Francis Ebejer

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Ebejer)
Francis Ebejer
Ħajja
Twelid Dingli, 28 Awwissu 1925
Nazzjonalità Malta
Mewt Is-Swieqi, 10 Ġunju 1993
Edukazzjoni
Alma mater St Mary's University, Twickenham (en) Translate
Lingwi Ingliż
Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
poeta
drammaturgu
rumanzier

Francis Ebejer (twieled fit-28 ta' Awwissu 1925 – miet fl-10 ta' Ġunju 1993) kien drammaturgu ewlieni Malti matul it-tieni nofs tas-seklu 20. Huwa kiteb iżjed minn ħamsin dramm għall-palk, televiżjoni u radju, li fil-maġġoranza tagħhom kienu bil-Malti. Fix-xogħlijiet innovattivi tiegħu introduċa introspezzjoni profonda tas-soċjetà Maltija permezz ta’ stil eleganti li jixhed is-sengħa kbira li kellu Ebejer fil-mod kif kien juża l-lingwa Maltija.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Francis Ebejer twieled u trabba Ħad-Dingli. Kien l-ikbar fost sebat aħwa. Kemm missieru kif ukoll ommu kienu għalliema. Missieru Ġużè kien is-Surmast tal-iskola Primarja f’Ħad Dingli waqt li ommu kienet għalliema tal-Matematika fl-iskola sekondarja ċentrali fil-Belt Valletta.

Studja fl-iskola primarja tal-Gvern u fil-Liċeo. Ebejer studja l-mediċina fl-Università ta' Malta bejn l-1942 u l-1943 imma telaq biex jaħdem bħala interpretu tal-Ingliż-Taljan mal-8th Army tal-Forzi Brittaniċi fit-Tripolitanja, l-Afrika ta' Fuq (1943–1944).

Ħa sena kors tal-Letteratura fl-Università ta' Malta. Imbagħad mexa fuq il-passi ta' missieru u sar għalliem tal-Ingliż u wara sentejn taħriġ f'St Mary's Training College, f'Middlesex, l-Ingilterra (1948–1950), hu nħatar kap tal-iskejjel primarji tal-Gvern fejn baqa' sal-1978. Kien kap tal-iskola primarja tas-Siġġiewi u mbagħad taż-Żurrieq. Sadanittant, bejn l-1961 u l-1962 huwa ngħata l-Fulbright Travel Grant għall-Istati Uniti, fejn dam tmien xhur.

Rumanzi[immodifika | immodifika s-sors]

Sal-1950 Ebejer kiteb biss bil-lingwa Ingliża. Ix-xogħlijiet tiegħu jikkonsistu f’poeżiji, novelli, artikli u saġġi. Fl-1953, ippubblika novella fil-Woman’s Own. Ebejer kiteb ir-rumanzi kollha tiegħu bl-Ingliż, barra wieħed: Il-Ħarsa ta' Rużann.

L-aħħar rumanz The Malta Baron and I Lucian kien ippubblikat fl-2002, disa' snin wara mewtu. Dan jista' jitqies bħala tewmi ma' Requiem for a Malta Fascist (1980). Iż-żewġ rumanzi jittrattaw il-Faxxiżmu u t-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn is-suġġetti kienu importanti ħafna fil-ħajja tiegħu.

Ir-rumanzi ta' Ebejer ġew ippubblikati fl-Ingilterra, fl-Amerka u f’Malta.

Rumanzi bl-Ingliż:

  • A Wreath of Maltese Innocents (1958)
  • Evil of the King Cockroach (1960)
  • Wild Spell of Summer (1968)
  • In the Eye of the Sun (1969)
  • Come Again in Spring (1973)
  • Requiem for a Malta Fascist (1980)
  • Leap of Malta Dolphins (1982)
  • For Rożina a Husband & Other Malta Stories (1990)
  • The Malta Baron and I Lucian (postum 2002)

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

Ebejer kien id-drammaturgu prinċipali f'Malta fit-tieni nofs tas-seklu 20. Id-drammi oriġinali tiegħu, miktubin bi stil eleganti li juri sengħa kbira fl-użu tal-ilsien Malti, ippruvaw idaħħlu introspezzjoni iżjed profonda fis-soċjetà Maltija.

Fis-snin ħamsin kien jikteb l-iżjed għar-radju. Beda l-karriera tiegħu permezz ta' drammi fuq ir-radju, televiżjoni u stejjer qosra li kienu ppubblikati fi New York bejn l-1980 u 1992 u oħrajn imxandra fuq il-BBC.

