Dun Karm Sant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dun Karm Sant
Ħajja
Twelid 23 Jannar 1921
Mewt 23 Settembru 1992
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot
traduttur tal-Bibbja
professur

Dun Karm Sant (Ħal Tarxien, 23 ta' Jannar 1921 – 23 ta' Settembru 1992) kien Professur tal-Iskrittura Mqaddsa u ħa ħsieb it-traduzzjoni tagħha għall-Malti biex tkun mifhuma aħjar waqt il-quddies, b’lingwaġġ aktar tal-poplu minn dik tal-Professur Pietru Pawl Saydon.

Dun Karm Sant bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Tfulija u Żgħożija[immodifika | immodifika s-sors]

Kien wieħed minn disa' ulied ta’ Emmanuel u Madalena mwielda Penza, it-tnejn minn Ħal Tarxien. Erbgħa mill-ulied mietu trabi u Dun Karm kien il-kbir fost dawk li għexu. Missieru Emmanuel kien ħaddiem it-tarzna iżda kien ukoll ikabbar il-fjuri għall-bejgħ fil-ġnien kbir li kellu wara d-dar fi Triq Santa Marija. Huwa għalhekk li l-familja Sant kienet magħrufa bħala "Tal-Fjuri".

It-tfajjel Karmenu ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ raħal twelidu. Is-Surmast kien jinkwieta li qatt ma kien jarah jilgħab ma’ sħabu u darba sejjaħ lil ommu biex jgħidilha li binha, minflok jirrikrea ruħu bħat-tfal l-oħrajn, kien dejjem f’xi rokna bi ktieb f’idu. Ta’ ħdax-il sena mar il-Liċeo u seba’ snin wara daħal l-Università jistudja t-Teoloġija.

Il-familja tiegħu dejjem baqgħet toqgħod Ħal Tarxien, iżda matul il-gwerra kienu marru għal ftit f’Ħal Qormi. Iżda hu flimkien ma’ ħutu riedu jmorru lura fir-raħal tagħhom, kif fil-fatt għamlet il-familja kollha.

Huwa ġie ordnat qassis fl-1946. Mill-aħwa Sant kien hemm tliet saċerdoti: Dun Karm, Dun Ġwann u Toninu li daħal Dumnikan bħala Patri Umbert u miet sitt xhur biss wara l-ordinazzjoni tiegħu.

Studji Bibbliċi[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-ordinazzjoni, Dun Karm kien mar Ruma biex hemm studja l-Iskrittura Mqaddsa fl-Istitut Pontifiċju Bibliku. Fl-1961 kompla jispeċjalizza fl-istudji bibblici u tliet snin wara kiseb l-għola grad fis-suġġett. Tul iż-żmien li għadda f’Ruma, kien anke lettur ta’ l-Istorja tat-Testment il-Qadim fl-Università Loyola.

Fis-sena 1964 kien maħtur Professur ta’ l-Iskrittura Mqaddsa fl-Università ta’ Malta u ssuccieda lill-għalliem tiegħu Prof. Pietru Pawl Saydon. Bejn Sant u Saydon kien hemm ħbiberija kbira. Dun Karm kien ġej u sejjer iż-Żurrieq għand Saydon u l-Professur Żurrieqi kien anke l-parrinu fl-ordinazzjoni ta’ Dun Ġwann, ħu Dun Karm.

Fl-Università, Prof. Sant kien għamel żmien anke aġent kap tad-Dipartiment tal-Malti. Fl-1969 kien sar Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija. Kien eżaminatur tal-Iskrittura, l-Ebrajk, Grieg Bibliku u Klassiku, Għarbi u Malti. Dun Karm spiċċa mill-Università meta kien tneħħa s-suġġett tat-Teoloġija. Iżda huwa xorta kompla jgħallem lil dawk li jkunu mexjin lejn is-saċerdozju fis-Seminarju Tal-Virtù.

L-imħabba lejn it-tagħlim tal-Bibbja u x-xewqa tiegħu li l-Kotba Mqaddsa jixterdu aktar fost il-poplu Malti kienu kbar u dawn heggewh biex fl-1958 waqqaf l-Għaqda Biblika Maltija.

