Fabbrika tal-Injam u tal-Kartun ta' Verla
Il-Fabbrika tal-Injam u tal-Kartun ta' Verla f'Jaala, Kouvola, il-Finlandja tinsab f'villaġġ industrijali ppreservat sew tas-seklu 19. Il-fabbrika, li tinsab tul it-Tramuntana tax-xmara Kymi, qrib diversi impjanti tal-enerġija, flimkien ma' xi djar residenzjali, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 minħabba li tqiesu bħala xhieda tal-industrija tal-injam fis-seklu 19 u tal-ħajja tal-ħaddiema industrijali ta' dak iż-żmien.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fabbrika tal-Injam u tal-Kartun ta' Verla tinsab f'villaġġ industrijali tipiku tal-ipproċessar tal-injam tal-aħħar tas-seklu 19. Ir-residenza ta' sid il-fabbrika, magħmula mill-injam, u l-park tal-madwar jinsabu fuq in-naħa tal-Punent tax-xmara flimkien mal-binjiet tal-fabbrika, filwaqt li d-djar tal-ħaddiema jinsabu skont pjanta regolari fuq in-naħa tal-Lvant. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet tal-fabbrika huma magħmula minn brikks ħomor, u minkejja l-istil Neo-Gotiku kemxejn antikwat tagħhom, kienu teknoloġikament avvanzati għal żmienhom. Dawn jinkludu l-impjant tal-ipproċessar, l-impjant tat-tnixxif, l-impjant tat-tħin tad-dqiq u xi ftit imħażen. Tul ix-xmara hemm tliet impjanti tal-enerġija, li nbnew fis-snin 20 tas-seklu 20, fl-1954 u fl-1995. Fuq in-naħa tal-Lvant tax-xmara nstab xi tpittir preistoriku fuq il-blat (ta' bejn wieħed u ieħor 6,000 sena ilu), bi xbihat ta' alċi, bnedmin u xbihat ġeometriċi bil-linka ħamra.
L-ewwel fabbrika tal-injam u tal-kartun ta' Verla ġiet stabbilita fl-1872 minn Hugo Neuman iżda nqerdet min-nirien fl-1876.[2] Fabbrika ikbar tal-injam u tal-kartun, li ġiet stabbilita fl-1882 minn Gottlieb Kreidl u Louis Haenel, baqgħet topera sat-18 ta' Lulju 1964, meta rtiraw l-aħħar ħaddiema anzjani. Fl-1908, il-fabbrika nxtrat mill-Korporazzjoni ta' Kymmene. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet fil-villaġġ industrijali tal-fabbrika jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 19 u għall-bidu tas-seklu 20 (1885–1902).[1]
Wara li għalqet, il-fabbrika tal-injam u tal-kartun ġiet ikkonvertita f'mużew tat-teknoloġija tal-ipproċessar tal-injam u tal-kartun li fetaħ fl-1972. Il-magni storiċi ġew ippreservati f'posthom (għajr diversi oħrajn li ġew ittrasportati minn binjiet oħra). Mawra gwidata tal-fabbrika ssegwi l-proċess teknoloġiku kollu mill-qtugħ tal-injam u l-produzzjoni tal-polpa, għat-tnixxif, it-tqassim u l-ippakkjar tal-injam u tal-kartun skont id-diversi tipi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fabbrika tal-Injam u tal-Kartun ta' Verla ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Museum
- Debarking machine
- Grinder (a groundwood production machine)
- Logs in the grinder