Aqbeż għall-kontentut

Darius I

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Darius I
Re tar-Rejiet

29 Settembru 522 "BCE" - 1 Ottubru 486 "BCE"
Bardiya - Xerxes I
faragħun

29 Settembru 522 "BCE" - 1 Ottubru 486 "BCE"
Bardiya - Xerxes I
Ħajja
Twelid 550 BC
Nazzjonalità Imperu tal-Akemenidi
Mewt Novembru 486 "BCE"
Post tad-dfin Qabar ta' Darius I
Naqsh-e Rustam
Familja
Missier Hystaspes
Omm Irdabama
Konjuga/i Atossa (en) Translate
Phaedymia (en) Translate
Parmys (en) Translate
Artystone (en) Translate
Phratagune (mul) Translate
Ulied
Aħwa
uri
Familja
uri
Tribù dinastija tal-Akemenidi
Edukazzjoni
Lingwi Persjan Antik
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni statista
mexxej militari
monarka
Grad kap kmandant

Darius I (bil-Persjan Antik: 𐎭𐎠𐎼𐎹𐎺𐎢𐏁 Dārayavaʰuš; twieled għall-ħabta tal-550 Q.K. u miet fl-486 Q.K.), magħruf ukoll bħala Darius il-Kbir, kien it-tielet Re tar-Rejiet tal-Imperu tal-Akemenidi, u rrenja mill-522 Q.K. sa mewtu fl-486 Q.K. Huwa rrenja fuq l-imperu fil-quċċata territorjali tiegħu, meta kien jinkludi l-biċċa l-kbira tal-Punent tal-Asja, partijiet mill-Balkani (Traċja–Maċedonja u Peonja) u l-Kawkasu, il-biċċa l-kbira mir-reġjuni kostali tal-Baħar l-Iswed, l-Asja Ċentrali, il-Wied tal-Indus fil-Lvant Imbiegħed, u partijiet mit-Tramuntana tal-Afrika u mill-Grigal tal-Afrika, inkluż l-Eġittu (Mudrâya), il-Lvant tal-Libja u l-kosta tas-Sudan.[1][2][3]

Darius tela' fuq it-tron wara li għeleb lill-monarka tal-Akemenidi Bardija (jew Smerdis), li skontu kien impostur imsejjaħ Gaumata. Ir-re l-ġdid ħabbat wiċċu ma' ribelljonijiet madwar l-imperu kollu iżda għelibhom kollha; avveniment ewlieni tal-karriera ta' Darius deskritt fl-istorjografija Griega kienet l-ispedizzjoni punittiva kontra Ateni u Eretrija talli ħadu sehem fir-Rewwixta tal-Baħar Joniku.

Darius organizza l-imperu billi qasmu f'provinċji amministrattivi, kull waħda ggvernata minn satrap. Huwa organizza l-muniti tal-Akemenidi bħala sistema monetarja uniformi ġdida, u għażel l-Aramajk bħala lingwa kouffiċjali tal-imperu flimkien mal-Persjan Antik. Huwa wassal biex l-imperu jkollu qagħda aħjar billi tejjeb it-toroq u introduċa piżijiet u kejliet standard. Permezz ta' dawn il-bidliet, l-Imperu tal-Akemenidi sar ċentralizzat u unifikat.[4] Darius wettaq proġetti oħra ta' kostruzzjoni fl-imperu kollu, u ffoka primarjament fuq Susa, Pasargadae, Persepolis, il-Babilonja u l-Eġittu. Huwa ordna t-tinqix ta' kitba fuq wiċċ l-irdum tal-Għolja ta' Behistun biex jirreġistra l-konkwisti tiegħu, li iktar 'il quddiem saret evidenza importanti tal-lingwa Persjana Antika.

Dārīus u Dārēus huma l-forom bil-Latin tal-Grieg Dareîos (Δαρεῖος), li nibtet mill-Persjan Antik Dārayauš (𐎭𐎠𐎼𐎹𐎢𐏁, d-a-r-y-uš); li hija forma mqassra ta' Dārayavaʰuš (𐎭𐎠𐎼𐎹𐎺𐎢𐏁, d-a-r-y-v-u-š). Il-forma itwal bil-Persjan hija riflessa fil-forom bl-Elamit Da-ri-(y)a-ma-u-iš, bil-Babiloniż Da-(a-)ri-ia-(a-)muš, u bl-Aramajk drywhwš (𐡃𐡓𐡉𐡅𐡄𐡅𐡔), u x'aktarx fil-forma itwal bil-Grieg, Dareiaîos (Δαρειαῖος). L-isem fil-forma nominattiva jfisser "dak li għandu ħakma tajba tat-tajjeb (tjubija)", li toħroġ fid-dieher mill-ewwel parti dāraya, li tfisser "detentur", u l-avverbju vau, li jfisser "tajjeb" jew "tjubija".

Sorsi primarji

[immodifika | immodifika s-sors]

F'xi żmien bejn l-inkurunazzjoni tiegħu u mewtu, Darius ħalla riljiev trilingwi monumentali mal-Għolja ta' Behistun, imnaqqax bl-Elamit, bil-Persjan Antik u bil-Babiloniż. It-tinqix jibda b'awtobijografija qasira li tinkludi lil missirijietu u l-arblu tar-razza tiegħu. Sabiex tgħinu fil-preżentazzjoni ta' missirijietu, Darius kiteb is-sekwenza ta' avvenimenti li seħħew wara l-mewt ta' Ċiru l-Kbir.

Darius isemmi diversi drabli li huwa r-re denju bil-grazzja tad-divinità suprema Ahura Mazda. Instabu wkoll testi u monumenti oħra minn Persepolis, kif ukoll tavla tat-tafal bil-kitba kunejformi bil-Persjan Antik ta' Darius minn Gherla, ir-Rumanija (Harmatta) u ittra mingħand Darius lil Gadates, ippreservata f'test Grieg ta' żmien ir-Rumani. Fit-tavli tal-pedamenti tal-Palazz ta' Apadana, Darius iddeskriva bil-kitba kunejformi bil-Persjan Antik, il-kobor tal-imperu tiegħu f'termini ġeografiċi wesgħin:

Darius ir-re kbir, re tar-rejiet, re tal-pajjiżi, iben Hystaspes, Akemenid. Ir-re Darius jgħid: Dan huwa r-renju tiegħi, mill-poplu Sacae lil hinn minn Sogdia sal-poplu Kush, u mis-Sind (bil-Persjan Antik: 𐏃𐎡𐎭𐎢𐎺, "Hidauv", lokattiv ta' "Hiduš", jiġifieri l-"Wied tal-Indus") lil Lidja (bil-Persjan Antik: "Spardâ") – [dan huwa] dak li tani Ahuramazda, l-ikbar fost l-allat. J'Alla Ahuramazda jħares lili u r-residenza rjali tiegħi!