Il-Bibbja ta’ Saydon, xogħol monumentali, kienet miktuba b’Malti safi u kien jeħtieġ li tinkiteb verżjoni ġdida b’lingwaġġ aktar popolari għall-quddies. Dun Karm daħal għal din il-biċċa xogħol fl-1966 bil-għajnuna ta’ kummissjoni ta’ tradutturi speċjalisti taħt il-presidenza tiegħu. Din it-traduzzjoni kellha ssir mill-Ebrajk u l-Grieg, ħadet 15-il sena sħaħ u ġiet ippublikata f’volum wieħed fl-1984.

Minħabba r-rabta tiegħu mal-istudju tal-Bibbja u l-fatt li kien membru f’ħafna għaqdiet internazzjonali dwar l-Iskrittura, Dun Karm kellu ħafna ħbieb barranin li kienu għaddejjin fi studji bħalu. Kienu jiġu ħafna skulari barranin iżuruh u hu kien jeħodhom jaraw il-gżejjer u l-grotta ta’ San Pawl, żewġ postijiet lokali marbuta mal-Kotba Mqaddsa.

Traduzzjonijiet u Xogħlijiet oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa qaleb għall-Malti żewġ enċikliki li huma r-Rerum Novarum u Quadrogesimo Anno. Kiteb ukoll dwar it-Testment il-Qadim skond Ewsebju ta’ Cesarea, dwar il-perspettiva biblika ta’ l-ambjent naturali, dwar l-istorja ta’ traduzzjonijiet biblici għall-Malti qabel il-verżjoni tiegħu, u ħafna dwar il-hajja tal-Madonna. Infatti kien qaleb għal ilsienna Innu Liturgiku Bizantin lill-Madonna ta’ Akathistos li kien ippubblikat f’Ruma fl-1990 u fih, fil-qari tat-test oriġinali, kien għenu saċerdot tar-rit Grieg Papas Giorgio Mifsud.

Dun Karm ta kontribut kbir b’risq l-ilsien Malti. Huwa kien membru fl-għaqda tal-Malti (Università) u fl-Akkademja tal-Malti. Kiteb studji dwar personaġġi ewlenin fil-mixja tal-lingwa Maltija bħalma huma Mikiel Anton Vassalli, Ġużè Muscat Azzopardi u Dun Karm Psaila.

Ħidma pastorali[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm Dun Karm Sant dejjem baqa’ saċerdot fil-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, ix-xogħol kbir li kellu ftit kien iħallilu ħin għal ħidma parrokkjali. Huwa kien, iżda Kappillan tas-sorijiet tal-karità fl-istess raħal u kien iqaddes għandhom kuljum. Kien eżaminatur tal-kleru fil-Kurja ta’ l-Arċisqof u fl-1969 ġie maħtur kappillan tal-Qdusija Tiegħu Papà Pawlu VI bit-titlu ta’ Monsinjur. Huwa waqqaf il-Grupp Ekumeniku u sar Kanonku tal-Katidral fl-1977.

Ħajja personali[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala karattru, Dun Karm kellu dehra ta’ wieħed imkabbar, iżda kif tkellmu tinduna kemm tkun mort imqarraq u kien iħobb ikellem lil kulħadd. Kien bniedem pacenzjuz u jekk jinduna li teħtieġ xi ħaġa jara kif jagħmel u jgħinek. Kien iħobb jirrakkonta u jgħallem, u kien ċajtier ukoll. Kien iħobb imur xi passiġġata, iżda aktar kont issibu fl-istudju tiegħu jaqra, jgħallem jew jiddiskuti s-suġġetti tiegħu.

Bħala mużika kien iħobb dik sagra speċjalment il-Gregorjan u għanjiet lill-Ħallieq f’diversi ilsna. Huwa dam ma beda jsuq sa meta kellu ‘l fuq minn 50 sena, u għalkemm tgħallem kbir, kien xtara Volkswagen u biha kien imur kullimkien.

Dun Karm Sant miet nhar it-23 ta’ Settembru 1992 fl-età ta’ 71 sena. Għalih ġew imsemmija skola u triq f’Ħal Tarxien.