Cueva de las Manos

Il-Cueva de las Manos (li bl-Ispanjol tfisser Għar tal-Idejn) huwa għar u kumpless ta' siti tal-arti fuq il-blat fil-Provinċja ta' Santa Cruz, l-Arġentina, 163 kilometru (101 mil) fin-Nofsinhar tar-raħal ta' Perito Moreno. L-għar ġie msejjaħ hekk minħabba l-mijiet ta' pitturi ta' kontorni tal-idejn fuq xulxin mal-ħitan tal-blat tal-għar. L-arti nħolqot f'diversi fażijiet bejn is-7,300 Q.K. u s-700 W.K., matul il-perjodu Arkajku tal-Amerka t'Isfel pre-Kolombjana. L-età tal-pitturi ġiet ikkalkulata mill-fdalijiet ta' pipi tal-għadam li kienu jintużaw għall-isprejjar taż-żebgħa mal-ħitan tal-għar biex tinħoloq l-arti, id-datazzjoni bir-radjokarbonju tal-arti, u d-datazzjoni stratigrafika.
Is-sit jitqies minn xi studjużi bħala l-aqwa evidenza materjali tal-gruppi bikrin ta' kaċċaturi-ġemmiegħa tal-Amerka t'Isfel. L-esploratur u l-arkeologu Arġentin Carlos J. Gradin u t-tim tiegħu wettqu l-iżjed riċerka importanti fis-sit fl-1964, meta bdew jagħmlu l-iskavi fis-siti matul studju ta' 30 sena tal-arti fil-Cueva de las Manos u fil-madwar. Is-sit huwa Monument Storiku Nazzjonali fl-Arġentina u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Cueva de las Manos tirreferi kemm għas-sit prinċipali tal-għar kif ukoll għall-kumpless ta' siti tal-arti fuq il-blat fil-madwar. L-għar jinsab fil-bażi ta' rdum imtarraġ fil-Kanjon tax-xmara Pinturas, fin-naħa ta' fuq tal-baċir tax-xmara Deseado, f'parti iżolata tal-Patagonja. Jinsab madwar 165 kilometru (103 mili) fin-Nofsinhar ta' Perito Moreno, raħal fil-Majjistral tal-Provinċja ta' Santa Cruz, l-Arġentina. Jagħmel parti kemm mill-Park Nazzjonali ta' Perito Moreno kif ukoll mill-Park Provinċjali ta' Cueva de las Manos.[2][3][4]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]
Fi żmien il-Paleoindjani, għall-ħabta tal-perjodi glaċjali tal-aħħar tal-Plejstoċen sal-bidu tal-Oloċen, iż-żoni bejn 400 u 500 metru (1,300 u 1,600 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar iffurmaw mikroklima fil-kanjon li ppromwoviet ekosistema ta' bur tal-ħaxix ospitabbli għal bosta annimali. Din l-ekosistema kienet tinkludi l-pjanta Schinus molle, li kienet tintuża biex jiġu ffurmati r-reżini u l-kolla u bħala sors ta' ħatab għan-nar. Kienet tospita wkoll ħxejjex li jittieklu u pjanti li setgħu jintużaw għall-mediċina; tuberi, bħall-għerq ta' ħaxix perenni; u bosta tipi ta' frott, bħal dak tal-pjanta Berberis.[5]
Il-klima attwali tal-inħawi tal-għar tista' tiġi deskritta bħala steppa ta' qabel il-katina muntanjuża (jew għoljiet bil-ħaxix ta' qabel il-katina muntanjuża). Il-klima hija waħda kiesħa u niexfa, b'umdità baxxa ħafna. Ian N. M. Wainwright u l-kollegi tiegħu jsostnu li fl-inħawi tinżel preċipitazzjoni annwali totali ta' inqas minn 20 millimetru (0.79 pulzieri) fis-sena, filwaqt li Gladys I. Galende u Rocío Vega jsostnu li tinżel medja ta' 200 millimetru (7.9 pulzieri) fis-sena. It-topografija tal-kanjon timblokka l-irjieħ qawwijin mill-Punent li huma komuni fir-reġjun, u b'hekk ix-xtiewi jkunu inqas qalila. It-temperatura medja tkun ta' 8 °C (46 °F), b'temperaturi għoljin estremi ta' madwar 38 °C (100 °F) u b'temperaturi baxxi estremi ta' madwar −10 °C (14 °F). L-iksaħ xahar ikun Lulju u l-iżjed xahar sħun ikun Frar, b'medja ta' −3 °C (27 °F) u 21 °C (70 °F), rispettivament.[6]
