Diy-Gid-Biy

Is-siti Diy-Gid-Biy (DGB) huma siti arkeoloġiċi li jinsabu madwar il-Muntanji Mandara tat-Tramuntana tal-Kamerun u n-Niġerja, fuq il-korp tal-ilma twil diversi kilometri ta' Shikewe. Isem dawn is-siti oriġina mil-lingwa Mafa, u jista' jiġi tradott bħala "post tar-residenza tal-kapijiet".[1] B'kollox hemm 16-il sit DGB li jmorru lura għall-ħabta tas-seklu 15 W.K. Filwaqt li l-għarfien dwar dawn is-sit ilu jeżisti għal xi żmien, kien biss fl-2001 li l-arkeologi bdew jinvestigaw is-siti u l-wirt kulturali b'rabta mar-reġjun.[2]
Arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit
[immodifika | immodifika s-sors]Is-siti Diy-Gid-Biy ivarjaw bħala daqs, u DGB-1 u 2 huma l-ikbar. Dawn huma mifruxa fuq madwar 25 kilometru, għalkemm DGB-1 u 2 jinsabu xi 100 metru biss 'il bogħod minn xulxin u xi kultant jitqiesu bħala l-istess sit.[3] Is-siti DGB inbnew f'sistema ta' artijiet imtarrġa u pjattaformi bl-użu tal-arkitettura tal-ġebel impoġġi fuq xulxin bl-idejn, xi ħaġa li mhix preżenti f'siti oħra fejn intużaw il-granit u l-blat lokali, b'taraġ u b'imħażen. Wara li ġew studjati diversi sezzjonijiet ta' ħitan sħaħ jew li ċedew, l-arkeologi skoprew li l-ħitan ma nbnewx b'ġebel b'għamla kwadra, iżda nbnew b'ġebel naturali mill-madwar li tpoġġa bir-reqqa flimkien ma' ġebel iżgħar biex il-ħajt iżomm waħdu. Abbażi tar-riċerka mwettqa mill-arkeologi, is-siti DGB inbnew f'diversi fażijiet mill-bennejja oriġinali li ħolqu bosta saffi ta' artijiet imtarrġin u mbagħad kabbru s-siti. Is-siti mbagħad ġew abbandunati mill-bennejja, iżda xi żmien wara ġew immodifikati mill-poplu Mafa li mela xi postijiet bir-radam u reġa' uża l-ġebel għal skopijiet oħra għal diversi raġunijiet.[4]
Is-siti DGB attiraw l-arkeologi, mhux biss minħabba l-istruttura u l-kostruzzjoni unika tagħhom, iżda wkoll minħabba li fil-biċċa l-kbira tal-Muntanji Mandara ma tantx hemm evidenza ta' okkupazzjoni li tmur lura għal iktar minn żewġ sekli ilu, filwaqt li fil-pjanuri ta' taħt il-muntanji l-arkeologi sabu siti li jmorru lura għal madwar 2,500 sena ilu. Fil-fatt, is-siti DGB huma l-uniċi siti koerenti li nstabu fil-Muntanji Mandara li huma daqstant tal-qedem.
Permezz tal-użu tad-datazzjoni bir-radjokarbonju, l-arkeologi rnexxielhom jiddeterminaw li l-maġġoranza tas-16-il sit inbnew l-ewwel fis-seklu 15, għalkemm il-firxa wiesgħa ta' dati mid-diversi stadji ta' żvilupp oriġinarjament għamlitha diffiċli biex jiġi stabbilit il-bidu tal-istrutturi. DGB-1 huwa anomalija unika għax id-datazzjoni bir-radjokarbonju ssostni li joriġina saħansitra għall-ħabta tal-1250 W.K. F'dan is-sit instabet ukoll evidenza ta' kultura ta' qabel DGB li għexet hemmhekk qabel ma bdiet il-kostruzzjoni, iżda ma tantx nafu wisq dwar dan il-poplu bikri.[5]
Skavi u skoperta
[immodifika | immodifika s-sors]Minkejja li l-għarfien dwar is-siti ilu jeżisti għal bosta snin, ir-riċerka arkeoloġika bdiet verament fl-2001 bl-iskavi ta' DGB-2 u 8 minn Nicholas David. Għadd ta' artefatti nstabu fis-siti, b'oġġetti bħal diversi bċejjeċ taċ-ċeramika li oriġinaw mir-reġjun tal-Muntanji Mandara. Artefatti oħra li nstabu huma oġġetti tal-ħadid mhux familjari, mannara tal-ġebel aħdar, moli, ġebel tal-kwarz li kien jintuża bħala martell, u tkaħħil tal-ġebel mitħun. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-oġġetti li nstabu oriġinaw fi żmien qabel ma l-poplu Mafa għex fir-reġjun, l-arkeologi nnutaw li l-bċejjeċ taċ-ċeramika li nstabu, bil-kemm huma differenti mill-bċejjeċ tal-fuħħar moderni tal-poplu Mafa.
