Aqbeż għall-kontentut

Dar tal-Kimeri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-Dar tal-Kimeri.

Id-Dar tal-Kimeri (bl-Ukren: Будинок з химерами, Budynok z khymeramy) jew id-Dar ta' Horodetsky (imsemmija f'ġieħ Władysław Horodecki) hija binja tal-istil Art Nouveau li tinsab fil-kwartier storiku ta' Lypky fi Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. Il-binja tinsab faċċata tal-uffiċċju tal-President tal-Ukrajna f'10, Triq Bankova, u ntużat bħala residenza presidenzjali għal ċerimonji uffiċjali u diplomatiċi mill-2005. It-triq quddiem il-binja hija magħluqa għat-traffiku tal-karozzi kollha, u issa hija żona mgħassa għan-nies bil-mixi minħabba kemm hi qrib il-binja tal-amministrazzjoni presidenzjali.

L-arkitett Pollakk Władysław Horodecki oriġinarjament bena d-Dar tal-Kimeri biex tintuża bħala l-binja lussuża tiegħu stess bejn l-1901 u l-1902. Madankollu, maż-żmien Horodecki eventwalment kellu jbigħ il-binja minħabba għawġ finanzjarju, u mbagħad is-sjieda nbidlet bosta drabi qabel ma finalment ġiet okkupata minn klinika uffiċjali tal-Partit Komunista sal-bidu tas-seklu 21.[1] Wara li l-binja sfat battala, it-tiżjin tagħha minn ġewwa u minn barra ġie rikostruwit u rrestawrat għalkollox skont il-pjanta oriġinali ta' Horodecki.[2]

Isem il-binja ġej mit-tiżjin mirqum b'annimali eżotiċi u xeni tal-kaċċa, li ġew skolpiti mill-arkitett Taljan Emilio Sala, peress li Horodecki kien kaċċatur akkanit.[3] L-isem ma jirreferix għall-kimeri tal-mitoloġija, iżda għal stil arkitettoniku magħruf bħala tiżjin bil-kimeri fejn il-figuri ta' annimali jintużaw bħala elementi dekorattivi f'binja. L-istil arkitettoniku uniku ta' Horodecki qallgħu ħafna tifħir u ġie mlaqqam bħala l-Antoni Gaudí ta' Kiev.[4]

Kostruzzjoni u storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Dar tal-Kimeri ġiet iddisinjata mill-arkitett Pollakk Władysław Horodecki fl-1901–1902. Horodecki twieled fl-1863 f'familja nobbli Pollakka fir-reġjun ta' Podillia. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-Akkademja Imperjali tal-Arti f'San Pietruburgu, ir-Russja, fl-1890, huwa mar jgħix fi Kiev għal kważi 30 sena. Fi żmien il-kostruzzjoni tal-binja, Horodecki kien diġà stabbilixxa ruħu bħala arkitett prominenti fi Kiev, u kien iddisinja u bena bosta binjiet tal-belt, flimkien mal-ħabib u mal-inġinier sieħeb tiegħu Anton Strauss, bħall-Katidral Kattoliku Ruman ta' San Nikola, il-Karaite Kenesa u dak li llum huwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Ukrajna. Apparti l-arkitettura, Horodecki kien interessat ukoll fil-kaċċa tal-annimali l-kbar, u dan jispjega għaliex il-binja tiegħu fiha daqstant annimali.

Il-kostruzzjoni tal-binja fl-1902.

Horodecki ffinanzja l-kostruzzjoni tad-dar bi flus missellfa,[5] bil-ħsieb li tkun binja bl-appartamenti. Kull sular kien jifforma appartament wieħed, ikkollegat b'lift u bit-taraġ.[6] Horodecki stess kien joqgħod fir-raba' sular tal-binja, b'erja ta' madwar 380 m2 (4,100 pied kwadru).[7]