Beda jikteb bil-Malti fl-1950, meta daħal għall-kompetizzjoni tal-Malta Drama League għar-Rediffusion. Ir-radjudramm Ċpar fix-Xemx rebbħu l-ewwel premju. Aktar tard ġie ppubblikat f’Leħen il-Malti. Minn hawn ’il quddiem ir-radjudrammi kotru bis-sħiħ. Fost l-oħrajn ta’ min isemmi Bwani, Sefora, Is-Sejħa ta’ Sarid, Dawra Durella, Majjistral, Ix-Xorti ta’ Mamżell u Il-Bidu Jintemm.

Is-snin sittin raw lil Ebejer, issa iżjed matur, jikteb ix-xogħlijiet teatrali importanti tiegħu. It-tliet opri kbar tiegħu Vaganzi tas-Sajf (1962), Boulevard (1964), u Menz (1967) li ttellgħu fit-Teatru Manoel, kisbu suċċess immedjat għax offrew lill-pubbliku xi ħaġa li kienet nieqsa fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien: il-kunċett ta’ drama intellettwali. Vaganzi tas-Sajf, li għalih ingħata l-ewwel premju fl-ewwel kompetizzjoni għad-drammi organizzati mill-Kumitat tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel, inqaleb għall-Franċiż, għat-Taljan u għall-Ġermaniż u ġie ippubblikat fi Franza, fl-Italja u f’Malta. Min-naħa l-oħra d-dramm Menz ittella’ fi Spanja, f’Tokyo u anke f’Venezja.

L-aħħar dramm ta' Francis Ebejer kien Il-Ġaħan ta' Binġemma, miktub fl-1986 għas-Sena Internazzjonali taz-Żgħażagħ u li kien dirett għall-Ministeru tal-Edukazzjoni minn Mario Azzopardi. F’dan il-ktieb huwa jirnexxielu jidħol fil-qalb tal-ġrajjiet ta’ Malta u jifli sewwa t-tradizzjoni, ir-Reliġjon u l-Kultura waqt li jgħaqqad dan kollu taħt il-maġija sublimi ta’ Ġaħan – is-suppost baħnan li m’hu baħnan xejn, imma l-iktar wieħed "għaref". Il-ktieb huwa ta’ valur storiku u antroplogu, imma l-valuri l-iktar importanti tiegħu, huma mill-aspett filosofiku u għall-estetika tal-Letteratura jekk tqabblu max-xogħlijiet letterarji tal-ħassieba tad-Dinja.

Ebejer kiteb ukoll xi drammi bl-Ingliż, fosthom Bloddy in Bolivia u The Golden Tutkif ukoll The Cliffhangers, li mbagħad qalbu għall-Malti bħala L-Imwarrbin. Fost l-aqwa drammi bl-Ingliż li kiteb insibu Summer Holidays li ġie tradott għall-Franċiż, Taljan u Ġermaniż.

Ebejer kiteb dwar temi universali imma applikahom għall-ambjent Malti. Huwa kien jitħasseb dwar il-futur kulturali, ekonomiku u ġeopolitiku tal-Mediterran. Spiss jorbot l-imgħoddi mal-preżent bħala mod kif jingħaraf il-ġejjieni. Il-karattri tiegħu huma studjati b’mod psikoloġiku u jirrappreżentaw it-tiftixa tan-nazzjon għall-identità. Ebejer jesplora l-ħtija, it-tpattija, il-libertà, il-kuxjenza, l-impotenza, id-destin, is-solitudni, id-delużjoni u t-tiftixa falluta għall-verità.

Drammi bil-Malti:

  • Ċpar fix-Xemx (1952)
  • Iż-Żjara (1965)
  • Is-Sejħa ta’ Sarid (1965)
  • Bwani (1965)
  • Ix-Xorti ta’ Mamzell (1965)
  • Menz (1970)
  • Boulevard (1970)
  • Vaganzi tas-Sajf (1970)
  • Il-Ħadd fuq il-Bejt (1973)
  • L-Imnarja Żmien il-Qtil (1974)
  • L-Imwarrbin (1974)
  • Ħitan (1975)
  • Meta Morna tal-Mellieħa (1977)
  • Vum-Barala-Zungare (1977)
  • Karnival (1977)
  • Id-Dar tas-Soru (1977)
  • Sefora (1984)
  • Filfla minn wara l-Ħajt (1984)
  • Morru Sejħu lill-Werrieta (1984)
  • Rewwixta tas-Swaba’ (1984)
  • Logħba (1984)
  • X’ma Kixifx il-Ħajt (1984)

Temi[immodifika | immodifika s-sors]

Ebejer fl-istejjer u d-drammi tiegħu jirrifletti ħafna fuq il-ħajja personali tiegħu, il-fatti u disfatti li għadda minnhom f’ħajtu, fuq l-ambjent li kiber fih u li serva bħala l-bażi tal-personalità tiegħu. Fil-fatt l-ossessjoni għall-għeruq tiegħu jinħassu fil-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet ta’ Ebejer.