Aċċess
[immodifika | immodifika s-sors]
Fi żmien il-qedem, in-nies aċċessaw il-Kanjon tax-xmara Pinturas kif ukoll l-inħawi tal-għar permezz ta' rdumijiet fil-Lvant u fil-Punent, tipikament minn elevazzjonijiet ogħla ta' madwar 600 sa 700 metru (2,000 sa 2,300 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Attwalment, hemm tliet toroq biż-żrar li jwasslu sas-sit: rotta ta' 46 kilometru (29 mil) min-Nofsinhar, li tibda ħdejn Bajo Caracoles, u tnejn oħra iktar lejn it-Tramuntana, rotta ta' 28 kilometru (17-il mil) minn Ruta 40 (Rotta 40) u rotta ta' 22 kilometru (14-il mil) li tispiċċa b'mogħdija bil-mixi ta' 4 kilometri (2.5 mili).[7]
Meta s-sit kien okkupat, ix-xmajjar Pinturas u Deseado kienu jnixxu fl-Oċean Atlantiku u kienu jipprovdu l-ilma għall-merħliet ta' gwanako, għaldaqstant l-inħawi kienu attraenti għall-Paleoindjani. Hekk kif il-meded tas-silġ glaċjali bdew idubu, ix-xmara Baker bdiet tirċievi l-ilma mix-xmajjar bi fluss lejn il-Lvant. B'hekk it-tnaqqis li rriżulta fil-livelli tal-ilma tax-xmajjar Pinturas u Deseado wassal għal abbandun progressiv tas-sit tal-Cueva de las Manos.
Instabu ponot jaqtgħu, framment tal-bola, barraxa laterali, u fdalijiet ta' ħuġġiġiet biswit il-fdalijiet ta' gwanako, puma, volpijiet, għasafar, u annimali żgħar oħra. Il-gwanako kienu s-sors primarju tal-ikel tal-Paleoindjani; fost il-metodi tal-kaċċa kien hemm bolas, attakki għal għarrieda, u tbeżżigħ tal-annimali, fejn il-gwanako kienu jiġu mbeżżgħin u ddirezzjonati lejn l-irdumijiet u żoni kkonfinati oħra biex ikunu jistgħu jiġu kkaċċjati aħjar kollettivament. Din it-teknika hija rreġistrata fl-arti tal-għar, u turi kif it-topografija tal-inħawi influwenzat l-art u kif inħolqot. Jidhru wkoll persuni jisparaw u jwaddbu l-vleġeġ u l-lanez, għalkemm ma tant hemm evidenza arkeoloġika tal-użu ta' dawn it-tipi ta' armi fil-Patagonja.
L-ekonomija pre-Kolombjana tal-Patagonja kienet tiddependi fuq l-attività tal-kaċċaturi-ġemmiegħa. L-arkeologu Francisco Mena jistqarr: "[fl-]Adattamenti Nofsanija u Aħħarija tal-Oloċen fil-Patagonja ... la l-agrikoltura u lanqas ir-ragħa ma kienu għadhom tfaċċaw". L-esploratur u l-arkeologu Arġentin Carlos J. Gradin jirrimarka fil-kitbiet tiegħu li l-arti kollha ta' fuq il-blat fl-inħawi turi l-istil ta' ħajja ta' kaċċaturi-ġemmiegħa tal-artisti li ħallew warajhom din l-arti. Il-preżenza tal-ossidjana qrib l-għar — li mhuwiex naturali għar-reġjun — jimplika network wiesa' ta' kummerċ bejn il-popli tal-inħawi tal-għar u gruppi tribali mbiegħda.