Horodecki xtara l-ewwel roqgħa art fl-1 ta' Frar 1901, u x-xogħol tal-kostruzzjoni beda fit-18 ta' Marzu ta' dik is-sena. Il-kostruzzjoni tal-ħitan ta' barra tlestiet sal-21 ta' Awwissu, u l-bejt u x-xogħol kollu bil-ġebel tlesta fit-13 ta' Settembru. Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi fi ħdan l-Imperu Russu, it-tlestija tal-binja ddewmet. F'Mejju 1903, appartament wieħed biss fl-iktar sular baxx u l-appartament stess ta' Horodecki ġew okkupati. Il-kost totali tal-art u tal-kostruzzjoni ammonta għal 133,000 rublu. B'kollox, 1,550 m2 (16,700 pied kwadru) ta' art intużat għall-kostruzzjoni tal-binja b'kost totali ta' 15,640 rublu. Il-profitt annwali pprojettat mill-kirjiet kien ta' 7,200 rublu. Stalla għall-baqar kienet tinsab fl-art tal-istabbiliment minħabba l-insistenza ta' Horodecki li jkun hemm provvista tal-ħalib frisk fil-post, għalkemm kienet tinsab speċifikament f'post apposta sabiex ir-riħa tal-baqar ma ddejjaqx lill-inkwilini. F'roqgħa biswit il-binja, inbnew ġnien alpin f'minjatura (bejn wieħed u ieħor ta' 320 m2 jew 3,400 pied kwadru) u funtana.

Stampa:Interior of House with Chimaeras.jpg
Kamra mgħammra minn ġewwa b'tiżjin elaborat.

Minħabba ġestjoni finanzjarja ħażina li kienet tinkludi l-passatemp tal-kaċċa tiegħu, f'Lulju 1912 Horodecki uża l-binja bħala garanzija għal self meħud mill-Assoċjazzjoni tal-Kreditu Mutwu ta' Kiev. Meta Horodecki ma onorax il-ħlas tas-self, il-binja ġiet irkantata fl-1913, u saret il-proprjetà tal-inġinier Daniel Balakhovsky, iben kummerċjant minn Kiev, li kien ukoll il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-fabbrika taz-zokkor ta' Blahodatinskoe, u aġent tal-konsolat Franċiż fi Kiev. Fl-1916 is-sjieda tad-dar kienet tal-fabbrika taz-zokkor ta' Blahodatinskoe. Fl-1918 is-sjieda tal-binja reġgħet inbidlet u sfat f'idejn Samuel Nemets. Fl-1921, wara li l-Bolxeviki kisbu l-kontroll ta' Kiev, bosta mid-dipartimenti tad-Distrett Militari ta' Kiev okkupaw id-Dar tal-Kimeri.[8]

Sjieda bejn l-1921 u l-2002

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-perjodu bl-irvelli wara r-Rivoluzzjoni Russa tal-1917, il-binja ġiet nazzjonalizzata u iktar 'il quddiem ġiet ikkonvertita għall-abitazzjoni komunali. Kull appartament ġie okkupat minn madwar disa' jew għaxar familji. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija (1941–1943) il-binja ġiet abbandunata. Minħabba li ġiet esposta għall-elementi matul il-gwerra, il-binja ġarrbet ħsarat sinifikanti fl-istruttura tagħha. Wara l-gwerra, il-binja ntużat għal ftit bħala residenza għall-atturi evakwati mit-Teatru ta' Ivan Franko; madankollu, il-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika Ukrena ħa s-sjieda tal-binja u iktar 'il quddiem ittrasformaha fil-klinika ewlenija għall-elit tiegħu. Il-binja baqgħet tintuża bħala klinika sal-aħħar tas-seklu 20. Matul dak iż-żmien, il-binja kważi nqasmet fi tnejn. Naħa minnhom sfrundat bi 22 cm (9 pulzieri), u fforma xaqq vertikali kbir, b'wisa' ta' madwar 40 cm (16-il pulzier). Uħud mid-dettalji arkitettoniċi tal-binja tmermru jew iffurmaw xi xquq fihom.

Ix-xogħol tar-restawr tal-binja kien skedat għall-2002, madankollu l-operaturi tal-klinika kaxkru saqajhom wara li kienu ilhom jokkupaw il-binja għal iktar minn 40 sena. Sabiex l-okkupanti tal-binja jkollhom jitilqu, il-ħaddiema għalqu t-twieqi kollha bl-injam u heddewhom li kienu se jagħmlu l-istess mal-bibien jekk l-okkupanti tal-klinika ma jitilqux mill-binja. L-involviment tal-President biss fil-kwistjoni wassal biex il-klinika titbattal għalkollox.