Ossessjoni oħra li tinħass f’ħafna fil-kitbiet ta’ Ebejer hija dik tal-fertilità. Ebejer juża l-mara bħala simbolu tal-fertilità, mod speċjali l-mara tradizzjonali Maltija li, għal Ebejer, hija simbolu tal-ġabra, ta’ min jaħdem b’mod altruwistiku mingħajr kundizzjonijiet. Din il-mara Maltija, li l-figura tagħha tidher ta’ sikwit fix-xogħol tiegħu, toffri kuntrast qawwi mal-figuri femminili l-oħra, li jidhru fid-drammi tiegħu. Hemm, per eżempju, il-mara isterika li tirrappreżenta lill-klassi ‘artifiċjali’ u li tipprova ċċekken il-figura tar-raġel; din ukoll tagħmel parti mill-bijografija intima tal-awtur.

Insibu wkoll ħafna burdati differenti fix-xogħlijiet ta’ Ebejer. Kultant naraw burdata serja, drabi oħra sarkastika, drabi oħra xewqa kbira għat-tisfija mid-dnubiet. Hemm ukoll sens kontinwu ta’ tfittxija. Dan joħroġ mill-kuntrast li jagħmel l-awtur bejn il-mixi u l-waqfien li jbeżża’. Il-ħajja tal-awtur tkompli toħroġ minn dawn il-kuntrasti u konflitti, parodiji u ironiji, li jagħmlu parti mit-teatru ta’ Ebejer daqs kemm jagħmlu minn ħajtu.

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Ebejer kien membru tal-P.E.N. (L-Għaqda Internazzjonali tal-Awturi), President Onorarju tal-Moviment Letterarju Malti u membru tal-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti mill-1984 sal-1988. Kien ukoll membru onorarju tal-Accademie de Vaucluse ta’ Franza.

Ebejer rebaħ bosta premjijiet u unuri għax-xogħlijiet teatrali kif ukoll televiżivi tiegħu. Huwa rebaħ il-Premju Letterarju Malti erba' darbiet, iċ-Cheyneh Award for the Best Producer fl-1984, il-Phoenicia Trophy for Culture fl-1982 u fl-1985, u l-premju Città di Valletta fl-1989. Fl-1986 irċieva il-Medaille d’Honneur de la Ville d’Avigona fi Franza għal wieħed mid-drammi tiegħu li ġie tradott għall-Franċiż.

Fl-2017, huwa ingħata Ġieħ ir-Repubblika (wara mewtu).

Traduzzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Xi xogħlijiet tiegħu nqalbu għat-Taljan, Olandiż, Franċiż, Ġermaniż, Ungeriż, Ċek, Żvediż,u saħansitra għall-Ġappuniż.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Ebejer miet ħabta u sabta, ta' 68 sena, fir-residenza tiegħu fis-Swieqi fl-1993, u ndifen fil-ċimiterju ta' Ħad-Dingli.

Għall-funeral tiegħu f’Ħad-Dingli attendew ħafna membri parlamentari, atturi, produtturi tal-palk u pubblikaturi.

Monument[immodifika | immodifika s-sors]

Monument f’ġieħu maħdum mill-iskultur Anton Agius ġie inawgurat f’raħal twelidu, Ħad-Dingli, mill-President Guido de Marco f'Diċembru 1999.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Ħuh huwa l-Isqof Walter Michael Ebejer, li kien Isqof ta' União da Vitória fil-Brażil bejn l-1977 u l-2007. Huwa erba' snin biss iżgħar minn Francis Ebejer.

Premju Francis Ebejer[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Premju Francis Ebejer huwa kompetizzjoni nazzjonali ta’ kitba għat-teatru u r-radjudrammi.

Fl-2015, il-Premju Francis Ebejer għadda minn eżercizzju ta’ ristrutturar li kien jinkludi taħriġ għall-kittieba u huwa mmirat lejn kittieba ġodda u stabbiliti biex jaqsmu xogħlijiethom ma’ udjenza wiesgħa u joffri pjattaforma b’saħħitha għal iktar skritti promettenti bil-Malti.

Il-premju ma jinkludix biss premji fi flus, iżda wkoll għajnuna biex id-drammi rebbieħa jittellgħu u jiġu ppubblikati. Il-Premju Francis Ebejer huwa miftuħ għal kittieba ta’ kull età, grad ta’ esperjenza u nazzjonalità u l-ilsien ewlieni li fih jinkitbu l-iskritti għandu jkun il-Malti.

Bħala parti mir-ristrutturar tal-Premju fl-2015, ġie ffurmat core group biex jiddiskuti l-futur tal-Premju u t-taħriġ meħtieġ biex jiġu żvilupatti skritti ta’ kwalità gћolja.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]