— kitba mnaqqxa ta' Darius I fil-pedamenti tal-Palazz ta' Apadana.

Isem Darius I bil-kitba kunejformi bil-Persjan Antik fuq il-qabar tiegħu: Dārayavauš (𐎭𐎠𐎼𐎹𐎺𐎢𐏁).

Erodotu, storiku Grieg u l-awtur ta' L-Istorji, ipprovda rendikont ta' bosta rejiet Persjani u l-Gwerer bejn il-Griegi u l-Persjani. Huwa kiteb b'mod estensiv dwar Darius, f'nofs il-Ktieb Nru 3 u l-Kotba Nri 4, 5 u 6. Jibda bit-tneħħija ta' Gaumata li allegatament ħa l-poter b'mod illegali u jkompli sa tmiem ir-renju ta' Darius.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Darius kien l-ikbar fost ħames ulied subien ta' Hystaspes. L-identitià ta' ommu mhix ċerta. Skont l-istoriku modern Alireza Shapour Shahbazi (1994), kien maħsub li omm Darius kienet mara msejħa Rhodogune. Madankollu, skont Lloyd Llewellyn-Jones (2013), testi li nstabu reċentement f'Persepolis jindikaw li ommu kienet Irdabama, sid tal-artijiet affluwenti minn familja ta' mexxejja Elamiti lokali. B'mod simili, Richard Stoneman jirreferi għal Irdabama bħala omm Darius.

Il-kitba mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun ta' Darius tistqarr li missieru kien is-satrap ta' Baktrija fil-522 Q.K. Skont Erodotu (III.139), Darius, qabel ma ħataf il-poter u "bla konsegwenza f'dak iż-żmien", kien ġellied bil-lanza (doryphoros) fil-kampanja militari Eġizzjana (528–525 Q.K.) ta' Cambyses II, re kbir Persjan ta' dak iż-żmien; spiss dan jiġi interpretat li jfisser li huwa kellu r-rwol importanti li jżomm il-lanez personali tar-re. Hystaspes kien uffiċjal fl-armata ta' Ċiru u nobbli tal-qorti tiegħu; skont il-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun, Hystapes kien sekondokuġin ta' Ċiru min-naħa ta' missieru, għalkemm dan jaf ġie vvintat sabiex l-aċċess għat-tron ta' Darius ikun leġittimu.

Qabel ma' Ċiru u l-armata tiegħu qasmu x-xmara Araxes biex jiġġieldu kontra l-Armeni, huwa għamel lil ibnu Cambyses II bħala r-re f'każ li ma jerġax lura mill-battalja. Ladarba Ċiru qasam ix-xmara Aras, huwa ra xbieha fejn Darius kellu l-ġwienaħ fuq spallejh u kien jinsab fil-konfini tal-Ewropa u tal-Asja (id-dinja magħrufa f'dak iż-żmien). Meta Ċiru qam mill-ħolma, huwa interpretaha bħala periklu kbir għas-sigurtà futura tal-imperu, peress li kienet tfisser li Darius xi darba kien se jirrenja fuq id-dinja kollha. Madankollu, ibnu Cambyses kien l-eredi tat-tron, mhux Darius, u b'hekk Ċiru beda jara jekk Darius kellux pjanijiet ambizzjużi u ta' tradiment. Dan wassal biex Ċiru jordna lil Hystaspes biex imur lura lejn Persis u joqgħod għassa b'mod strett fuq ibnu, sar-ritorn ta' Ċiru.

Aċċess għat-tron

[immodifika | immodifika s-sors]
In-nisel ta' Darius il-Kbir skont il-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun.

Jeżistu rakkonti differenti dwar l-aċċess għat-tron ta' Darius kemm mingħand Darius stess kif ukoll mingħand l-istoriċi Griegi. L-eqdem rekords jirrapportaw kobba mħabbla ta' avvenimenti li fihom Cambyses II tilef ir-raġuni, ordna li ħuh Bardiya jinqatel, u miet minħabba ferita infettata f'riġel. Wara dan, Darius u grupp ta' sitt nobbli vvjaġġaw lejn Sikayauvati biex joqtlu lil Gaumata, li kien ħa t-tron taparsi Bardiya fl-assenza tar-re.

Ir-rakkont ta' Darius, imnaqqax mal-Għolja ta' Behistun, jiddikjara li Cambyses II qatel lil ħuh stess, Bardiya, iżda li din il-qtil ma kienx magħruf fost il-poplu Iranjan. Gaumata allegatament tela' fuq it-tron b'mod illegali u gideb lin-nies, taparsi kien Bardiya. L-Iranjani bdew jirribellaw kontra t-tmexxija ta' Cambyses, u fil-11 ta' Marzu 522 Q.K., faqqgħet rewwixta kontra Cambyses fl-assenza tiegħu. Fl-1 ta' Lulju, il-poplu Iranjan għażel li jkun taħt it-tmexxija ta' Gaumata, bħala "Bardiya". L-ebda membru tal-familja Akemenida ma tkellem kontra Gaumata għax beżgħu għal ħajjithom. Darius, li kien iġorr il-lanez irjali ta' Cambyses sal-mewt tar-re depost, talab għall-għajnuna, u f'Settembru 522 Q.K., flimkien ma' Otanes, Intaphrenes, Gobryas, Hydarnes, Megabyzus u Aspathines, qatel lil Gaumata fil-fortizza ta' Sikayauvati.

Erodotu jipprovdi rakkont dubjuż dwar l-aċċess għat-tron ta' Darius: diversi jiem wara l-qtil ta' Gaumata, Darius u sitt nobbli oħra ddiskutew dwar id-destin tal-imperu. Għall-ewwel, is-seba' ddiskutew dwar il-forma ta' governanza: repubblika demokratika (Isonomia) ġiet appoġġata bil-kbir minn Otanes, oligarkija ġiet appoġġata minn Megabyzus, filwaqt li Darius kien favur monarkija. Wara li stqarr li repubblika kienet twassal għall-korruzzjoni u għall-ġlied intern, filwaqt li monarka kien jiggverna b'għerf perfett, u jaħbi bl-aħjar mod il-pjanijiet biex jingħelbu l-għedewwa, xi ħaġa li ma kinitx possibbli skontu b'governanzi oħra, Darius irnexxielu jikkonvinċi lil erba' mis-seba' nobbli.