Mill-ħabta tas-7,500 Q.K., is-sit, flimkien mas-sit ta' Cerro Casa de Piedra-7 qrib il-Lag ta' Burmeister, saru postijiet importanti tul ċirkwit nomadiku bejn il-Kanjon tax-xmara Pinturas u l-inħawi tal-madwar, il-parti tal-Punent tal-Promontorju Għoli Ċentrali, u l-isteppi u l-foresti tal-ekoreġjun li jmiss mal-isteppi u mal-foresti tal-ambjent muntanjuż u tal-lagi tal-Andes. Dawn ir-reġjuni kienu jeżistu f'diversi elevazzjonijiet. Ix-xejriet migratorji ta' dan iċ-ċirkwit kienu staġonali, skont l-abbundanza ta' ħxejjex f'kull reġjun u t-twelid ta' gwanako, li kieni jvarjaw abbażi tal-altitudni. Il-pil tal-frieħ tal-gwanako kienu mfittxija ħafna mill-popli nattivi, u b'hekk żdiedet l-importanza tax-xejriet tat-twelid tal-gwanako mqabbla mat-tempestività tal-migrazzjonijiet staġonali. L-aqwa żmien għall-frieħ tal-gwanako qrib il-Cueva de las Manos kien għall-ħabta ta' Novembru. Il-gruppi li kienu jgħixu fl-inħawi kienu jinkludu l-poplu Toldense, li kien jgħix fl-għerien sat-tielet jew sat-tieni millenju Q.K. Meta kienu jokkupaw l-inħawi, is-siti tal-kampijiet temporanji kienu jitħejjew madwar l-għar, fejn il-familji estiżi jew saħansitra gruppi kbar ta' nies kienu jinġemgħu. Bis-saħħa tal-gruppi li kienu jinġemgħu f'dawn is-siti tal-kampijiet, l-abitanti setgħu jorganizzaw il-kaċċa tal-gwanako fi gruppi.
L-iżjed arti bikrija fuq il-blat fis-sit inħolqot għall-ħabta tas-7,300 Q.K. Il-Cueva de las Manos huwa l-uniku sit fir-reġjun b'arti fuq il-blat ta' dan iż-żmien, u hija kkategorizzata bħala l-istili A1 u A2 tal-għar, iżda wara s-6,800 Q.K., inħolqot arti simili, b'mod partikolari x-xeni tal-kaċċa tal-istili A3, A4 u A5, f'siti oħra fir-reġjun. Is-sit ġie abitat l-aħħar għall-ħabta tas-700 W.K., u l-aħħar abitanti tal-għar x'aktarx kienu antenati tat-tribujiet Tehuelche.
Studju modern u protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patri missjunarju u esploratur Taljan Alberto Maria de Agostini kien l-ewwel wieħed li kiteb dwar is-sit fl-1941. Imbagħad ġie investigat minn spedizzjoni tal-Mużew ta' La Plata fl-1949. L-esploratur u l-arkeologu Arġentin Carlos Gradin u t-tim tiegħu bdew l-iżjed riċerka sostanzjali tas-sit fl-1964, u taw bidu għal studju ta' 30 sena tal-għerien u tal-arti ta' ġo fihom. Ix-xogħol ta' Gradin għen biex jiġu identifikati s-sekwenzi stilistiċi differenti tal-għar.
Il-Cueva de las Manos huwa Monument Storiku Nazzjonali fl-Arġentina u ġie stabbilit b'dan it-titlu fl-1993. Fl-1995, is-sit sar suġġett ewlieni fi studju dwar l-arti fuq il-blat fl-Arġentina li nbeda mill-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u tal-Ħsieb tal-Amerka Latina. Dan l-istudju wassal biex il-Cueva de las Manos titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999. Fl-2015, l-art tas-sit inxtrat minn proprjetà privata tal-organizzazzjoni ambjentali Rewilding Argentina. Fl-2018, is-sit ingħata l-park provinċjali tiegħu stess, u mill-2020 l-art tas-sit tiġi kkontrollat direttament mill-istat, wara li ngħatat b'donazzjoni minn Rewilding Argentina.

