; sa nofs is-seklu 20, it-tqardix kien għadu jsir bil-makkinarju vvintat minn Richard Arkwright. Is-sistema tal-fabbriki għamlitha possibbli li jiġu prodotti tessuti u lbies irħas.

Preservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Fabbrika ta' Cromford, inxtrat mis-Soċjetà ta' Arkwright fl-1979 wara li s-sit kien ġie abbandunat mis-sidien preċedenti tiegħu li kellhom kumpanija tal-kuluri u taż-żebgħa.

Is-Soċjetà ta' Arkwright (bl-Ingliż: The Arkwright Society) ġiet iffurmata waqt il-Festival ta' Arkwright tal-1971. Il-kumpless tal-Fabbrika ta' Cromford inxtara mis-Soċjetà ta' Arkwright fl-1979, u b'hekk il-binjiet assoċjati mal-fabbrika ġew salvati mill-qerda. Is-soċjetà xtrat is-sit bl-iskop li tikkonservah u bl-intenzjoni li tibda twettaq ir-restawr tiegħu. Il-fabbriki kienu ġew ikkontaminati mill-proċessi industrijali li jinvolvu l-kuluri u ż-żebgħa li kienu maħżuna fil-fabbriki wara li ma baqgħux jipproċessaw il-qoton. Bl-għajnuna tal-kunsilli lokali, tal-Aġenzija għall-Iżvilupp tal-Lvant tal-Midlands, tal-English Heritage, tal-Heritage Lottery Fund, u għal kost totali ta' £5 miljun, il-fabbriki ġew irrestawrati u dekontaminati. Issa l-Fabbrika ta' Cromford qed tintuża minn negozji żgħar u tintuża wkoll għall-edukazzjoni.[35][36]

Bosta mill-fabbriki li nbnew fil-Wied ta' Derwent għall-industrija tal-qoton għadhom jeżistu u reġgħu ntużaw wara d-deklin tal-industrija. Il-biċċa l-kbira tal-abitazzjonijiet tal-ħaddiema għadhom jeżistu wkoll u għadhom jintużaw bħala djar. Matul is-snin 70 u 80 tas-seklu 20, l-awtoritajiet lokali fi sħubija mal-English Heritage għamlu ħilithom biex jipprevjenu d-deterjorament tad-djar u tal-fabbriki billi taw pariri lis-sidien u billi użaw għotjiet finanzjarji biex isir xogħol ta' konservazzjoni. Meta saret l-applikazzjoni biex is-sit jitqies għad-deżinjazzjoni bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000, 26 mit-838 binja elenkata fl-inħawi kienu mdaħħla fir-Reġistru tal-Bini fil-Periklu tal-English Heritage u kienu żdingati.[37]

Fis-sena 2000, il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent ġew innominati biex isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Flimkien mal-Pajsaġġ Industrijali ta' Blaenavon[38], New Lanark u Saltaire (kollha kemm huma Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO), is-sit ġie propost biex tiżdied ir-rappreżentanza tal-wirt industrijali fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-proposta ntlaqgħat u fl-2001 il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent tniżżlu fil-lista.[39] L-għan ta' din id-deżinjazzjoni hu li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sit peress li jitqies li għandu "valur universali straordinarju għall-umanità".[40] Il-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent kienu pijunieri fl-abitazzjonijiet għall-ħaddiema kif ukoll għall-biċċa l-kbira tat-teknoloġija żviluppata minn Richard Arkwright, li pproduċa pajsaġġ industrijali u rħula industrijali. Is-Sħubija tal-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent hija responsabbli, f'isem il-gvern Brittaniku, għall-ġestjoni tas-sit. F'Ġunju 2009, il-Fabbrika ta' Bath Street f'Derby ġarrbet xi ħsarat minħabba nirien. Il-binja kienet parti mis-Sit ta' Wirt Dinji u kienet tmur lura għas-seklu 18.[41]

Fl-2018, ir-"Raggruppament Kreattiv tal-Fabbriki ta' Cromford u l-Proġett ta' Promozzjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji" ġew elenkati bħala finalist għall-"Aqwa Riġenerazzjoni Maġġuri ta' Binja Storika jew Post Storiku" fil-Premjijiet Angel għall-Postijiet Storiċi tal-Ingilterra.[42] Fl-2019, is-Soċjetà ta' Arkwright kienet timpjega 100 ruħ fis-sit tal-Fabbriki ta' Cromford;[43] in-nefqa għar-restawr sa dak iż-żmien kienet tlaħħaq it-£48 miljun.[44]

