Aqbeż għall-kontentut

Dholavira

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Parti mis-sit skavat ta' Dholavira.

Dholavira (bil-Gujarati: ધોળાવીરા) huwa sit arkeoloġiku f'Khadirbet, Bhachau Taluka, id-Distrett ta' Kutch, fl-istat ta' Gujarat fil-Punent tal-Indja, li ngħata l-istess isem tal-villaġġ modern li jinsab kilometru (0.62 mili) fin-Nofsinhar tiegħu. Dan il-villaġġ jinsab 165 kilometru (103 mili) minn Radhanpur. Is-sit huwa magħruf lokalment ukoll bħala Kotada timba, u jinkludi l-fdalijiet ta' belt ta' ċivilizzazzjoni tal-qedem tal-Wied tal-Indus. Dholavira ġiet affettwata kemm-il darba mit-terremoti, inkluż wieħed partikolarment qawwi għall-ħabta tal-2600 Q.K.

Konfigurazzjoni ta' Dholavira.

Il-pożizzjoni ta' Dholavira tinsab fuq it-Tropiku tal-Kankru. Huwa wieħed mill-ħames l-ikbar siti Harappani u huwa l-iżjed wieħed prominenti fost is-siti arkeoloġiċi fl-Indja ta' ċivilizzazzjoni tal-qedem tal-Wied tal-Indus. Jinsab fil-gżira ta' Khadir Bet fis-Santwarju tal-Organiżmi Selvaġġi tad-Deżert ta' Kutch fir-Rann il-Kbir ta' Kutch. Il-belt kwadrangolari b'erja ta' 47 ettaru (120 akru) tinsab bejn żewġ nixxigħat staġonali, Mansar fit-Tramuntana u Manhar fin-Nofsinhar. Huwa maħsub li s-sit kien okkupat mill-ħabta tal-2650 Q.K., u l-popolazzjoni battiet bil-mod wara l-ħabta tal-2100 Q.K. Imbagħad il-belt tal-qedem ġiet abbandunata għal żmien qasir u reġgħet ġiet okkupata sal-ħabta tal-1450 Q.K.; madankollu, riċerka reċenti tissuġġerixxi li l-bidu tal-okkupazzjoni kien għall-ħabta tat-3500 Q.K. (belt pre-Harappana) u kompla sal-ħabta tal-1800 Q.K. (il-bidu tal-perjodu Harappan Aħħari).

Wieħed mill-ġibjuni tal-ilma bit-taraġ f'Dholavira.

Inizjalment is-sit ġie skopert minn resident tal-villaġġ ta' Dholavira, Shambhudan Gadhvi, fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, li għamel sforzi biex jiġbed l-attenzjoni tal-gvern għal dan il-post. Is-sit ġie skopert "uffiċjalment" fl-1967-1968 minn J. P. Joshi tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI, Archaeological Survey of India), u huwa l-ħames l-ikbar minn tmien siti Harappani ewlenin. Is-sit ilu jiġi skavat mill-ASI mill-1990. Skont l-ASI, "Dholavira tabilħaqq żied dimensjonijiet ġodda fir-rigward tal-personalità taċ-ċivilizzazzjoni tal-Wied tal-Indus".

Dholavira ġiet meqjusa bħala wieħed mill-iżjed siti megalitiċi importanti ta' Kutch. L-uniku sit megalitiku ieħor ta' Kutch huwa l-villaġġ ta' Dhaneti.

Is-siti Harappani ewlenin l-oħra li ġew skoperti sa issa huma Harappa, Mohenjo-daro, Ganeriwala, Rakhigarhi, Kalibangan, Rupnagar u Lothal.

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali ta' Dholavira: Belt Harappana fis-27 ta' Lulju 2021.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Daħla tat-Tramuntana.

Dholavira: Belt Harappana ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ravindra Singh Bisht, id-direttur tal-iskavi ta' Dholavira, iddefinixxa s-seba' stadji li ġejjin tal-okkupazzjoni tas-sit:

Stadji Perjodu Avvenimenti
Stadju I 2650–2550 Q.K. Tranżizzjoni A: Perjodu Harappan Bikri – Perjodu Harappan Matur
Stadju II 2550–2500 Q.K. Tranżizzjoni B: Perjodu Harappan Bikri – Perjodu Harappan Matur
Stadju III 2500–2200 Q.K. Perjodu Harappan Matur A
Stadju IV 2200–2000 Q.K. Perjodu Harappan Matur B
Stadju V 2000–1900 Q.K. Perjodu Harappan Matur Ċ
1900–1850 Q.K. Perjodu ta' abbandun
Stadju VI 1850–1750 Q.K. Perjodu Harappan Posturban A
1750–1650 Q.K. Perjodu ta' abbandun
Stadju VII 1650–1450 Q.K. Perjodu Harappan Posturban B

Permezz ta' datazzjonijiet reċenti bir-radjokarbonju C14 u tqabbil stilistiku mal-bċejjeċ tal-fuħħar tal-perjodu Amri II-B, intwera li l-ewwel żewġ fażijiet misshom jissejħu Kultura Pre-Harappana ta' Dholavira bid-datazzjoni li ġejja: Stadju I (għall-ħabta tat-3500-3200 Q.K.), u Stadju II (għall-ħabta tat-3200-2600 Q.K.).