L-għar jinsab fil-ħitan tal-kanjon, li huma magħmulin mill-ignimbrit u minn blat vulkaniku ieħor fil-Katina Muntanjuża ta' Bahía Laura. Il-blat ifforma madwar 150 miljun sena ilu matul il-Ġurassiku bħala parti mill-Katina Muntanjuża akbar ta' Deseado. L-għar u l-irdumijiet tal-madwar tnaqqxu minn wiċċ il-blat permezz tal-erożjoni differenzjali, li huwa proċess li permezz tiegħu l-blat iktar dgħajjef jittiekel, u jibqgħu formazzjonijiet magħmula minn blat iktar b'saħħtu. Din l-erożjoni ġiet ikkawżata mix-xmara Pinturas, alimentata mid-dewbien tas-silġ glaċjali, li kiel il-Formazzjoni ta' Chon Aike u fforma l-Kanjon tax-xmara Pinturas. L-għar innifsu jinsab f'xaqq fil-wiċċ tal-blat li x-xmara kielet iktar mill-kumplament tal-ħajt tal-kanjon.
Is-sit huwa magħmul mill-għar innifsu, li huwa fond madwar 20 metru (66 pied), żewġ irdumijiet, u l-ħitan fuq kull naħa tad-daħla. Id-daħla tħares lejn il-Grigal u hija għolja madwar 15-il metru (50 pied) u wiesgħa 15-il metru (50 pied). Il-pitturi mal-ħitan tal-għar ikopru żona ta' madwar 60 metru b'200 metru (200 pied b'650 pied). L-għoli inizjali tal-għar huwa ta' 10 metri (33 pied). L-art ġewwa l-għar għandha pendil għat-telgħa; b'hekk, l-għoli tal-għar eventwalment jonqos għal mhux iktar minn 2 metri (6 piedi 7 pulzieri).
Arti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Cueva de las Manos ingħatat isimha għall-mijiet ta' pitturi tal-kontorni ta' idejn fuq xulxin f'diversi postijiet mal-ħitan tal-blat tal-għar. L-arti fil-Cueva de las Manos hija fost l-iżjed arti importanti fid-Dinja l-Ġdida, u bil-bosta l-iżjed arti fuq il-blat famuża fir-reġjun tal-Patagonja. L-arti tmur lura għall-ħabta ta' bejn is-7,300 Q.K. u s-700 W.K., matul il-perjodu Arkajku tal-Amerka t'Isfel pre-Kolombjana. L-istudjużi Ralph Crane u Lisa Fletcher isostnu li l-arti fuq il-blat fil-Cueva de las Manos tinkludi l-eqdem tpittir magħruf fuq il-blat fl-għerien fl-Amerka t'Isfel.
L-arti żżejjen l-għar minn ġewwa u l-uċuħ tal-irdumijiet tal-madwar. Tista' tinqasam skont is-suġġett fi tliet kategoriji bażiċi: nies, l-annimali li kienu jieklu, u l-idejn tal-bniedem. L-abitanti tas-sit kienu jikkaċċjaw il-gwanako għall-għajxien tagħhom, u din id-dipendenza hija riflessa fl-arti tagħhom permezz ta' xbihat qishom totemiċi tal-ħlejqiet.
Diversi mewġiet ta' nies okkupaw l-għar minn żmien għal żmien. L-età tal-pitturi tista' tiġi kkalkulata mill-fdalijiet ta' pipi tal-għadam li ntużaw għall-isprejjar taż-żebgħa mal-ħitan tal-għar biex jinħoloq il-kontorn tal-idejn artistiċi, mid-datazzjoni bir-radjokarbonju tal-arti stess, u mid-datazzjoni stratigrafika, inkluż minn biċċa mill-ħajt tal-blat bl-arti fuqha li kienet waqgħet b'kollox. L-analiżi kimika tal-pigmenti li ntużaw għall-ħolqien tat-tpittir, u l-analiżi tal-aspetti stilistiċi u tas-sovraimpożizzjoni (trikkib) tal-partijiet differenti tal-arti vverifikaw l-awtentiċità tal-arti. Skont l-istudjuża Irene Fanning u l-kollegi tagħha, din hija "l-aqwa evidenza materjali tal-gruppi bikrin ta' kaċċaturi-ġemmiegħa fl-Amerka t'Isfel".
