Domus Rumana

Id-Domus Rumana, stilizzata bħala Domvs Romana (minħabba n-nuqqas ta' distinzjoni bil-Latin bejn l-ittri u u v), li bil-Latin tfisser "Dar Rumana"), tikkonsisti mill-fdalijiet ta' dar ta' żmien ir-Rumani fil-konfini bejn l-Imdina u r-Rabat, Malta. Inbniet fis-seklu 1 Q.K. bħala dar rurali aristokratika (domus) fi ħdan il-belt Rumana ta' Melitae. Fis-seklu 11 W.K., ġie stabbilit ċimiterju Musulman fuq il-fdalijiet tad-domus.
Is-sit ġie skopert fl-1892, u permezz tal-iskavi arkeoloġiċi nstab ħafna mużajk Ruman ippreservat sew, statwi u artefatti oħra, kif ukoll għadd ta' lapidi u fdalijiet funebri oħra miċ-ċimiterju. Mill-1882, is-sit infetaħ għall-pubbliku bħala mużew, li attwalment jiġi ġestit minn Heritage Malta. Meta ġiet skoperta mill-ġdid bi żball bdiet tissejjaħ bħala l-"Villa Rumana" peress li kien maħsub li kienet 'il barra mill-belt ta' Melitae, iżda wara eżaminazzjoni ulterjuri, ġie ċċarat li kienet tinsab fil-limiti tal-belt tal-qedem.[1]
Storja u deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Dar Rumana
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa maħsub li d-Domvs Romana kienet inbniet fil-bidu tas-seklu 1 Q.K., u baqgħet tintuża sas-seklu 2 W.K. Id-dar kellha peristil bil-kolonni ispirat mill-arkitettura Griega tal-qedem, u l-aqwa karatteristiċi tagħha huma l-mużajk polikromatiku magħmul sew bi stil Ellenistiku li jinsab fil-peristil u l-kmamar tal-madwar, li fihom motivi dekorattivi jew xeni mitoloġiċi. Għall-mużajk intużaw żewġ tipi ta' tesserae: l-opus vermiculatum, fin-nofs tal-pavimentar; u l-opus tessellatum, permezz ta' tesserae akbar biex jinħolqu d-disinni tridimensjonali mad-dawra kollha tax-xbieha prinċipali. Din ix-xbieha ppruvat timita motiv popolari ħafna li x'aktarx li kien ġie mpitter minn artist minn Sophos. Id-domus għad għandha traċċi wkoll ta' tkaħħil impitter b'mod fin sabiex jimita l-irħam ikkulurit u b'elementi arkitettoniċi parzjalment stilizzati tal-ħabta ta' bejn l-ewwel u t-tieni stili ta' Pompej.
Għalkemm id-dar fil-biċċa l-kbira nqerdet maż-żmien, il-mużajk tagħha baqa' pjuttost intatt, u jista' jitqabbel ma' dak li nstab f'Pompej jew fi Sqallija. Fid-domus instabu wkoll għadd ta' statwi tas-seklu 1 W.K. tal-familja imperjali Rumana, flimkien ma' muniti, bċejjeċ tal-ħġieġ, reċipjenti, pożati, aċċessorji tal-banju, anfori u artefatti fini oħra.[2]

Ċimiterju Musulman
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 11, meta Malta kienet parti mill-Kaliffat Fatimid, is-sit tad-domus ġiet ikkonvertit f'ċimiterju. Matul l-iskavi ġew skoperti mill-inqas 245 qabar kif ukoll għadd ta' lapidi tal-ġebla tal-ġir (u waħda tal-irħam) b'kitbiet Kufiċi jew Naskh imnaqqxin. Matul l-iskavi nstabu wkoll xi bċejjeċ taċ-ċeramika u ċurkett tal-fidda.[2]
Skoperta u skavi
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Domvs Romana ġiet skoperta b'kumbinazzjoni fl-1881 minn xi ħaddiema waqt proġett pajsaġġistiku. Sussegwentement ġie skavat mill-arkeologi ewlenin ta' dak iż-żmien, fosthom Antonio Annetto Caruana, Sir Temi Zammit, Robert V. Galea, Harris Dunscombe Colt u Louis Upton Way.[2]
Mużew
[immodifika | immodifika s-sors]
Wara l-ewwel skavi tad-domus, inbena mużew fis-sit tal-peristil tad-dar sabiex il-mużajk tagħha jiġi ppreservat. Il-mużew infetaħ fi Frar 1882, u kien l-ewwel binja f'Malta li nbniet b'mod speċifiku biex tospita mużew ta' sit arkeoloġiku partikolari. Oriġinarjament il-mużew kien magħruf bħala l-Mużew tal-Antikitajiet Rumani, u apparti l-mużajk u artefatti Rumani jew Musulmani oħra li nstabu fid-domus, għall-wiri fih kien hemm ukoll xi bċejjeċ Rumani oħra tal-irħam li nstabu fit-toroq tal-Imdina. Eventwalment, bosta artefatti Rumani oħra li nstabu f'postijiet oħra f'Malta ġew ittrasferiti f'dan il-mużew.[3]
Fl-1922, il-mużew tkabbar skont id-disinni tal-arkitett Galizia, u żdiedu faċċata Neo-Klassika u kamra kbira għall-wiri. Il-fdalijiet tad-domus ġew inklużi fuq il-Lista tal-Antikitajiet tal-1925. Il-mużew ingħalaq matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u ospita ċentru tar-restawr qabel ma reġa' nfetaħ għall-pubbliku fl-1945.[4]
Il-mużajk tal-peristil ġie rrestawrat fit-tieni nofs tas-seklu 20, iżda bi żball ġarrab xi ħsarat matul il-proċess tar-restawr. Heritage Malta wettqet rapport dwar kif l-aħjar li jiġi kkonservat il-mużajk u jsirulu t-tiswijiet meħtieġa bl-inqas ħsara possibbli. Il-vetrini għall-wiri tal-mużew ġew rinnovati bejn l-2002 u l-2005, u mill-ġdid fl-2011.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Zammit, V. (1999). Domus Rumana : ir-Rabat. Mument: Pizzikanna. p. 3. Sommarju għall-pubbliku (PDF).
- 1 2 3 Depasquale, Suzannah; Cardona, Neville Juan (2005). Site Catalogue: The Domvs Romana – Rabat Malta. Malta: Heritage Books. p. 3. ISBN 9993270318.
- ↑ "Domvs Romana « Heritage Malta". heritagemalta.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-12-13.
- ↑ "Protection of Antiquities Regulations 21st November, 1932 Government Notice 402 of 1932, as Amended by Government Notices 127 of 1935 and 338 of 1939". Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-19. Miġbur 2025-12-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)