L-iskavi bdew mill-ASI fl-1989, taħt id-direzzjoni ta' Bisht, u saru 13-il skavi fil-post bejn l-1990 u l-2005. L-iskavi ħarġu fid-dieher l-ippjanar urban u l-arkitettura tas-sit, u ġew żvelati għadd kbir ta' antikitajiet, fosthom għadam tal-annimali, ornamenti tad-deheb, tal-fidda u tat-terrakotta, reċipjenti tal-fuħħar u reċipjenti tal-bronż. L-arkeologi jemmnu li Dholavira kien ċentru importanti ta' kummerċ bejn l-insedjamenti fin-Nofsinhar ta' Gujarat, Sindh u Punjab u l-Punent tal-Asja.

Id-Daħla tal-Lvant.

Huwa stmat li l-belt ta' Dholavira hija eqdem mill-belt portwali ta' Lothal. Għandha għamla u konfigurazzjoni rettangolari, u hija mifruxa fuq 22 ettaru (54 akru), b'tul ta' 771.1 metru (2,530 pied) u b'wisa' ta' 616.85-il metru (2,023.8 pied). Għad-differenza ta' Harappa u Mohenjo-daro, il-belt ta' Dholavira nbniet skont pjanta ġeometrika li kienet diġà teżisti u li tikkonsisti fi tliet żoni – iċ-ċittadella, il-belt nofsanija u l-belt t'isfel. L-akropoli u l-belt nofsanija ġew imsaħħa bil-fortifikazzjonijiet għad-difiża, flimkien ma' daħliet, żoni residenzjali, sistema ta' toroq, bjar u spazji miftuħa kbar. L-akropoli hija l-iżjed żona ffortifikata u kumplessa fil-belt, u tokkupa l-parti l-kbira tan-naħa tal-Lbiċ. Il-"kastell" għoli huwa difiż bi swar doppji. Biswitu hemm il-post fejn kienu jgħixu l-uffiċjali importanti. Il-belt fi ħdan il-fortifikazzjonijiet ġenerali fiha 48 ettaru (120 akru). Hemm żoni estensivi bl-istrutturi li jinsabu barra l-fortifikazzjonijiet għalkemm huma xorta waħda parti integrali mill-insedjament iffortifikat. Lil hinn mis-swar, instab insedjament ieħor. L-iżjed karatteristika li tispikka tal-belt hi li l-binjiet kollha tagħha, mill-inqas fl-istat attwali ta' preservazzjoni, huma magħmula mill-ġebel, filwaqt li l-biċċa l-kbira ta' siti Harappani oħra, inkluż Harappa stess u Mohenjo-Daro, inbnew kważi għalkollox bil-brikks. Biswit Dholavira hemm żewġ kanali tal-ilma tax-xita; Mansar fit-Tramuntana, u Manhar fin-Nofsinhar. Fil-pjazza ewlenija tal-belt, hemm żona fl-għoli magħrufa bħala ċ-"ċittadella".

Struttura ċirkolari qisha bir.

Bisht, li rtira bħala d-Direttur Ġenerali Konġunt tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja stqarr, "It-tip ta' sistema effiċjenti Harappana ta' Dholavira, żviluppata għall-konservazzjoni, għall-ħsad u għall-ħżin tal-ilma turi b'mod ċar l-inġinerija idrawlika avvanzata tagħhom, meta wieħed iqis l-istat tat-teknoloġija fit-tielet millenju Q.K." Waħda mill-karatteristiċi uniċi ta' Dholavira hija s-sistema sofistikata ta' konservazzjoni tal-ilma permezz ta' kanali u ġibjuni, li hija l-eqdem fid-dinja u hija mibnija għalkollox mill-ġebel. Il-belt kellha ġibjuni enormi, u tlieta minnhom huma esposti. Dawn kienu jintużaw għall-ħżin tal-ilma ħelu tax-xita jew għall-ħżin tal-ilma ddevjat miż-żewġ nixxigħat fil-qrib. Huwa ċar li dan kien rispons għall-klima u għall-kundizzjonijiet tad-deżert ta' Kutch, fejn ġieli jgħaddu diversi snin qabel ma tinżel ix-xita. Nixxiegħa staġonali li tnixxi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar qrib is-sit ġiet ikkontrollata permezz ta' diversi digi għall-ġbir tal-ilma. Fl-1998 ġie skopert ġibjun ieħor fis-sit.

