Euphorbia melitensis
| Euphorbia melitensis | |
|---|---|
|
| |
| Klassifikazzjoni xjentifika | |
| Renju | Plantae |
| Ordni | Malpighiales (mul) |
| Familja | Euphorbiaceae (mul) |
| Tribù | Euphorbieae (mul) |
| Ġeneru | Euphorbia (mul) |
| speċi | Euphorbia melitensis Parl., 1869
|
L-Euphorbia melitensis, magħrufa bħala Tengħud ta' Malta jew Tengħud tax-Xagħri bil-Malti u Maltese Spurge bl-Ingliż, hija speċi ta' pjanta mill-familja Euphorbiaceae.[1][2][3] L-Euphorbia melitensis hija endemika għall-Gżejjer Maltin.[2][4][5][3][6]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Tikber biss fil-Gżejjer Maltin fix-xagħri u fuq l-irdumijiet, fejn tikber bejn 50 ċentimetru sa massimu ta’ żewġ metri.[3][7] L-Euphorbia melitensis tikber bħala arbuxxell tond b’zokk oħxon ċentrali tal-injam li minnu joħorġu friegħi bi zkuk ġodda li jkunu ħodor u mhux bl-injam.[7] Iz-zkuk il-ġodda jwarrdu bil-fjuri fit-truf bejn Frar u Mejju.[2][3] Il-fjuri huma ħodor b’weraq forma ta’ petali li jkunu ta’ lewn isfar, fejn il-fjuri maskili u femminili huma organizzati seperati minn xulxin imma jinstabu fl-istess inflorexxenza fuq l-istess pjanta.[8][9] L-Euphorbia melitensis hija pjanta velenuża li tipproduċi likwidu abjad velenuż fiz-zkuk kif ukoll fil-weraq tagħha li jservi bħala deterrent kontra ir-ragħa tal-annimali.[2] [7]
Nomenklatura
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem tal-ispeci bil-latin melitensis jfisser pjanta li oriġinat minn Malta, fejn Melita huwa l-isem antik ta’ Malta. [2][7] L-Euphorbia melitensis ġiet deskritta għall-ewwel darba fl-1869 mill-botanist Taljan Filippo Parlatore (1816-1877), fir-raba’ volumi ta’ Flora Italiana, Serie ta’ kotba f’għaxar volumi li ħargu bejn 1848-1896.[1][7][10][11] Matul iż-żminijiet tal-aħħar snin tas-Seklu Dsatax u sal-bidu tas-Seklu Għoxrin, l-Euphorbia melitensis kienet ingħatat ismijiet oħrajn bħala sottospeċi jew varjeta’ tal-ġeneru Euphorbia li jikbru fuq l-art kontinentali fir-reġjun tal-Mediterran, fosthom l-Euphorbia spinosa u l-Euphorbia bivonae. [1][10] Illum il-ġurnata l-Euphorbia melitensis hija meqjusa bħala speċi endemika li hija differenti mill-ispeċi l-oħrajn imsemmija.[1][3]
Protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-Euphorbia melitensis hija protetta bil-liġi fil-Ġżejjer Maltin permezz tar-Regolazzjoni 26 u Skeda III tal-leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.44 tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali.[2] [12] Dan ifisser li din l-ispeċi għandha protezzjoni stretta, li skont il-liġi Maltija, l-Euphorbia melitensis ma tistax tiġi mneħħija, mqaċċta jew meqruda fl-ambjent naturali tagħha fejn tinstab.[12] Minħabba li din l-ispeċi hija endemika għall-Gżejjer Maltin u meqjusa mhedda fl-ambjent naturali tagħha fuq dawn il-Gżejjer.[2][13] Fil-fatt hija mnizzla fir-Red Data Book of the Maltese islands bħala speċi mhedda bl-estinzjoni fil-Gżejjer Maltin.[13]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 "Euphorbia melitensis Parl. | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- 1 2 3 4 5 6 7 Mifsud, Stephen (2002-08-23). "Euphorbia melitensis (Maltese Spurge) : MaltaWildPlants.com - the online Flora of the Maltese Islands". www.maltawildplants.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- 1 2 3 4 5 Lanfranco, Edwin; Bonett, Guido (2022). Nature Guide Series Wild Flowers of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Print It, Paola: Book Distributors Ltd. p. 67. ISBN 978-99957-46-59-9.
- ↑ "Euphorbia melitensis Parl. - Encyclopedia of Life". eol.org. Miġbur 2021-12-14.
- ↑ "Euphorbia melitensis Parl". www.gbif.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-14.
- ↑ Brullo, Salvatore; Brullo, Cristian; Cambria, Salvatore; Giusso del Galdo, Gianpietro (2020). "The Vegetation of the Maltese Islands". Geobotany Studies (bl-Ingliż).
- 1 2 3 4 5 Malta, Times of (2010-11-23). "Close-ups of Maltese nature (57)". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-13.
- ↑ Althobaiti, A. T. (2023). Taxonomic Studies on Family Euphorbiaceae Based on Some Morphological, Biochemical and Molecular Characteristics. Journal of Advanced Zoology, 44. doi: 10.17762/jaz.v44is6.2621
- ↑ Narbona, E., Ortiz, P. L., & Arista, M. (2011). Linking self-incompatibility, dichogamy, and flowering synchrony in two Euphorbia species: alternative mechanisms for avoiding self-fertilization?. PloS one, 6(6), e20668.doi: https://doi.org/10.1371/journal.pone.0020668
- 1 2 "Euphorbia melitensis | International Plant Names Index". www.ipni.org. Miġbur 2025-08-13.
- ↑ Parlatore, F. (1848-1896). Flora italiana; ossia, Descrizione delle piante che crescono spontanee o vegetano come tali in Italia e nelle isole ad essa aggiacenti; disposta secondo il metodo naturale. 10 vols. Firenze: Tipografia Le Monnier. doi: https://doi.org/10.5962/bhl.title.6341
- 1 2 "LEĠIŻLAZZJONI MALTA". legislation.mt. Miġbur 2025-08-14.
- 1 2 "Red Data Book for the Maltese Islands" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-14.