Aqbeż għall-kontentut

Domus de Janas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
In-Nekropoli ta' Monte Siseri, Putifigari.

Id-Domus de Janas (li bid-djalett ta' Sardenja tfisser "Dar tas-Sħaħar") huma tipi ta' oqbra pre-Nuraġiċi mħaffra fil-blat li jinsabu f'Sardenja, l-Italja. Jikkonsistu f'diversi kompartimenti mħaffrin fil-blat mill-poplu ta' San Ciriaco tul il-kulturi ta' Ozieri u kulturi sussegwenti, b'konfigurazzjoni li tixbaħ dik ta' djar.[1]

Il-biċċa l-kbira nbnew bejn it-3400 u l-2700 Q.K., u b'hekk imorru lura għall-aħħar tan-Neolitiku, għall-Kalkolitiku u għal Żmien il-Bronż Bikri, inkluż il-perjodu tar-reċipjenti b'għamla qisha ta' qniepen. Nekropoli ta' Domus de Janas fis-sit ta' Anghelu Ruju, qrib Alghero, tikkonsisti minn 38 qabar. Siti kbar oħra huma dawk ta' Montessu, qrib Villaperuccio, u ta' Sant'Andrea Priu f'Bonorva. Bosta Domus de Janas oħra jistgħu jinstabu madwar il-gżira kollha, bl-eċċezzjoni ta' Gallura (fejn il-mejtin normalment kienu jindifnu fi ċrieki megalitiċi, bħal dawk ta' Li Muri).

In-Nekropoli ta' Anghelu Ruju.

L-għamla tal-kompartimenti interni tista' tvarja minn dik ta' għorfa ttondjata b'saqaf koniku jew triangolari. Il-ħitan spiss huma mżejna b'riljievi jew b'inċiżjonijiet ta' simboli maġiċi u reliġjużi bħal spirali, motivi żigużajg u qrejjen tal-barrin.

F'madwar 20 qabar hemm ukoll bibien foloz imnaqqxin jew impittrin, u dawn jinsabu l-iktar fil-Majjistral ta' Sardenja,[2] pereżempju wħud mill-oqbra tan-nekropoli ta' Anghelu Ruju, li jmorru lura għal żmien il-kulturi ta' Ozieri u ta' Bonnanaro (għall-ħabta tat-3200 sal-1600 Q.K.).[3] L-iżjed eżempji bikrin imorru lura għal qabel ma tfaċċaw il-bibien foloz fl-oqbra tal-Eġizzjani tal-Qedem. Dawn il-bibien foloz normalment jinsabu fuq il-ħajt ta' wara tal-kompartiment prinċipali, u huma rrappreżentati b'gwarniċi orizzontali u vertikali u b'arċitravu 'l barra. Xi kultant il-bibien ikunu mpittrin jew imnaqqxin bi qrejjen tal-barrin b'għamla tal-ittra U, ġo xulxin f'għadd varjabbli.[4]

Il-katavri, impittrin b'okra ħamra bħall-ħitan tal-oqbra, kienu jindifnu flimkien ma' oġġetti tal-ħajja komuni, ġojjelli u għodod. Skont l-arkeologu Giovanni Lilliu, dawn indifnu taħt qxur ta' molluski; skont teoriji oħra, dawn tħallew barra l-oqbra, u kienu jiddaħħlu biss wara li jkunu saru skeletri.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Sos Furrighesos, Anela.

Fl-2021, id-Domus de Janas ġew nominati bħala siti indikattivi biex xi darba jsiru Sit ta' Wirt Dinji Kulturali tal-UNESCO.[5] F'Lulju 2025, id-Domus de Janas ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali "Tradizzjoni Funebri fil-Preistorja tas-Sardenja – id-Domus de Janas".[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[6]

  1. "Domus de Janas in Sardegna". www.ilportalesardo.it. Miġbur 2025-07-23.
  2. Contu, Ercole (2006). La Sardegna preistorica e nuragica. Volume 1: la Sardegna prima dei nuraghi (bit-Taljan). Carlo Delfino editore. ISBN 88-7138-421-0.
  3. Demartis, Giovanni Maria (1986). La Necròpoli di Anghelu Ruju. Sardegna Archeologica 2. Carlo Delfino editore.
  4. Dodson, Aidan (2010). "Mortuary Architecture and Decorative Systems". In Lloyd, Alan (ed.). A Companion to Ancient Egypt. Wiley-Blackwell. p. 808. doi:10.1002/9781444320053.ch36. ISBN 978-1-4051-5598-4.
  5. "Sit indikattiv". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-23.
  6. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Funerary Tradition in the Prehistory of Sardinia The domus de janas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-23.