L-abitanti ta' Dholavira ħolqu 16-il ġibjun jew iktar, ta' daqs differenti, matul l-Istadju III. Uħud minnhom ħadu vantaġġ mill-pendil tal-art fi ħdan l-insedjament kbir, b'niżla ta' 13-il metru (43 pied) mill-Grigal għall-Majjistral. Ġibjuni oħra ġew imħaffrin, uħud minnhom mill-blat. Xogħol reċenti ħareġ fid-dieher żewġ ġibjuni kbar, wieħed lejn il-Lvant tal-kastell u ieħor lejn in-Nofsinhar, ħdejn il-parti annessa tas-sit.

Il-ġibjuni tħaffru fil-blat vertikalment, u huma fondi madwar 7 metri (23 pied) u twal 79 metru (259 pied). Jinsabu fil-periferiji tal-belt, filwaqt li ċ-ċittadella u l-banjijiet jinsabu ċentralment fuq art olzata. Hemm ukoll bir kbir b'gandott imħaffer fil-ġebel li jikkollegah ma' drenaġġ biex l-ilma jgħaddi għal tank tal-ħżin. It-tank għall-għawm kellu taraġ nieżel lejn in-naħa ta' ġewwa tiegħu.

F'Ottubru 2014, bdew l-iskavi fuq bir imtarraġ rettangolari, twil 73.4 metru (241 pied), wiesa' 29.3 metru (96 pied), u fond 10 metri (33 pied); b'hekk dan il-bir huwa tliet darbiet akbar mill-Banju l-Kbir ta' Mohenjedaro.

Uħud mis-siġilli li nstabu f'Dholavira, li jmorru lura għall-Istadju III, kien fihom figuri ta' annimali biss, mingħajr xi tip ta' kitba. Ġie ssuġġerit li dawn it-tipi ta' siġilli jirrappreżentaw id-drawwiet bikrin tal-produzzjoni tas-siġilli fil-Wied tal-Indus.

Strutturi u oġġetti oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fdalijiet tad-djar ċirkolari ta' Dholavira.

Huwa maħsub li l-istruttura ċirkolari enormi li nstabet fis-sit hija qabar jew mafkar, għalkemm meta nstabet ma kien fiha l-ebda skeletru jew fdalijiet umani oħra. L-istruttura tikkonsisti f'għaxar ħitan radjali tat-tajn u tal-brikks f'għamla ta' rota bl-imgħażel. Fil-passaġġ tad-daħla tal-Lvant instabet skultura tal-ġebel ramli artab ta' raġel b'pene erett, iżda b'ras u b'saqajn ir-raġel taħt l-għaksa maqtugħin barra. Instabu ħafna strutturi funebri (għalkemm kollha ħlief waħda ma kienx fihom skeletri), kif ukoll bċejjeċ tal-fuħħar, siġilli tat-terrakotta, ċappetti, ċrieket, żibeġ u tinqix intaljat. Waħda mill-iżjed artefatti ikoniċi taċ-ċivilizzazzjoni Harappana hija ż-Żeffiena, li ġiet skoperta f'Mohenjo-daro. Din l-istatwa tal-bronż tmur lura għall-ħabta tal-2500 Q.K. u hija twila madwar 10.5 ċentimetri u turi l-enerġija dinamika u l-grazzja ta' żeffiena żagħżugħa.

Kostruzzjonijiet emisferiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Instabu seba' kostruzzjonijiet emisferiċi f'Dholavira, li minnhom tnejn ġew skavati fid-dettall. Dawn inbnew fuq kompartimenti kbar imħaffrin ġol-blat. Għandhom pjanta ċirkolari u kienu kostruzzjonijiet emisferiċi elevati kbar tat-tajn u tal-brikks. Waħda mill-istrutturi skavati kienet iddisinjata f'għamla ta' rota bl-imgħażel. Oħra kienet iddisinjata wkoll bl-istess mod, iżda f'għamla ta' rota mingħajr imgħażel. Għalkemm kien fihom oġġetti funebri tal-fuħħar, ma nstabux skeletri għajr f'qabar minnhom, fejn instabu skeletru u mera tar-ram. F'waħda mill-istrutturi emisferi nstabu wkoll ġiżirana taż-żibeġ tal-isteatit fuq wajer tar-ram b'qafliet b'għamla ta' ganċ fuq kull naħa, ċappetta tad-deheb, żibeġ tad-deheb u żibeġ ieħor.

L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, li wettaq l-iskavi, huwa tal-fehma li dawn "l-istrutturi emisferiċi jfakkru fl-istupi Buddisti bikrin" u li "it-tip ta' disinn tagħhom ta' roti bl-imgħażel u mingħajr imgħażel ifakkru wkoll fis-Sararata-chakra-citi u fis-Sapradhi-rata-chakra-citi msemmija fis-Satras ta' Satapatha Brahmana u ta' Shulba".