Forom
[immodifika | immodifika s-sors]L-opri iktar bikrin fl-għar kienu iktar naturalistiċi — kien jagħtu ħarsa mill-qrib ta' kif is-suġġetti tal-arti kienu jidhru fil-ħajja reali. Maż-żmien, ix-xbihat saru dejjem iktar astratti u differenti fil-forma tagħhom meta mqabbla ma' kif is-suġġett tal-arti kien jidher normalment.
Hemm iktar minn 2,000 marka tal-idejn fl-għar u fil-madwar. Il-biċċa l-kbira tax-xbihat huma mpittrin bħala immaġnijiet negattivi jew bħala kontorni, flimkien ma' xi immaġnijiet pożittivi. Hemm 829 id xellugija u 31 id leminija, u dan jissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tal-artisti żammew il-pipi tal-għadam għall-isprejjar b'idhom il-leminija. Xi marki tal-idejn għandhom swaba' neqsin, li jaf huwa r-riżultat ta' nekrożi, amputazzjoni, jew deformità, iżda jaf jindika wkoll l-użu tal-lingwa tas-sinjali jew it-tgħawwiġ tas-swaba' b'xi tifsir mehmuż.
Il-fond ivarja tal-wiċċ tal-blat jaltera t-"tila" tal-arti, u l-profondità differenti minn min ikun qed jara l-arti taltera l-mod kif dan jarahom, abbażi tal-post minn fejn ikun qiegħed bilwieqfa. Hemm ammont kbir ta' sovraimpożizzjoni tal-marki tal-idejn f'żoni differenti, u xi żoni tant fihom marki tal-idejn li jiffurmaw sfond ta' saffi kkuluriti. Flimkien mal-mases sovraimposti ta' xbihat, hemm bosta idejn waħedhom impittrin hekk apposta.
Hemm ukoll xbihat ta' bnedmin, gwanako, rea, felini, ċriev tan-Nofsinhar tal-Andes u annimali oħra, kif ukoll għamliet ġeometriċi, għamliet żigużajg, rappreżentazzjonijiet tax-xemx, u xeni tal-kaċċa. Dawn tal-aħħar huma xbihat naturalistiċi ta' varjetà ta' tekniki tal-kaċċa, inkluż l-użu ta' bolas u ta' tbeżżigħ tal-annimali tal-kaċċa. Pitturi simili, għalkemm f'għadd iżgħar, jistgħu jinstabu f'għerien fil-qrib. Hemm ukoll tikek ħomor fuq is-soqfa, x'aktarx billi l-bolas tal-kaċċa ġew miblulin fil-linka u ntefgħu 'l fuq.
In-natura selvaġġa fl-arti għadha teżisti fl-inħawi sal-lum. L-iżjed prominenti fost l-annimali huma l-gwanako, li fuqhom in-nattivi kienu jiddependu għall-għajxien tagħhom. Hemm xeni ripetuti ta' gwanako ċċirkondati mill-kaċċaturi, u dan jissuġġerixxi li x'aktarx din kienet l-iżjed tattika tal-kaċċa ppreferuta.
Kuntest kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]
Ma tantx nafu wisq dwar il-kultura tal-artisti apparti l-għodod li użaw u x'kienu jikkaċċjaw. Ir-riċerka moderna tista' tispekula biss dwar il-kultura tagħhom u kif kienet il-ħajja fis-soċjetajiet li ħolqu l-arti. Madankollu, il-fatt li daqstant nies ikkontribwew għall-arti għal eluf ta' snin jissuġġerixxi li l-għar kellu importanza kbira għall-artisti li pittru l-arti mal-ħitan tiegħu. L-arti turi li n-nies ta' dawn l-inħawi kellhom element simboliku fil-kultura tagħhom.
Kien x'kien l-iskop tagħha, l-arti kellha rwol ewlieni fil-memorji soċjali kollettivi tal-popli li kienu jgħixu fl-inħawi, u l-gruppi bikrin x'aktarx li influwenzaw il-grupp ta' wara permezz ta' narrattiva tul diversi millenji. Aspetti importanti tal-kultura tal-kaċċaturi-ġemmiegħa joħorġu fid-dieher fit-temi tal-arti, bħaċ-ċikli riproduttivi tal-gwanako u l-kaċċa kollettiva. Is-sit kellu wkoll rabta soċjali u personali profonda mal-artisti, peress li l-istess gruppi kienu jirritornaw hemmhekk staġonalment u ħolqu l-arti fl-għar, li kien qisu xi tip ta' ritwal.