Il-marka fuq it-tafal ta' siġill ċilindriku tar-Re Darius il-Kbir jikkaċċja fuq karru, bil-kitba "Jien Darius, ir-Re Kbir" bil-Persjan Antik (𐎠𐎭𐎶𐏐𐎭𐎠𐎼𐎹𐎺𐎢𐏁𐎴 𐏋, "adam Dārayavaʰuš xšāyaθiya"), bl-Elamit u bil-Babiloniż. Il-kelma "kbir" tidher biss bil-Babiloniż. Din it-tavla tat-tafal tinsab fil-Mużew Brittaniku u ġiet skavata f'Tebe, l-Eġittu.

Sabiex tittieħed deċiżjoni rigward min kien se jsir il-monarka, sitta minnhom iddeċidew li jsir test, u Otanes astjena, peress li ma kellux interess isir re. Huma kellhom jinġabru barra l-palazz, rekbin iż-żwiemel tagħhom maż-żerniq, u skont liema żiemel jiżher l-ewwel ma' tlugħ ix-xemx, is-sid tiegħu kellu jsir ir-re. Skont Erodotu, Darius kellu skjav, Oebares, li ħakk idu fuq il-ġenitali ta' debba ta' Darius. Meta s-sitta nġabru, Oebares poġġa idu qrib imnieħer iż-żiemel ta' Darius, li eċita ruħu mar-riħa u beda jiżher. Dan ġie segwit minn sajjetti u ragħad, u b'hekk l-oħrajn niżlu minn fuq iż-żwiemel u niżlu għarkopptejhom quddiem Darius bħala rikonoxximent tal-provvidenza divina favur Darius. Fir-rakkont tiegħu, Darius stess sostna li kiseb it-tron mhux permezz ta' frodi, iżda b'mod makakk, u saħansitra tella' statwa tiegħu nnifsu riekeb iż-żiemel jiżher tiegħu bil-kitba mnaqqxa: "Darius, iben Hystaspes, kiseb is-sovranità tal-Persja bil-ħila taż-żiemel tiegħu u bl-għajnuna makakka ta' Oebares, l-iskjav tiegħu".

Skont ir-rakkonti tal-istoriċi Griegi, Cambyses II kien ħalla lil Patizeithes fit-tmun tar-renju meta mar lejn l-Eġittu. Iktar 'il quddiem huwa bagħat lil Prexaspes biex joqtol lil Bardiya. Wara l-qtil, Patizeithes poġġa lil ħuh Gaumata, Magjan li kien jixbah lil Bardiya, fuq it-tron u ddikjarah bħala Re Kbir. Otanes skopra li Gaumata kien impostur, u flimkien ma' sitt nobbli Iranjani oħra, inkluż Darius, ħejja pjan biex jegħleb lill-psewdo-Bardiya. Wara l-qtil tal-impostur flimkien ma' ħuh Patizeithes u Magjani oħra, Darius ġie inkurunat re l-għada filgħodu.

Id-dettalji rigward l-aċċess għat-tron ta' Darius huma ġeneralment rikonoxxuti bħala qerq li ntuża biex jingħeleb u jinqatel is-suċċessur ta' Cyrus, Bardiya. Sabiex jilleġittima t-tmexxija tiegħu, Darius kellu oriġini komuni vvintata bejnu u Ċiru billi ddeżinja lil Achaemenes bħala l-fundatur tad-dinastija tagħhom. Fil-verità, Darius ma kienx jagħmel parti mill-familja ta' Ċiru u tan-nisel tiegħu, il-mexxejja ta' Anshan.

Darius il-Kbir ta' Eugène Flandin (1840).

Rewwixti bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-inkurunazzjoni tiegħu f'Pasargadae, Darius ittrasferixxa ruħu f'Ecbatana. F'qasir żmien sar jaf li Bardiya kellu appoġġ qawwi, u li faqqgħu rewwixtri f'Elam u fil-Babilonja. Darius temm ir-rewwixta tal-Elamiti meta l-mexxej rivoluzzjonarju nħataf u ġie ġustizzjat f'Susa. Wara 3 xhur, ir-rewwixta fil-Babilonja ntemmet. Sakemm kien fil-Babilonja, Darius sar jaf li kienet faqqgħet rivoluzzjoni f'Baktrija, satrapija li dejjem kienet favur Darius, u inizjalment bagħat armata suldati biex irażżnu l-irvellijiet. Wara dan, ir-rewwixti faqqgħu wkoll f'Persis, l-art tal-Persjani u ta' Darius, kif ukoll f'Elam u fil-Babilonja, segwiti minn Medija, Parzja, Assirja u l-Eġittu.

Sal-522 Q.K., kien hemm irvellijiet kontra Darius fil-biċċa l-kbira tal-Imperu tal-Akemenidi. Minkejja li milli jidher Darius ma kellux l-appoġġ tal-popolin, huwa kellu armata leali, immexxija minn persuni tal-qalba tiegħu u min-nobbli (inkluż is-sitt nobbli li kienu għenuh jeħles minn Gaumata). Bl-appoġġ tagħhom, Darius irnexxielu jrażżan u jegħleb l-irvellijiet kollha fi żmien sena. Skont kliem Darius stess, huwa kien qatel total ta' disa' "rejiet giddibin" billi għeleb l-irvellijiet. Darius ħalla rendikont dettaljat ta' dawn l-irvellijiet fil-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun.

Eliminazzjoni ta' Intafernes

[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-avvenimenti sinifikanti tar-renju bikri ta' Darius kien il-qtil ta' Intafernes, wieħed mis-seba' nobbli li kienu ddeponew lill-mexxej ta' qabel u poġġew lil Darius bħala l-monarka l-ġdid. Is-seba' kienu għamlu ftehim li setgħu lkoll iżuru lir-re l-ġdid kull meta jixtiequ, għajr meta kien ma' mara. Lejla minnhom, Intafernes mar il-palazz biex jiltaqa' ma' Darius, iżda twaqqaf minn żewġ uffiċjali li qalulu li Darius kien ma' mara. Intafernes inkorla u ħassu insultat, għaldaqstant ħareġ ix-xabla tiegħu u qata' widnejn u mnieħer iż-żewġ uffiċjali, u dendilhom ma' xedd ir-ras taż-żiemel tiegħu u rabtu ma' għonq l-irġiel u ħallihom jitilqu.