  • Il-Fabbrika ta' Masson ta' Richard Arkwright issa hija mużew operattiv tat-tessuti bl-ikbar kollezzjoni ta' ċombini u rkiekel fid-dinja.[45]
  • L-Impjant tal-Pompa ta' Leawood issa huwa mużew operattiv li għadu jippompja l-ilma mill-Kanal ta' Derwent għal dak ta' Cromford; jiftaħ f'diversi tmiem il-ġimgħa partikolari.
  • F'Belper, filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-sit ġie kkonvertit għal użi ta' negozji oħra, il-binja tal-Fabbrika tat-Tramuntana ta' Belper tospita ċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Wied ta' Derwent, li fih wirjiet ta' makkinarju u oġġetti oħra assoċjati mal-istorja tal-industrija tat-tessuti tal-Wied ta' Derwent.[46]
  • Fit-tarf nett tan-Nofsinhar tas-sit, il-Fabbrika tal-Ħarir ta' Lombe issa tospita l-Mużew Industrijali ta' Derby.[47] Dan il-mużew għalaq fit-3 ta' April 2011 u baqa' magħluq għal iktar minn sentejn.[48]
  • F'Ottubru 2013 inbeda programm biex tiġi pproġettata fabbrika tal-ħarir għas-seklu 21, li tinkorpora l-prinċipji tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija, tal-arti u tal-matematika. Il-mużew issa jiftaħ erbat ijiem fil-ġimgħa.[49]
  • Il-Mużew Industrijali ta' Derby ingħata isem ġdid f'Novembru 2021 u sar il-Mużew tal-Manifattura. Jospita sensiela ta' wirjiet dwar l-istorja tal-Fabbriki tal-Wied ta' Derwent u l-kuntest usa' tal-manifattura.[50]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Conrad Jr, James L. (January 1995), "Drive That Branch": Samuel Slater, the Power Loom, and the Writing of America's Textile History", Technology and Culture, 36 (1): 1–28.
  • Cooper, Brian (1983), Transformation of a Valley: The Derbyshire Derwent, Londra: Heinemann.
  • Derwent Valley Mills Partnership (2000), Nomination of the Derwent Valley Mills for inscription on the World Heritage List, Derwent Valley Mills Partnership.
  • Mason, J. J. (2004), "Strutt, Jedediah", Oxford Dictionary of National Biography (edizzjoni online), Oxford University Press.
  1. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Derwent Valley Mills". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  2. "HOME". Derwent Valley Trust (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  3. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 13.
  4. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 10.
  5. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 32.
  6. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 93-94.
  7. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 94.
  8. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 96.
  9. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 94-95.
  10. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 96-97.
  11. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 106.
  12. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 101-102.
  13. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 100.
  14. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 102-104.
  15. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 103.
  16. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 105.
  17. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 100-104.
  18. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 110.
  19. Derwent Valley Mills Partnership (2000), pp. 32, 102-103.
  20. Cooper (1983), p. 191.
  21. Cooper (1983), p. 192.
  22. Cooper (1983), p. 193.
  23. Cooper (1983), pp. 199-200.
  24. Cooper (1983), p. 200.
  25. Cooper (1983), p. 202.
  26. Cooper (1983), pp. 200, 202.
  27. Cooper (1983), pp. 200, 203.
  28. Cooper (1983), pp. 203, 205.
  29. Cooper (1983), p. 203.
  30. Cooper (1983), p. 206.
  31. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 27.
  32. Centre, UNESCO World Heritage. "New Lanark". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-11.
  33. Centre, UNESCO World Heritage. "Saltaire". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-11.
  34. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 30.
  35. "Arkwright". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-06-24. Miġbur 2023-01-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  36. "archive.ph". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-07-22. Miġbur 2023-01-10.
  37. Derwent Valley Mills Partnership (2000), p. 134.
  38. Centre, UNESCO World Heritage. "Blaenavon Industrial Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-11.
  39. Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Inscribes 31 New Sites on the World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  40. Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  41. "Historic mill is damaged by fire" (bl-Ingliż). 2009-06-16. Miġbur 2023-01-10.
  42. "Historic England Angel Awards | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  43. "About Cromford Mills". Miġbur 2023-01-10.
  44. "Inside the £130m 'conservation challenge of the century'". 2020-01-31. Miġbur 2023-01-10.
  45. "Masson Mill". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2023-01-10.
  46. "Strutts North Mill Museum Belper" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-10.
  47. "The Silk Mill". web.archive.org. 2009-02-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-21. Miġbur 2023-01-10.
  48. "Mużew". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-27. Miġbur 2023-01-10.
  49. "THE SILK MILL | Derby Museums". web.archive.org. 2013-12-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-10. Miġbur 2023-01-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  50. "Museum of Making | Derby Museums". www.derbymuseums.org. Miġbur 2023-01-10.