Fost is-sejbiet ewlenin kien hemm bċejjeċ tal-fuħħar impittrin bl-iswed u bl-aħmar tal-Wied tal-Indus, siġilli kwadri, siġilli mingħajr kitba tal-Wied tal-Indus, u tavla enormi twila madwar 3 metri (9.8 piedi), b'għaxar ittri tal-kitba tal-Wied tal-Indus. Instabet ukoll figura tal-ġebel ta' raġel bilqiegħda li ma tantx kienet ippreservata sew meta mqabbla ma' żewġ skulturi tal-ġebel ta' kwalità għolja li nstabu f'Harappa. F'dan is-sit instabu wkoll buqari suwed kbar b'bażi ppuntata. Barra minn hekk, instabu martell kbir tal-bronż, furmatur kbir, mera tal-idejn tal-bronż, wajer tad-deheb, misluta tad-deheb, globuli mtaqqbin tad-deheb, xfafar u ċappetti tar-ram, ċappetti tal-qxur tal-baħar, simboli falliċi tal-ġebel, siġilli kwadri bil-kitba u b'simboli tal-Wied tal-Indus, siġill ċirkolari, annimali bil-ħotba, bċejjeċ tal-fuħħar b'motivi mpittrin, kalċijiet, platti fuq pedestalli, buqari mtaqqbin, tazzi tat-terrakotta f'qagħda tajba, strutturi arkitettoniċi magħmula mill-ġebel, moli, tkaħħil, eċċ. Instabu wkoll piżijiet tal-ġebel ta' daqs differenti.

Rotta kostali

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ssuġġerit li kienet teżisti rotta kostali li kienet tikkollega Lothal u Dholavira ma' Sutkagan Dor mal-kosta ta' Makran.

Il-Harappani kienu jitkellmu lingwa mhux magħrufa u l-kitba tagħhom għadha ma ġietx iddeċifrata. Huwa maħsub li kellhom madwar 400 simbolu bażiku, b'bosta varjazzjonijiet. Is-simboli jaf kienu jirrappreżentaw kliem kif ukoll sillabi. Id-direzzjoni tal-kitba ġeneralment kienet mil-lemin għax-xellug. Il-biċċa l-kbira tal-kitbiet instabu fuq is-siġilli (il-maġġor parti magħmula mill-ġebel) u fuq bċejjeċ tat-tafal fejn is-siġilli kienu jingħafsu biex iħallu l-marka tagħhom. Xi kitbiet instabu wkoll fuq tavli tar-ram, bċejjeċ tal-bronż u oġġetti żgħar tat-terrakotta, tal-ġebel u tal-fajjenza. Is-siġilli jaf kienu jintużaw fil-kummerċ kif ukoll għax-xogħol amministrattiv uffiċjali. Instab ħafna materjal bil-kitba wkoll f'Mohenjo-daro u f'siti oħra taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Wied tal-Indus.

Tavla bis-simboli

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tavla bis-Simboli.

L-iżjed skoperta sinifikanti f'Dholavira saru f'waħda mill-kmamar laterali tad-daħla tat-Tramuntana tal-belt, u ġeneralment hija magħrufa bħala t-Tavla bis-Simboli ta' Dholavira. Il-Harappani kienu rranġaw u stabbilew bċejjeċ tal-ġipsum minerali biex jiffurmaw għaxar simboli jew ittri kbar fuq tavla kbira tal-injam. F'xi żmien partikolari, it-tavla waqgħet ċatta fuq in-naħa bil-kitba. Biż-żmien l-injam tmermer, iżda l-arranġament tal-ittri wasal sa żmienna. L-ittri tat-tavla bis-simboli jistgħu jitqabblu ma' brikks kbar li kienu jintużaw fil-ħitan fil-qrib. Kull simbolu fih madwar 37 ċentimetru (15-il pulzier) u t-tavla fejn kienu mnaqqxa l-ittri kienet twila madwar 3 metri (9.8 piedi). Din il-kitba hija waħda mill-itwal bil-kitba tal-Wied tal-Indus, u wieħed mis-simboli jidher saħansitra erba' darbiet. Bis-saħħa ta' dan, tad-daqs kbir tagħha u tan-natura pubblika tagħha, hija biċċa evidenza li spiss tiġi kkwotata mill-istudjużi li jsostnu li l-kitba tal-Wied tal-Indus tirrappreżenta l-litteriżmu sħiħ. Kitba b'erba' simboli u b'ittri kbar fuq il-ġebel ramli nstabet ukoll f'dan is-sit, u b'hekk titqies bħala l-ewwel kitba fuq il-ġebel ramli fis-siti Harappani.

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Dholavira: a Harappan City". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-21.