L-uffiċjali marru għand ir-re u wrewh x'kien għamlilhom Intafernes. Darius beda jibża' għas-sikurezza tiegħu; huwa ħaseb li n-nobbli kollha kienu ngħaqdu flimkien biex jirribellaw kontrih u li l-attakk kontra l-uffiċjali tiegħu kien l-ewwel sinjal ta' rewwixta. Huwa bagħat messaġġier lil kull wieħed min-nobbli, u staqsihom kinux japprovaw l-azzjonijiet ta' Intafernes. Huma ċaħdu kwalunkwe rabta mal-azzjonijiet ta' Intafernes, u stqarru li żammew mad-deċiżjoni tagħhom li jaħtru lil Darius bħala Re tar-Rejiet. L-għażla ta' Darius li jistaqsi lin-nobbli tindika li ma kienx ċert għalkollox rigward l-awtorità tiegħu.

Huwa ħa prekawzjonijiet kontra xi reżistenza ulterjuri u bagħat xi suldati biex jaħtfu lil Intafernes, flimkien ma' ibnu, il-membri tal-familja, il-qrabat u xi ħbieb li kellhom il-kapaċità li jarmaw lilhom infushom. Darius kien jemmen li Intafernes kien qed jippjana ribelljoni, iżda meta tressaq il-qorti, ma kienx hemm prova ta' tali pjan. Minkejja dan, Darius qatel il-familja kollha ta' Intafernes, ħlief lil martu, lil ibnu u lil ħu l-mara tiegħu. Il-mara tiegħu ntalbet tagħżel bejn ħuha u binha u għażlet lil ħuha. Ir-raġunament tagħha għal dan kien li b'hekk seta' jkollha raġel ieħor u iben ieħor, iżda qatt ma seta' jkollha ħuha ieħor. Darius baqa' impressjonat bit-tweġiba tagħha u ma qatel lill-ebda wieħed minnhom.

Kampanji militari

[immodifika | immodifika s-sors]
Vażun Eġizzjan tal-alabastru ta' Darius I b'kitbiet ġeroglifiċi u kunejformi b'erba' lingwi. Il-kitba ġeroglifika fuq il-vażun tgħid: "Re tal-Eġittu ta' Fuq u t'Isfel, Sinjur taż-Żewġ Artijiet, Darius, li jgħix għal dejjem, is-sena 36".

Kampanja militari Eġizzjana

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li aċċerta l-awtorità tiegħu fl-imperu, Darius wettaq kampanja militari fl-Eġittu fejn għeleb il-qawwiet ribelli u kiseb l-artijiet li Cambyses kien ħakem, filwaqt li inkorpora parti kbira mill-Eġittu fl-Imperu tal-Akemenidi. Skont il-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Bisotun, ir-ribelljoni Eġizzjana bdiet meta Darius kien fil-Babilonja jindirizza r-ribelljoni hemmhekk. Ġie ssuġġerit li l-inklużjoni tal-Eġittu fost il-lista ta' provinċji ribellużi f'din il-kitba mnaqqxa kien żball tal-iskribi, u diversi dati huma possibbli għar-ribelljoni effettiva. Bl-istess mod, l-identità tal-mexxej tar-ribelli mhux magħruf, iżda ġie ssuġġerit li kien Petubastis III.

Permezz ta' sensiela oħra ta' kampanji, Darius I eventwalment irrenja fuq l-apiċi territorjali tal-imperu, meta kien estiż minn partijiet mill-Balkani (Traċja, il-Maċedonja, il-Bulgarija, Peonja) fil-Punent, sal-Wied tal-Indus fil-Lvant.

Invażjoni tal-Wied tal-Indus

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-516 Q.K., Darius wettaq kampanja militari lejn l-Asja Ċentrali, Aria u l-Baktrija u mbagħad immarċja fl-Afganistan lejn Taxila, illum il-ġurnata fil-Pakistan. Darius qatta' x-xitwa tal-516–515 Q.K. f'Gandhara, iħejji ruħu biex jaħkem il-Wied tal-Indus. Darius ħakem l-artijiet madwar ix-xmara Indus fil-515 Q.K. Darius I kkontrolla l-Wied tal-Indus minn Gandhara sa Karachi moderna u ħatar is-Scylax Grieg ta' Caryanda biex jesplora l-Oċean Indjan mill-ħalq tax-xmara Indus sas-Suez.

Rewwixta Babiloniża

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fruntiera tal-Lvant tal-Imperu tal-Akemenidi.

Wara li Bardiya nqatel, seħħew diversi rvellijiet madwar l-imperu kollu, speċjalment fin-naħa tal-Lvant. Darius asserixxa l-pożizzjoni tiegħu bħala r-re bil-forza, u ħa l-armati tiegħu miegħu fl-imperu kollu, u għakkes kull rewwixta b'mod individwali. L-iżjed notevoli fost ir-rewwixti kollha kienet ir-rewwixta Babiloniża mmexxija minn Nebuchadnezzar III. Din ir-rewwixta seħħet meta Otanes irtira l-biċċa l-kbira tal-armata mill-Babilonja biex jgħin lil Darius jgħakkes ir-rewwixti l-oħra. Darius ħass li l-Babiloniżi kienu ħadu vantaġġ minnu u qarrqu bih, u dan wassal biex Darius jibni armata kbira u jimmarċja lejn il-Babilonja. Fil-Babilonja, Darius sab id-daħliet magħluqin u sensiela ta' difiżi lesti għalih u għall-armata tiegħu biex jevitaw li jidħlu fil-belt.

Darius ġie mżeblagħ u rridikolat mir-ribelli, inkluż il-frażi famuża: "Iva mela, se taħtaf il-belt tagħna, meta l-bgħula jwelldu moħor". Għal sena u nofs, Darius u l-armati tiegħu ma rnexxielhomx jerġgħu jaħtfu l-belt, għalkemm ippruvaw b'bosta metodi u strateġiji — saħansitra dawk li kien uża Ċiru l-Kbir meta ħataf il-Babilonja. Is-sitwazzjoni nbidlet favur Darius, meta skont ir-rakkont, bagħal ta' Zopyrus, suldat imlaħħaq, kellu moħor. Wara dan, tħejja pjan biex Zopyrus jagħmel tabirruħu li diżertatur, jidħol fil-kamp Babiloniż, u jikseb il-fiduċja tal-Babiloniżi. Il-pjan irnexxa u l-armata ta' Darius eventwalment iċċirkondat il-belt u għelbet lir-ribelli.