Madankollu, f'DGB-1, għalkemm instabu oġġetti reġjonali bħal bċejjeċ tal-fuħħar u għodod tal-ġebel, instabu wkoll artefatti oħra bħal oġġetti tar-ram u tal-ħġieġ li ma oriġinawx fl-inħawi, u b'hekk jindikaw li l-poplu ta' DGB-1 kellu kuntatt ma' popli f'inħawi oħra, xi ħaġa li ma tantx kienet evidenti minn artefatti li kienu ġew skavati qabel. Fil-fatt, skavi arkeoloġiċi oħra tar-reġjun tal-Muntanji Mandara wasslu għal nuqqas ta' artefatti li oriġinaw minn barra l-inħawi, u bażikament DGB-1 kien l-uniku siti b'evidenza ta' kuntatt ma' postijiet oħra lil hinn mill-Muntanji Mandara.
Artefatti oħra li nstabu f'DGB-1 jinkludu ponot tal-ħadid tal-lanez u ponot tal-ħadid tal-vleġeġ li nstabu taħt l-art fis-sit, kif ukoll baqqun u katina tal-ħadid. Dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li kien hemm żmien meta l-abitanti dewbu l-ħadid u ffurmaw l-għodod tagħhom stess, għalkemm mhux magħruf meta ġew prodotti dawn l-oġġetti. Il-konsistenza tal-artefatti tal-ħadid ġiet imqabbla wkoll ma' dik ta' oġġetti tal-ħadid magħmula mill-poplu Mafa modern, li jixbħu dawn l-artefatti, minkejja li l-poplu Mafa u l-bennejja tas-siti DGB mhumiex l-istess poplu.[6]
Ipoteżi dwar l-użu
[immodifika | immodifika s-sors]Abbażi tal-iskavi arkeoloġiċi li saru madwar is-siti, kif ukoll abbażi tat-tradizzjonijiet tal-poplu Mafa tar-reġjun, l-esperti jemmnu li s-siti DGB inbnew bħala strutturi għar-ritwali marbuta max-xita u mal-ilma. Is-siti DGB bdew jitfaċċaw għall-ħabta ta' nixfa kbira li seħħet fir-reġjun, għaldaqstant il-kostruzzjoni tagħmel sens fir-rigward tal-prattiki ritwali tal-poplu Mafa li llum il-ġurnata jgħix fir-reġjun. L-arkeologi sabu wkoll ammont kbir ta' ramel u żrar minn xmara lokali li kien inġab f'DGB-2 u 8, x'aktarx bħala rappreżentazzjoni fiżika tal-fluss tal-ilma.
