Edmond Zarb
| Edmond Zarb | |
|---|---|
| Ħajja | |
| Twelid | Ħamrun, 2 Marzu 1945 |
| Nazzjonalità | Malta |
| Mewt | 2 April 2026 |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
mużiċist rumanzier kompożitur tal-kanzunetti |
| Strument/i tal-mużika | pjanu |
Edmond Zarb twieled il-Ħamrun fit-2 ta’ Marzu 1945. Studja l-Kulleġġ ta’ Stella Maris fil-Gżira. Meta kellu ħames snin, beda jistudja l-pjanu ma’ missieru, Anthony Zarb, li kien mużiċist ukoll.[1]
Fl-1967 għamel l-ewwel kuntratt tiegħu bħala pjanista tal-lukanda Malta Hilton, fejn dam 30 sena u ingħata unur internazzjonali wara biss ħames snin għall-eċċellenza li wera fil-profiċjenza tal-pjanu mal-klijenti u midalja oħra wara 30 sena ta’ dedikazzjoni bla waqfien għas-servizz tiegħu f’qasam li kien passjonat dwaru. Matul is-snin, kiseb bosta suċċessi f’festivals lokali u internazzjonali bil-kanzunetti li kkompona għal kantanti magħrufa Maltin, bħal Joe Cutajar, Enzo Guzman, Catherine Vigar, Marthese Tanti, Renato, Moira Stafrace u oħrajn.[1] Il-karriera tiegħu bħala pjanista f’lukandi prominenti Maltin issoktat il-Phoenicia[2] kif ukoll il-Westin Dragonara.[3][4][5]
Zarb ma kellux biss namra għall-mużika. Wera wkoll interess kbir għall-kitba fil-lingwa Maltija. Minn dejjem kien iħarbex xi storja qasira li kienet tixxandar fuq il-mezzi tax-xandir ta’ dawk iż-żmenijiet, xi wħud minnhom li nqraw minn Charles Arrigo. F’ Novembru 1979, Twanny Scalpello beda jaqra l-ewwel rumanz tiegħu F’Xifer l-Irdum li ġie ppubblikat fl-1981 bil-koooperazzjoni ta’ David Buġelli. Dan l-ewwel rumanz kien suċċess u ssokta bil-pubblikazzjoni ta’ rumanz ieħor F’Salib it-Toroq, li nqara wkoll fuq Radju Malta minn Twanny Scalpello.
Is-sensiela tar-rumanzi tiegħu ssoktat: F’Keffa ta’ Miżien (1981), F’Telfa tal-Ġenn (1983), F’Radda ta’ Salib (1984), F’Telfien id-Dnub (1986), F’Seħer it-Tifkiriet (1988), F’Tgħanniqa mal-Mewt (2001) u F’Taqbida mal-Mewġ (2003). Xi wħud minnhom inqraw fuq il-mezzi tax-xandir u r-rumanz F’Tgħanniqa mal-Mewt ġie adattat għal serje fuq it-televiżjoni Maltija bit-titlu “Tgħanniqa”. Mill-2005 lil hemm, ħareġ sensiela oħra ta’ rumanzi, ffukati fuq il-karattru femminili: Nina, Veronika, Manwela, Sara u l-aħħar wieħed popolari “Emma”, rumanz li nqara diversi drabi fuq il-mezzi tax-xandir.[6]
Zarb miet fit-2 ta’ April 2026 fl-età ta' 81 sena.[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 "Joseph Edmond Zarb". m3p.com.mt (bl-Ingliż).
- ↑ Phoenicia Hotel (30 January 2010). "Resident Painist Edmund Zarb at the Phoenicia Hotel". YouTube (bl-Ingliż).
- ↑ "'His music filled our lobby' – Westin Dragonara pays its respects to pianist Edmond Zarb". whoswho.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2026-07-08.
- ↑ "For over 25 years, Edmond Zarb's music filled our lobby and touched the hearts of everyone who passed through. A beloved presence, week after week, year after year. Today we honour his memory with… | The Westin Dragonara Resort | 11 comments". LinkedIn (bl-Ingliż). Miġbur 2026-07-08.
- ↑ "The Westin - For over 25 years, Edmond Zarb's music filled our lobby and touched the hearts of everyone who passed through. A beloved presence, week after week, year after year. Today we honour his memory with love and gratitude. He will not be forgotten. ❤️ | Facebook". www.facebook.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-07-08.
- 1 2 Zammit, Frederick (2 April 2026). ""Tajt kontribut lill-kultura Maltija" – imut l-awtur u pjanist Edmond Zarb". Newsbook (bil-Malti).