Matul din ir-rewwixta, in-nomadi Xitjani ħadu vantaġġ mid-diżordni u l-kaos u invadew il-Persja. Darius l-ewwel għeleb ir-ribelli f'Elam, fl-Assirja u fil-Babilonja, u mbagħad attakka l-invażuri Xitjani. Huwa kompla jgħakkes lill-invażuri, u mar warajhom sa marġ; hemmhekk ma sabx għedewwa iżda tribù Xitjana enigmatika. Huwa rnexxielu jaħtaf ir-re Xitjan Skunkha u żiedu mar-rejiet ribelli l-oħra msemmija fil-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun.

Kampanja militari Ewropea tax-Xitjani

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-kampanja militari Ewropea tax-Xitjani ta' Darius I.

Ix-Xitjani kienu grupp ta' tribujiet nomadiċi tat-Tramuntana tal-Iran li kienu jitkellmu lingwa tal-Lvant tal-Iran (lingwi Xitjani) u li invadew lil Medija, qatlu lil Ċiru f'battalja, għamlu rewwixta kontra Darius u heddu li jfixklu l-kummerċ bejn l-Asja Ċentrali u x-xtut tal-Baħar l-Iswed peress li kienu jgħixu bejn ix-xmara Danubju, ix-xmara Don u l-Baħar l-Iswed.

Darius qasam il-Baħar l-Iswed fl-Istretti tal-Bosforu bl-użu ta' bosta dgħajjes. Darius ħakem partijiet kbar mil-Lvant tal-Ewropa, u saħansitra qasam ix-xmara Danubju biex jiddikjara gwerra kontra x-Xitjani. Darius invada x-Xitja Ewropea fil-513 Q.K., u x-Xitjani ħarbu mill-armata ta' Darius, bl-użu ta' finti u billi rtiraw lejn il-Lvant u qabbdu l-kampanja tal-madwar, imblokkaw il-bjar, interċettaw il-konvojs, qerdu l-mergħat u ġġieldu b'mod kontinwu kontra l-armata ta' Darius.

L-armata ta' Darius ipprovat tiġġieled kontra x-Xitjani u segwiet l-armata tagħhom fil-fond tal-artijiet Xitjani, fejn ma kien hemm l-ebda belt x'tinħakem u l-ebda provvisti x'jinsterqu. Iffrustrat, Darius bagħat ittra lill-mexxej Xitjan Idanthyrsus biex jiġġieled jew jarrendi. Il-mexxej wieġeb li ma kienx se jieqaf biex jiġġieled kontra Darius sakemm isibu l-oqbra ta' missirijiethom u jipprovaw jeqirduhom. Sakemm dan iseħħ, huma kienu se jibqgħu għaddejjin bl-istrateġija tagħhom peress li ma kellhomx bliet jew artijiet ikkultivati x'jitilfu.

Minkejja t-tattiki ta' evażjoni tax-Xitjani, il-kampanja militari ta' Darius sa dak iż-żmien kienet relattivament waħda ta' suċċess. Kif ippreżentat minn Erodotu, it-tattiki użati mix-Xitjani rriżultaw fit-telfa tal-aqwa artijiet tagħhom u f'danni mġarrba mill-alleat leali tagħhom. B'hekk Darius ħa l-inizjattiva u iktar ma resaq lejn il-Lvant fl-artijiet ikkultivati tax-Xitjani fil-Lvant tal-Ewropa proprja, huwa baqa' jiġi fornut mill-ġdid mill-flotta tiegħu u għex sa ċertu punt minn dak li pprovdiet l-art. Iktar ma resaq lejn il-Lvant fl-artijiet Xitjani Ewropej, huwa ħataf il-belt iffortifikata l-kbira tal-Budini, wieħed mill-alleati tax-Xitjani, u taha n-nar.

Darius eventwalment ordna waqfa max-xtut ta' Oarus, fejn bena "tmien fortijiet kbar, xi 8 mili (13-il kilometru) 'il bogħod minn xulxin", bla dubju bħala difiża tal-fruntiera. F'L-Istorji tiegħu, Erodotu jiddikjara li l-fdalijiet tal-fortijiet kienu għadhom viżibbli fi żmienu. Wara li segwa lix-Xitjani għal xi xahar, l-armata ta' Darius kienet qed iġġarrab telfiet minħabba l-għeja, il-ġuħ u l-mard. Darius beda jinkwieta li jitlef iktar suldati minn fost it-truppi tiegħu, għaldaqstant waqqaf l-immarċjar max-xtut tax-xmara Volha u mexa lejn Traċja. Huwa kien ħakem biżżejjed territorji Xitjani biex jobbligahom jirrispettaw il-forzi Persjani.

Invażjoni Persjana tal-Greċja

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-siti ewlenin tal-invażjonijiet Persjani tal-Greċja.

L-ispedizzjoni Ewropea ta' Darius kienet avveniment ewlieni fir-renju tiegħu, u bdiet bl-invażjoni ta' Traċja. Darius ħakem ukoll bosta bliet fit-Tramuntana tal-Eġew, Peonja, filwaqt li l-Maċedonja ċediet volontarjament, wara t-talba tal-art u tal-ilma, u saret renju vassall. Imbagħad Darius telaq minn Megabyzus biex jaħkem lil Traċja, u reġa' lura lejn Sardis biex iqatta' x-xitwa hemmhekk. Il-Griegi li kienu jgħixu fl-Asja Minuri u f'xi gżejjer Griegi ċedew quddiem it-tmexxija Persjana diġa sal-510 Q.K. Madankollu, kien hemm ċerti Griegi li kienu pro-Persjani, għalkemm fil-biċċa l-kbira kienu bbażati f'Ateni. Sabiex jittejbu r-relazzjonijiet bejn il-Griegi u l-Persjani, Darius fetaħ il-qorti tiegħu u t-teżor għal dawk il-Griegi li riedu jaqduh. Dawk il-Griegi qdewh bħala suldati, artiġjani u baħħara. Madankollu, it-tħassib dejjem jiżdied fost il-Griegi dwar il-qawwa tar-renju ta' Darius flimkien mal-indħil kostanti mill-Griegi f'Jonja u f'Lidja wittew it-triq għall-kunflitt futur bejn il-Persja u wħud mill-bliet-stati Griegi ewlenin.

Detall ta' Darius, b'kitba t'ismu bil-Grieg (ΔΑΡΕΙΟΣ, fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin).

