Aqbeż għall-kontentut

Carmelo Sciberras

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Dun Karm Sciberras)
Carmelo Sciberras
Ħajja
Twelid Mosta, 27 Novembru 1893
Mewt 23 Mejju 1950
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku

Carmelo Sciberras, magħruf aħjar bħala Dun Karm Sciberras jew Monsinjur Karm Sciberras (26 ta' Novembru 1893 - 23 ta' Mejju 1950) kien qassis u arċipriet Mosti.[1][2]

Trobbija u Edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sur Sciberras twieled it-tieni minn ħames aħwa il-Mosta nhar is-26 ta' Novembru 1893, iben Franġisku u Grazzja née Azzopardi. Huwa tgħammed l-għada ta' twelidu fil-knisja parrokkjali, u ssemma Karmenu għall-Madonna tal-Karmnu.[2]

Huwa tgħallem fl-iskola primarja tal-Mosta, imbagħad għand is-Salesjani u wara fis-Seminarju ta' Għawdex.[1]

Skond ritratt tal-passaport datat għall-1930, huwa kien twil ħames piedi u tmien pulzieri (5'8") u kellu għajnejh kannella u xagħru iswed.[2]

Ħajja Reliġjuża

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ġie ikkonsgrat bħala qassis mill-isqof Awsiljarju Anġlu Portelli nhar il-31 ta' Mejju 1921, fil-Knisja ta' San Pawl fil-Belt Valletta. Il-quddiesa dak iż-żmien (qabel il-Konċilju Vatikan II) kienet għadha bil-lingwa Latina, u allura kien b'paċenzja jittraduċi l-vanġelu għal-lingwa Maltija biex ikun jista' jinftiehem min-nies tal-lokal.[3]

Huwa ġie mogħti l-inkarigu ta' vigarju, partikolarment fis-snin 1930 u 1942.[1] Huwa kien korra fl-1942, meta bomba żgħira mwaqqa' mill-għadu Ġermaniż waqt it-Tieni Gwerra Dinjija waqgħet fil-ġnien tad-dar tiegħu.[4]

Kien l-isqof Mauro Caruana li ħatru bħala arċipriet tal-Mosta fil-25 ta' Jannar 1943, u huwa dam f'din il-kariga sakemm irtira nhar il-11 ta' Novembru 1948.

Is-sur Sciberras kien dejjem ħabrieki, u bl-insistenza tiegħu daħlu fil-parroċċa tal-Mosta diversi għaqdiet reliġjużi, fosthom is-sorijiet Agostinjani ta' Malta u l-Mużewijiet (kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel). Ta' min jgħid ukoll li bl-insistenza tiegħu il-Parroċċa tal-Bidnija saret tagħmel mal-Mosta (fejn qabel dawn kienu żewġ parroċċi separati) fis-sena 1950.[1]

Dun Karm kien agħmel deċizjoni kontroversjali meta ddeċieda li jirranġa l-istatwa titulari tal-Assunta li kienet magħmula mill-iskultur Salvu Dimech.

L-Oratorju Qalb ta' Ġesù

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit wara il-konsagrazzjoni tiegħu, Dun Karm Sciberras beda' jieħu ħsieb oratorju tad-duttrina għat-tfal f'dar privata fil-Mosta. Iżda huwa minn dejjem xtaq li jibni oratorju adattat, u fil-11 ta' Novembru 1928 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Oratorju Qalb ta' Ġesù[1]. Dan kollu sar fuq art li ġiet akkwistata mingħand il-Patrijiet Agostinjani.[3] L-Oratorju ġie inawgurat mill-isqof Mauro Caruana nhar it-8 ta' Ġunju 1940. L-għada tal-inawgurazzjoni, żaru l-Oratorju l-eks Arċipriet Pawlu Mallia fost il-kappillani tar-Rabat u l-Imġarr ta' dak iż-żmien, fejn saret quddiesa solenni u tbierket il-kappella tal-Oratorju.[5]

Minnufih sar ċentru għal attivatijiet lokali. Kien isir it-tagħlim tad-duttrina ġo għaxar klassijiet. Imma anke kienu jsiru t-teatrini u l-isport, u l-għaqda tal-Iscouts lokali bdiet tiltaqa' fl-Oratorju fl-1939. Sal-lum il-ġurnata għad hemm grawnd żgħir fejn jista' jintlagħab il-futbol.[3] L-Oratorju jinkludi ukoll knisja li ġġib l-istess isem ta' "Qalb ta' Ġesù".[6]

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Oratorju kien iservi ta' kenn għar-refuġjati tal-gwerra u suldati, filwaqt li serva ukoll bħala skola u post għat-taħriġ tal-isparar għall-voluntieri tal-gwerra.[4]

Mewt u Legazija

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sur Sciberras miet fit-23 ta' Mejju 1950.[1][5] Huwa jibqa' mfakkar prinċipalment bħala l-fundatur tal-Oratorju Qalb ta' Ġesù, u fl-artal tar-Rużarju tal-knisja tal-Oratorju hemm lapida li tfakkar il-memorja tiegħu. Apparti minn hekk, triq residenzjali fil-Mosta, fiż-żona tal-Blata l-Għolja, hija msemmija warajh.

  1. 1 2 3 4 5 6 Camilleri, J. (1993). "Dun Karm Sciberras (1893-1950)" (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  2. 1 2 3 Camilleri, Ang (1993). "L-Oratorju Qalb ta' Gesu jfakkar il-100 sena mit-twelid tal-fundatur Mons. Dun Karm Sciberras". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  3. 1 2 3 Il-Mosta: April - Awissu 1993 (1993). "Mons. Dun Karm Sciberras - Editorjal". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  4. 1 2 Vella, Charles J. (1993). "Kif naf lil Mons. Carmelo Sciberras". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  5. 1 2 Magro, Salv (1993). "Kif naf lil Dun Karm Sciberras". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-13.
  6. "Oratorju, Qalb ta' Gesu' - Church - Mosta, Malta". www.quddies.com.mt. Miġbur 2025-11-13.