Rikostruzzjoni u użu uffiċjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-bnadar tal-Ukrajna u tal-Unjoni Ewropea quddiem il-binja waqt avveniment uffiċjali.

Matul iż-żmien tar-restawr li twettaq minn UkrNIIProektRestavratsiya u tmexxa minn Natalia Kosenko, il-ħaddiema żvelaw mill-ġdid is-sular kollu t'isfel, li kien imtela bir-radam matul iż-żminijiet Sovjetiċi biex jissaħħu l-pedamenti tal-binja. Ir-restawr tat-tiżjin elaborat fuq ġewwa kien jirrikjedi rikostruzzjoni sħiħa. Fil-bitħa interna, ir-restawraturi installaw lag artifiċjali, funtani u ġnien f'minjatura — li kollha kienu preżenti fil-pjanta oriġinali ta' Horodecki.

Il-binja nfetħet bħala fergħa msejħa "Kapulavuri tal-Arti Ukrena" tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti f'Novembru 2004. Kien mistenni li l-binja kienet se taqdi skop doppju bħala mużew u bħala l-post tal-lqugħ presidenzjali għall-viżitaturi statali. F'April 2005, il-Kunsill tal-Belt ta' Kiev ippreżenta abbozz ta' liġi b'total allokat ta' ₴104 miljun (bejn wieħed u ieħor US$20 miljun) lill-gvern Ukren għar-rikostruzzjoni u għar-restawr tad-Dar tal-Kimeri. Il-Kunsill ippermetta wkoll lill-gvern Ukren jibni pjazza ġdida (magħluqa għat-traffiku tal-karozzi kollha) quddiem il-binja sabiex tintuża fiċ-ċerimonji uffiċjali.

Minn Mejju 2005, il-binja ntużat bħala residenza presidenzjali uffiċjali u għaċ-ċerimonji uffiċjali u diplomatiċi. Id-Dar tal-Kimeri ntużat bħala post ta' lqugħ bejn il-President Ukren Viktor Yushchenko u l-Presiden Russu Vladimir Putin, meta dan tal-aħħar żar Kiev fit-22 ta' Diċembru 2006. Fil-binja hemm ukoll kmamar għan-negozjati, għat-taħditiet ras imb ras, għall-iffirmar tad-dokumenti uffiċjali, kif ukoll kamra speċjali għall-istampa.[9]

Dettall tal-istatwi arkitettoniċi tas-sirenetti, tal-anfibji u ta' ħlejqiet oħra ddisinjati minn Emilio Sala.

Il-binja ġiet iddisinjata bl-istil tal-Art Nouveau, li dak iż-żmien kien stil pjuttost ġdid u kien iħaddan id-disinni bi fluss u ġejjin għat-tond, li spiss jinkorporaw motivi ispirati mill-fjuri u minn pjanti oħra. Horodecki integra tali motivi fit-tiżjin fuq barra tal-binja fl-għamla ta' ħlejqiet mitoloġiċi u annimali kbar tal-kaċċa. Ix-xogħol tiegħu fuq id-Dar tal-Kimeri wasslu biex jitlaqqam bħala l-Gaudí ta' Kiev.

Minħabba x-xaqliba wieqfa li fuqha tinsab il-binja, din kellha tiġi ddisinjata mill-konkos sabiex toqgħod sew fil-pedamenti tagħha. Minn quddiem, il-binja tidher li għandha tliet sulari biss. Madankollu, minn wara, jidhru s-sitt sulari kollha. Parti mill-pedamenti tal-binja kienu magħmula minn pilastri tal-konkos u l-parti l-oħra kienu pedamenti kontinwi. Normalment, dawn iż-żewġ approċċi ma jmorrux tajjeb flimkien iżda Horodecki b'xi mod irnexxielu jegħleb din il-problema teknika.