Meta Aristagoras organizza r-Rewwixta tal-Jonju, Eretrija u Ateni appoġġawh billi bagħtu bastimenti u truppi lejn Jonja u billi taw in-nar lil Sardis. L-operazzjonijiet militari u navali Persjani kontra r-rewwixta ntemmu bl-okkupazzjoni Persjana mill-ġdid tal-gżejjer Griegi u tal-Jonju, kif ukoll is-sottomissjoni mill-ġdid ta' Traċja u l-ħakma tal-Maċedonja fl-492 Q.K. taħt Mardonius. Il-Maċedonja kienet renju vassall tal-Persjani mill-aħħar tas-seklu 6 Q.K., iżda żammet l-awtonomija. Il-kampanja militari ta' Mardonius fl-492 wasslet biex issir parti subordinati bis-sħiħ tar-renju Persjan. Dawn l-azzjonijiet militari, bħala rispons dirett għar-rewwixta f'Jonja, kienu l-bidu tal-ewwel invażjoni Persjana tal-art kontinentali tal-Greċja. Fl-istess żmien, partijiet anti-Persjani kisbu iktar poter f'Ateni, u l-aristokratiċi pro-Persjani ġew eżiljati minn Ateni u minn Sparta.

Darius wieġeb billi bagħat it-truppi mmexxija minn ibnu tar-rispett tul il-Hellespont. Madankollu, maltempata qalila u fastidji mit-Traċjani wasslu biex it-truppi jerġgħu lura lejn il-Persja. Bħala tpattija kontra Ateni u Eretrija, Darius bena armata oħra ta' 20,000 raġel taħt l-ammirall tiegħu, Datis, u n-neputi tiegħu Artafernes, li kiseb suċċess meta ħataf lil Eretrija u avvanza lejn Maratona. Fl-490 Q.K., fil-Battalja ta' Maratona, l-armata Persjana ġarrbet telfa kontra armata minn Ateni, b'9,000 raġel appoġġati minn 600 Platejani u 10,000 suldat armat immexxijin minn Miltiades. It-telfa mġarrba f'Maratona immarkat it-tmiem tal-ewwel invażjoni Persjana tal-Greċja. Darius beda t-tħejjijiet għat-tieni qawwa taħt il-kmand tiegħu, minflok il-ġenerali tiegħu; madankollu, qabel ma tlestew it-tħejjijiet, Darius miet, u b'hekk il-kompitu għadda f'idejn ibnu Xerxes.

Darius kien iben Hystaspes u n-neputi ta' Arsames. Darius iżżewweġ lil Atossa, bint Ċiru, u flimkien kellhom erba' subien: Xerxes, Achaemenes, Masistes u Hystaspes. Huwa żżewweġ ukoll lil Artystone, bint oħra ta' Ċiru, u flimkien kellhom żewġ subien magħrufa, Arsames u Gobryas. Darius iżżewweġ lil Parmys, bint Bardiya, u flimkien kellhom iben, Ariomardus. Barra minn hekk, Darius iżżewweġ lin-neputija tiegħu Phratagune, u flimkien kellhom żewġ subien, Abrokomas u Hyperantes. Huwa żżewweġ ukoll mara nobbli oħra, Phaidyme, bint Otanes. Mhux magħruf kellhomx tfal flimkien. Qabel dawn iż-żwiġijiet irjali, Darius kien iżżewweġ bint mhux magħrufa ta' ħabib kbir tiegħu li kien iġorr il-lanez, Gobryas, minn żwieġ bikri, u flimkien kellhom tliet subien, Artobazanes, Ariabignes u Arsamenes. Kwalunkwe bniet li jaf kellhom flimkien mhumiex magħrufa. Għalkemm Artobazanes kien l-ewwel iben ta' Darius, Xerxes sar l-eredi u r-re suċċessur minħabba l-influwenza ta' Atossa; hija kellha awtorità kbira fir-renju peress li Darius kien iħobb lilha l-iktar fost in-nisa kollha li żżewweġ.

Mewt u suċċessjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qabar ta' Darius f'Naqsh-e Rostam.

Wara li sar jaf bit-telfa li ġarrbu l-Persjani fil-Battalja ta' Maratona, Darius beda jippjana spedizzjoni oħra kontra l-bliet-stati Griegi; din id-darba, hu, mhux Datis, kellu jikkmanda l-armati imperjali. Darius qatta' 3 snin iħejji l-irġiel u l-bastimenti għall-gwerra meta faqqgħet rewwixta fl-Eġittu. Din ir-rewwixta fl-Eġittu wasslet biex saħħtu tmur għall-agħar u b'hekk ma setax imexxi armata oħra. Ftit wara, Darius miet, wara 30 jum ta' tbatija minħabba marda mhux identifikata, parzjalment minħabba s-sehem li kellu biex jgħakkes ir-rewwixta, tal-età ta' madwar 64 sena. F'Ottubru 486 Q.K., il-katavru tiegħu ġie bbalzmat u midfun fil-qabar imħaffer fil-blat f'Naqsh-e Rostam, li kien ilu jħejji. Kitba mnaqqxa fuq il-qabar tiegħu tintroduċih bħala "Re Kbir, Re tar-Rejiet, Re ta' pajjiżi b'kull xorta ta' rġiel, Re bil-kbir u fil-wisa' f'din id-dinja, iben Hystaspes, Achemenidu, Persjan, iben Persjan, Arjan, ta' nisel Arjan". Riljiev taħt il-qabar tiegħu li juri l-ġlied li sar riekeb fuq żiemel tnaqqax iktar 'il quddiem matul ir-renju tar-Re tar-Rejiet Sassanid, Bahram II (li rrenja fil-274–293 W.K.).

Xerxes, l-ikbar iben ta' Darius u Atossa, sar is-suċċessur għat-tron bħala Xerxes I; qabel l-aċċess tiegħu għat-tron, huwa kien ikkontesta s-suċċessjoni ma' ħuh tar-rispett ikbar minnu Artobarzanes, l-ikbar iben fost is-subien kollha ta' Darius, li kien twieled mingħand l-ewwel mara tiegħu qabel ma Darius kiseb il-poter. Bl-aċċess għat-tron ta' Xerxes, l-imperu reġa' ġie mmexxi minn membru tal-familja ta' Ċiru.

Il-volum ta' tributi annwali skont kull distrett fl-Imperu tal-Akemenidi.

Organizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Kmieni fir-renju tiegħu, Darius ried jorganizza mill-ġdid l-istruttura tal-imperu u jirriforma s-sistema tat-tassazzjoni li wiret mingħand Ċiru u Cambyses. Sabiex jagħmel dan, Darius ħoloq għoxrin provinċja msejħa satrapati (jew archi) li ġew assenjati satrap (archon) kull waħda u speċifika tributi fissi li s-satrapati kienu meħtieġa jħallsu. Lista sħiħa ġiet ippreservata fil-katalogu ta' Erodotu, l-ewwel u qabel kollox b'Jonja, elenkata mas-satrapati l-oħra mill-Punent għal-Lvant, għajr Persis, li kienet l-art tal-Persjani u l-unika provinċja li ma kinitx art maħkuma. It-tributi tħallsu f'biċċiet tal-fidda u tad-deheb. It-tributi f'biċċiet tal-fidda minn kull satrap kienu jitkejlu bil-biċċiet Babiloniżi. It-tributi mħallsa f'biċċiet tad-deheb kienu jitkejlu bil-biċċiet Ewbojċi. It-tributi totali mis-satrapi ammontaw għal inqas minn 15,000 biċċa tal-fidda.

Il-maġġoranza tas-satrapi kienu ta' oriġini Persjana u kienu membri tal-familja rjali jew tal-familji tas-sitt nobbli kbar. Dawn is-satrapi ntgħażlu personalment minn Darius biex jimmonitorjaw dawn il-provinċji. Kull waħda mill-provinċji ġiet maqsuma f'sottoprovinċji, kull waħda bil-gvernatur tagħha stess, li kien jintgħażel mill-qorti rjali jew mis-satrap. Sabiex jiġu vvalutati t-tributi, kienu jiġu evalwati l-ispejjeż u d-dħul ta' kull satrap.

Sabiex jiġi żgurat li persuna waħda ma tiksibx wisq poter, kull satrap kellu segretarju, li kien josserva l-affarijiet tal-istat u kien jikkomunika ma' Darius; teżorier, li kien jissalvagwardja id-dħul provinċjali; u kmandant tal-gwarniġjon, li kien responsabbli għat-truppi. L-ispetturi rjali, li kienu l-"għajnejn u l-widnejn" ta' Darius, kienu jwettqu kontrolli ulterjuri fuq kull satrap.

L-amministrazzjoni imperjali kienet ikkoordinata minn qisu reġistrar b'kwartieri ġenerali f'Persepolis, f'Susa u fil-Babilonja, b'fergħat f'Baktrija, f'Ecbatana, f'Sardis, f'Dascylium u f'Memphis. Darius żamm l-Aramajk bħala l-lingwa komuni, li f'qasir żmien infirxet madwar l-imperu kollu. Darius laqqa' grupp ta' studjużi biex joħolqu sistema ta' lingwa separata użata biss għal Persis u l-Persjani, li ġiet imsejħa l-kitba Arjana u kienet tintuża biss għall-kitbiet uffiċjali. Qabel dan, il-kisbiet tar-re kienu jiġu indirizzati bil-Persjan biss permezz ta' narrazzjoni u inni, u permezz tal-"mastri tal-memorja". L-istorja orali baqgħet taqdi rwol importanti matul l-istorja kollha tal-Iran.

Munita darika tad-deheb izzekkata f'Sardis.

Darius introduċa munita universali ġdida, il-munita darika, kemxejn qabel il-500 Q.K. Qabel l-introduzzjoni tagħha, il-pagamenti kienu jsiru bi tpartit jew b'muniti użati zekkati f'Lidja jew fi bliet Joniċi oħra. Darius uża s-sistema taz-zekkar tal-muniti bħala munita transnazzjonali biex jirregola l-kummerċ u n-negozju fl-imperu kollu tiegħu. Il-munita darika kienet rikonoxxuta wkoll lil hinn mill-fruntieri tal-imperu, f'postijiet bħall-Ewropa Ċentrali Ċeltika u l-Lvant tal-Ewropa. Hemm żewġ tipi ta' muniti dariċi, il-munita darika tad-deheb u l-munita darika tal-fidda. Ir-re biss seta' jizzekka l-muniti dariċi tad-deheb. Il-ġenerali importanti u s-satrapi kienu jizzekkaw il-muniti dariċi tal-fidda, normalment għar-reklutaġġ ta' merċenarji Griegi fl-Anatolja. Il-munita darika kienet spinta kbira għall-kummerċ internazzjonali. L-oġġetti kkummerċjalizzati bħat-tessuti, it-twapet, l-għodod u l-oġġetti tal-metall bdew jivvjaġġaw madwar l-Asja, l-Ewropa u l-Afrika.

Il-munita darika tejbet ukoll id-dħul tal-gvern peress li l-introduzzjoni tal-munita darika għamlitha iktar faċli li jinġabru taxxi ġodda fuq l-art, il-bhejjem u s-swieq. Din wasslet għar-reġistrazzjoni tal-art li kienet titkejjel u mbagħad tiġi intaxxata. Iż-żieda fid-dħul tal-gvern għenet biex tinżamm u tittejjeb l-infrastruttura eżistenti u għenet biex jiġu ffinanzjati l-proġetti tal-irrigazzjoni fl-artijiet nexfin. Din is-sistema l-ġdida tat-taxxa wasslet ukoll għall-formazzjoni tas-sistema bankarja statali u għall-ħolqien ta' ditti bankarji. Waħda mill-iżjed ditti bankarji famużi kienet dik tal-Aħwa Subien Murashu, ibbażata fil-belt Babiloniża ta' Nippur. Dawn id-ditti bankarji kienu jipprovdu self u kreditu lill-klijenti tagħhom.

Bħala sforz biex ikompli jtejjeb il-kummerċ, Darius bena kanali, mogħdijiet tal-ilma taħt l-art u qawwa navali b'saħħitha. Skont Erodotu, it-teknoloġija tal-irrigazzjoni bil-qanat ġiet introdotta fl-Eġittu, u dan ġie appoġġat mill-istoriku Albert T. Olmstead. Huwa kompla jtejjeb u jwessa' n-network ta' toroq u l-istazzjonijiet tul ir-rotot kummerċjali fl-imperu kollu, biex b'hekk ikun hemm sistema ta' awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar għar-Re, għas-satrapi u għall-uffiċjali għoljin l-oħra, li kienet tintitola lill-vjaġġatur jieħu provvisti f'postijiet ta' waqfa ta' kuljum.

Darius il-Kbir bil-kuruna fl-Għolja ta' Behistun.

"Bil-grazzja ta' Ahuramazda jien ir-re; Ahuramazda tani r-renju". — Darius, fil-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun.

Filwaqt li ma hemm l-ebda konsensus ġenerali fost l-istudjużi dwar jekk Darius u l-predeċessuri tiegħu kinux influwenzati miż-Żoroastrijaniżmu, huwa stabbilit sew li Darius kien jemmen bis-sħiħ f'Ahura Mazda, li kien iqis bħala divinità suprema. Madankollu, id-divinità Ahura Mazda kienet meqjuma wkoll minn dawk li kienu jsegwu t-tradizzjoni reliġjuża Indo-Iranjana. Bħalma wieħed jista' jara fil-Kitba Mnaqqxa tal-Għolja ta' Behistun, Darius kien jemmen li d-divinità Ahura Mazda kienet ħatritu biex jirrenja fuq l-Imperu tal-Akemenidi.