Ingħataw diversi suġġerimenti oħra rigward l-iskop tas-siti DGB, speċjalment fid-deskrizzjoni tas-siti ppreżentata fin-nominazzjoni tas-siti bħala sit indikattiv biex xi darba jsiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dawn l-iskopijiet jinkludu li s-siti kienu fortijiet difensivi jew postijiet għall-kenn fi żminijiet ta' gwerra, postijiet tad-dfin għall-kapijiet lokali, postijiet ta' residenza tal-elit tar-reġjun, u/jew ċentri tas-suq jew postijiet tal-kummerċ.[7] Filwaqt li wħud minn dawn l-ideat ta' dak iż-żmien ma għandhomx evidenza ta' sostenn, il-kostruzzjoni tas-siti DGB b'torrijiet u b'ħitan intużat bħala appoġġ għall-idea li s-siti kienu strutturi difensivi, filwaqt li s-sejba ta' artefatti li ma oriġinawx mir-reġjun ikkonvinċiet ukoll lil oħrajn li mill-inqas DGB-1 jaf kellu skop fir-rigward il-kuntatt ma' popli barranin. Dawn l-artefatti barranin saħansitra wasslu biex xi arkeologi, bħal Nicholas David, joħorġu bl-ipoteżi li mill-inqas is-siti DGB-1/2 intużaw bħala postijiet ta' interskambju ma' popli tat-Tramuntana, x'aktarx bħala postijiet tal-kummerċ.[8]
Interazzjonijiet possibbli
[immodifika | immodifika s-sors]Għadd ta' arkeologi ppreżentaw il-kunċett li numru kbir ta' interazzjonijiet li seħħew ma' popli barranin f'DGB-1 milli jidher seħħew għall-ħabta tal-istess żmien li kittieba Ewropej u Għarab innutaw il-ksib tal-poter tar-Renju ta' Wandala, magħruf ukoll bħala r-Renju ta' Mandara. B'hekk l-esperti jemmnu li xi tip ta' kummerċ seħħ bejn iż-żewġ popli, kif ukoll li x'aktarx kinen hemm relazzjoni bejn il-ħolqien tas-siti DGB u r-Renju ta' Wandala għall-ħabta ta' dak l-istess żmien.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Diy-Gid-Biy tal-Muntanji Mandara żdied bħala sit indikattiv biex xi darba jsir Sit ta' Wirt Dinji Kulturali tal-UNESCO fit-18 ta' April 2006. Fost ir-raġunijiet li wasslu biex dan is-sit jiżdied kien hemm: ir-rabta bejn l-istorja tal-imgħoddi u tal-preżent tar-reġjun tal-Muntanji Mandara, li joffru perspettiva arkeoloġika unika fl-inħawi bħala siti uniċi, u li jitqiesu minn popli nattivi differenti bħala postijiet sagri li jqarrbuhom mal-ispirti permezz tal-kostruzzjoni ta' bosta artali differenti madwar is-siti.[9]
Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Diy-Gid-Biy tal-Muntanji Mandara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[10]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[10]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ David, Nicholas (2002). "Strongholds and chiefly residences in the Mandara mountains of N. Cameroon"" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2006-09-20. Miġbur 2025-07-23.
- ↑ "Archaeology and cultural heritage in Cameroon: the case of the DGB sites | Antiquity Journal". antiquity.ac.uk. Miġbur 2025-07-23.
- ↑ MacEachern, Scott (2012-09-01). "Wandala and the DGB sites: political centralisation and its alternatives north of the Mandara Mountains, Cameroon". Azania: Archaeological Research in Africa. 47 (3): 272–287. doi:10.1080/0067270X.2012.707480. ISSN 0067-270X.
- ↑ "Mandaras". Mandaras.info.
- ↑ Magnavita, Sonja. Crossroads / Carrefour Sahel: Cultural and technological developments in First Millennium BC/AD West Africa. Journal of African Archaeology Monograph Series, il-Ġermanja, 2009.
- ↑ MacEarchern, Scott (2013). "Iron Artefacts from the DGB-1 Site, Northern Cameroon: Conservation, Metallurgical Analysis and Ethnoarchaeological Analogies". Journal of African Archaeology. 11: 39–40. doi:10.3213/2191-5784-10230.
- ↑ "Sit indikattiv". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-23.
- ↑ MacEarchern, Scott (2009). "Before States? Mandara Peripheries in the Late First and Early Second Millennium AD". Journal of African Archaeology Monograph Series. 2: 208–9.
- ↑ "UNESCO adds Cameroon, Malawi sites to heritage list". France 24 (bl-Ingliż). 2025-07-11. Miġbur 2025-07-23.
- 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Diy-Gid-Biy Cultural Landscape of the Mandara Mountains". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-23.