L-iskultur Taljan Emilio Sala kien responsabbli għat-tiżjin bl-iskulturi minn ġewwa u minn barra, b'pereżempju sirenetti, dniefel u żrinġijiet fil-bejt tal-binja, vapuri jgħerqu u trofej tal-kaċċa mal-ħitan ta' barra, u tiżjin eżuberanti fuq ġewwa, pereżempju taraġ kbir u linef b'pixxigatt enormi fi ħdan iz-zkuk tal-fjuri tal-lotus. L-iskulturi fuq barra maħluqa minn Sala kienu magħmula mis-siment. Il-produzzjoni tas-siment saret mill-kumpanija "For", li Horodecki kien il-kodirettur tagħha. Is-siment intuża b'mod esklużiv bħala l-materjal primarju tal-binja fuq talba tad-direttur ewlieni tal-kumpanija, Richter. Fi żmien il-kostruzzjoni tal-binja, is-siment ma kienx popolari bħala materjal tal-bini, għaldaqstant l-użu tiegħu serva bħala riklam kemm għad-dar kif ukoll għall-materjal tal-bini.[10][11]

Il-pjanta oriġinali tal-appartament ta' Horodecki stess, li kienet tinsab fis-sitt sular; bidu tas-seklu 20.

Id-Dar tal-Kimeri ġiet iddisinjata b'tali mod li l-inkwilini tagħha jokkupaw is-sulari kollha. Kull sular kien fih il-kmamar kollha neċessarji bħal kċejjen privati u kmamar żgħar għall-istivar tal-oġġetti. Il-konfigurazzjoni miftuħa u l-kmamar addizzjonali preżenti fil-binja huma karatteristiċi tad-djar tal-għonja tal-bidu tas-seklu 20. B'kollox il-binja għandha erja ta' 3,309.5 m2 (35,623.16 pied kwadru).[12]

Fuq l-iżjed sular baxx tal-binja, li jinsab fil-fond tal-għolja, kien hemm żewġ stalel, żewġ kmamar għas-sewwieqa tal-karozzini, kamra tal-ħasil tal-ħwejjeġ kondiviża, u żewġ appartamenti separati. Kull wieħed miż-żewġ appartamenti kien jikkonsisti minn daħla, kċina, kamra tal-banju u kamra tal-istivar. L-ewwel wieħed minn dawn l-appartamenti kellu żewġ kmamar residenzjali, u t-tieni wieħed kellu tliet kmamar residenzjali. Kull sular fuq l-iktar sular baxx kien iddisinjat biex jospitaw appartament wieħed biss.

L-appartament fit-tieni sular kien jikkonsisti minn sitt kmamar residenzjali, apparti d-daħla, il-kċina, kamra tal-ikel, tliet kmamar tal-qaddejja, kamra tal-banju, żewġ tojlits, u żewġ kmamar tal-istivar. Fl-istess sular kien hemm erba' kantini. Il-kantini kienu tal-appartamenti tas-sulari ta' fuq. Fit-tielet sular, l-appartament kien jikkonsisti minn tmien kmamar residenzjali, daħla, kċina, kamra tal-ħasil tal-platti, żewġ kmamar għall-qaddejja, kamra tal-banju, u żewġ tojlits. Dan l-appartament kien jinsab kemxejn iktar 'l isfel mil-livell tat-Triq Bankova, mid-daħla ta' quddiem.

L-ikbar appartament, li kien ta' Horodecki, kien jikkonsisti minn studjo, kamra kbira u salott, kamra tal-pranzu, boudoir, kamra tas-sodda, kamra tat-tfal, kamra ta' persuna li kienet tieħu ħsieb l-appartament, kamra tal-mistednin, tliet kmamar għall-qaddejja, kċina, kamra tal-ħasil tal-platti, kamra tal-banju, żewġ tojlits, u żewġ kmamar tal-istivar. Fis-sular ta' fuq kien hemm appartament b'daqs u b'disinn simili għall-appartament ta' Horodecki. L-appartament tas-sular ta' fuq nett kellu kamra waħda inqas; biex jagħmel tajjeb għal dan l-arkitett iddisinja terrazzin ikkollegat li kien jipprovdi veduta panoramika tal-belt.