Darius kellu twemmin filosofiku doppju u kien jemmen li kull ribelljoni fir-renju tiegħu kienet xogħol id-druj, l-għadu ta' Asha. Darius kien jemmen dan peress li kien iħares is-sewwa skont it-twemmin ta' Asha, u b'hekk id-divinità Ahura Mazda kienet tappoġġah. F'bosta kitbiet kunejformi li jelenkaw il-kisbiet tiegħu, huwa jippreżenta lilu nnifsu bħala devot, x'aktarx saħansitra konvint, li kellu d-dritt divin li jirrenja fuq id-dinja kollha. F'kitba minnhom huwa jikteb: "Ahura Mazda tiegħi, jien ta' Ahura Mazda".

Fl-artijiet li nħakmu mill-imperu tiegħu, Darius adotta l-istess tolleranza tal-Akemenidi li Ċiru kien wera u li wrew ir-rejiet Akemenidi ta' warajh. Huwa appoġġa reliġjonijiet u twemmin "aljeni" sakemm il-fidili tagħhom "jissottomettu taħt il-kmand tiegħu u jkunu paċifiċi", u xi kultant tahom għotjiet mit-teżor tiegħu għall-iskopijiet tagħhom. Huwa kien iffinanzja r-restawr tat-tempju Iżraelit li oriġinarjament kien ġie ordnat b'digriet minn Ċiru, appoġġa l-kulti Griegi kif wieħed jista' jara fl-ittra tiegħu lil Gadatas, u appoġġa lill-patijiet Elamiti. Huwa osserva wkoll riti reliġjużi Eġizzjani relatati mar-rejiet u bena t-tempju għall-alla Eġizzjan Amun.

Proġetti ta' kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Tpinġija ta' rikostruzzjoni tal-Palazz ta' Darius f'Susa.

Minn kmieni, Darius u l-konsulenti tiegħu kellhom l-idea li jistabbilixxu residenzi rjali ġodda f'Susa u f'Persepolis peress li Darius kien ħerqan li juri l-poter li kien għadu kemm stabbilixxa u jħalli warajh legat dejjiemi. Mill-ħakma ta' Ċiru, il-konfigurazzjoni urbana ta' Susa baqgħet kif kienet, bil-konfigurazzjoni ta' żmien l-Elamiti. L-evidenza arkeoloġika f'Susa turina li matul it-tmexxija ta' Darius biss beda jkun hemm sinjali ta' konfigurazzjoni ta' żmien l-Akemenidi.

Il-fdalijiet tal-Palazz ta' Tachara f'Persepolis.

Matul l-ispedizzjoni Griega ta' Darius, huwa beda proġetti ta' kostruzzjoni f'Susa, fl-Eġittu u f'Persepolis. Il-Kanal ta' Darius li kkollega n-Nil mal-Baħar l-Aħmar inbena minnu. Kien estiż minn Zagazig moderna fil-Lvant tad-Delta tan-Nil sa Wadi Tumilat, il-Lag ta' Timsah u l-Lag Morr il-Kbir, qrib il-Kanal ta' Suez modern. Sabiex jiftaħ dan il-kanal, huwa vvjaġġa lejn l-Eġittu fl-497 Q.K., fejn saret l-inawgurazzjoni b'ħafna briju u ċelebrazzjonijiet. Darius bena wkoll kanal biex jikkollega l-Baħar l-Aħmar u l-Mediterran.

Fiż-żjara tiegħu lejn l-Eġittu, Darius tella' monumenti u ordna li Aryandes jiġi ġustizzjat bl-akkuża ta' tradiment. Meta Darius reġa' lura lejn Persis, huwa sab li l-kodifikazzjoni tal-liġi Eġizzjana kienet intemmet. Darius tejjeb ir-Rotta Rjali, u biddilha f'network ta' toroq b'komunikazzjoni timxi ħarir, b'servizzi ta' soġġorn f'intervalli regolari.

Darius bħala l-Faragħun tal-Eġittu, fit-Tempju ta' Hibis.

Fl-Eġittu, Darius bena bosta tempji u rrestawra dawk li kienu nqerdu qabel. Minkejja li Darius kien jemmen fid-divinità Ahura Mazda, huwa bena tempji ddedikati lill-allat tar-reliġjon tal-Eġittu tal-Qedem. Instabu diversi tempji ddedikati lil Ptah u lil Nekhbet. Darius ħoloq ukoll diversi toroq u rotot fl-Eġittu. Il-monumenti mibnija minn Darius spiss kien ikollhom kitbiet imnaqqxin bil-lingwi uffiċjali tal-Imperu Persjan, bil-Persjan Antik, bl-Elamit u bil-Babiloniż, kif ukoll bil-ġeroglifiċi Eġizzjani. Huwa ordna wkoll il-ħolqien tal-kitba kunejformi bil-Persjan Antik.

Sabiex jibni dawn il-monumenti, Darius impjega għadd kbir ta' ħaddiema u ta' artiġjani ta' nazzjonalitajiet differenti. Bosta minn dawn il-ħaddiema ġew deportati u impjegati apposta għal dawn il-proġetti. Dawn id-deportati tejbu l-ekonomija tal-imperu u tejbu r-relazzjonijiet interkulturali. Fi żmien il-mewt ta' Darius, kien hemm proġetti ta' kostruzzjoni li kienu għadhom għaddejjin. Xerxes lesta dawn ix-xogħlijiet u f'xi każijiet kabbar il-proġetti ta' missieru billi bena binjiet ġodda tiegħu stess.

  1. "DĀḠESTĀN" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-28.
  2. Suny, Ronald Grigor (1994). The Making of the Georgian Nation. Indiana University Press. ISBN 978-0-253-20915-3.
  3. Durant, Will (1954). Our Oriental Heritage being a history of civilization in Egypt and the Near East to the death of Alexander, and in India, China and Japan from the beginnings to our own day. The Story of Civilization (Volume 1 ed.). New York: Simon and Schuster. ISBN 978-0-671-54800-1. p. 355.
  4. Pollard, Elizabeth (2015). Worlds Together, Worlds Apart concise edition vol.1. New York: W. W. Norton. p. 132. ISBN 978-0-393-25093-0.