Il-ġonna biswit il-binja u l-binja presidenzjali fl-isfond.

Matul is-snin, in-natura mhux tas-soltu tad-Dar tal-Kimeri qanqlet għadd ta' ġrajjiet li minn żmiem għal żmien jiġu rripetuti fil-kotba ta' gwida jew fil-gazzetti, li madankollu mhumiex veritieri jew ma għandhom l-ebda sors verifikabbli.[13]

Skont l-ewwel leġġenda, bint Władysław Horodecki għamlet suwiċidju billi qabżet fix-xmara Dnieper jew minħabba xi relazzjoni ta' mħabba li sfaxxat jew minħabba diżgwid fil-familja. Minħabba dan, Horodecki ġġennen kemxejn u bena din id-dar kiebja f'ġieħ il-memorja ta' bintu.[14]

It-tieni leġġenda ssostni li Horodecki għamel imħatra ma' xi arkitetti oħra, inkluż l-arkitett Alexander Skobelev, li kien ipprova juri li kien impossibbli li tinbena dar fuq art simili, peress li s-sit (qrib it-Teatru ta' Ivan Franko) jinsab fuq art bassasa (Koz'ye boloto). Il-Kumitat tal-Kostruzzjoni ta' Kiev kien ipprojbixxa l-kostruzzjoni ta' kwalunkwe struttura fuq din ir-roqgħa partikolari, iżda eventwalment il-kostruzzjoni tal-binja saret u b'hekk Horodecki rebaħ l-imħatra.

Skont it-tielet leġġenda, Horodecki għamillha magħmul fl-1913 (minħabba li ma setax jerġa' jħallas lill-kredituri tiegħu); b'hekk l-inkwilini kollha tad-dar kienu se jkunu mdejqin jew se jiffaċċjaw xi tip ta' għawġ finanzjarju. Hemm għajdut li n-negozji kollha li krew parti mill-binja jew fallew, jew insterqulhom il-fondi jew sfaxxaw.

  1. ^ ""Вашъ Кіевъ" :: Старый Киев :: история Киева". web.archive.org. 2012-02-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-06. Miġbur 2025-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Ivanenko, Anna (2004). "Horodecki. Lord of Chimaeras". Mir Turizma (bir-Russu). 1–2. Kyiv. ISSN 1811-3583.
  3. ^ "Архітектор століття До 140-річчя з дня народження Владислава Владиславовича Городецького (1863-1930) - Вінницька ОУНБ ім.К.А.Тімірязєва". web.archive.org. 2007-09-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-09-28. Miġbur 2025-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "heed the krai". web.archive.org. 2007-11-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-11-09. Miġbur 2025-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Архив - Киевские Ведомости". web.archive.org. 2018-08-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-08-20. Miġbur 2025-05-22.
  6. ^ Malikenaite, Ruta (2003). Touring Kyiv (bl-Ukren). Baltija Dryk. ISBN 966-96041-3-3. p. 50.
  7. ^ Malakov, Dmytro (1999). Arkhitektor Horodetskyi (bl-Ukren). Kyiv: Kyi. ISBN 966-7161-30-7.
  8. ^ "Новости недвижимости: Охотник из Дома с химерами". web.archive.org. 2007-09-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-29. Miġbur 2025-05-22.
  9. ^ "Virtual tour - Official web-site of President of Ukraine". web.archive.org. 2008-04-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-25. Miġbur 2025-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "Photos of Kyiv". web.archive.org. 2005-03-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2005-03-10. Miġbur 2025-05-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Прогулянки Києвом. Будинок з химерами | Народна правда". web.archive.org. 2011-07-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-25. Miġbur 2025-05-22.
  12. ^ Zharikov, N. L. (1983–1986). "Residential house (Horodecki's), 1904". Monuments of urban development and architecture in the Ukrainian SSR (bir-Russu). Vol. 1–4. Kyiv: Budivel'nyk. LCCN 84179019. b. 38.
  13. ^ Savchuk, Galina (1996). The Streets of Kiev: Five Walks in the Centre. Kyiv: ArtEc Publishers. p. 95.
  14. ^ "House with Chimeras". www.kiev.info. Miġbur 2025-05-22.