Skop
[immodifika | immodifika s-sors]Il-funzjoni eżatta jew l-iskop eżatt ta' din l-arti mhumiex magħrufa, għalkemm xi riċerka ssuġġeriet li jaf kellha skop reliġjuż jew ċerimonjali kif ukoll dekorattiv. Xi studjużi, bħal Merry Wiesner-Hanks, issuġġerew li l-marki tal-idejn huma indikattivi tax-xewqa tal-bniedem li jibqa' mfakkar, jew li jirreġistra li kien hemmhekk. Madankollu, Jean Clottes mar kontra din il-perspettiva, u sostna li "l-probabbiltà ta' mġiba simili hija virtwalment żero". Minflok, Clottes isostni li x-xamaniżmu preistoriku hija l-iżjed spjegazzjoni plawżibbli għall-iskop tal-arti, bħala parti minn "ċerimonji li qatt mhu se nkunu nafu xejn dwarhom", għalkemm huwa jirrikonoxxi li din l-ipoteżi ma tispjegax kollox, u li għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Ipoteżi oħra ssostni li l-arti serviet bħala markaturi tal-konfini bejn il-popli, sabiex tintwera t-territorjalità u tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-oħrajn billi jiffunzjonaw bħala siti ta' aggregazzjoni. Hemm ukoll ipoteżijiet li l-opri artistiċi kienu parti minn xi maġija tal-kaċċa, u Alan Thorne jissuġġerixxi li jaf inħolqu bħala parti minn sforzi biex jiġi influwenzat l-għadd ta' annimali disponibbli għall-kaċċa. Hu x'inhu l-każ, il-fatt li daqstant nies inġemgħu f'post wieħed biex jikkontribwixxu għall-arti fuq il-blat għal perjodu daqstant twil juri importanza kulturali kbira, jew mill-inqas utilità, għal dawk li pparteċipaw.
Materjali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-materjal tat-tgħaqqid li ntuża fl-arti mhux magħruf, iżda l-pigmenti minerali jinkludu l-ossidi tal-ħadid, li jipproduċu l-aħmar u l-vjola; il-kaolin, li jipproduċi l-abjad; in-natroġarożit, li jipproduċi l-isfar; l-ossidu tal-manganiż (il-pirolużit), li jipproduċi l-iswed; u l-ossidu tar-ram, li jipproduċi l-aħdar. L-ematit, il-goetit, il-ħamrija ħadra, il-kwarz u l-ożalat tal-kalċju ġew identifikati wkoll. Intuża wkoll il-ġipsum, li permezz tiegħu l-pigmenti setgħu jeħlu aħjar mal-uċuħ tal-blat.
Gruppi stilistiċi
[immodifika | immodifika s-sors]L-ispeċjalisti kkategorizzaw l-arti f'erba' gruppi stilistiċi, kif propost minn Carlos Gradin u adattat u mmodifikat minn oħrajn: A, B, B1 u Ċ, magħrufa wkoll bħala Río Pinturas I, II, III u IV, rispettivament. L-ewwel żewġ gruppi ġew parzjalment maħsuba biex jifferenzjaw ix-xbihat dinamiċi tal-grupp A tal-gwanako mix-xbihat statiċi tagħhom tal-grupp B.
Grupp stilistiku A
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-grupp stilistiku A (magħruf ukoll bħala Río Pinturas I) huwa l-arti tal-ewwel kaċċaturi-ġemmiegħa li għexu fl-inħawi. Huwa l-eqdem stil fl-għar u jmur lura għall-ħabta tas-7,300 Q.K. L-istil huwa wieħed naturalistiku u dinamiku, u jinkludi xeni dinamiċi u polikromatiċi tal-kaċċa flimkien ma' motivi negattivi tal-idejn tal-bniedem. Ix-xbihat jieħdu vantaġġ mill-irregolaritajiet fil-wiċċ tal-blat biex jiffurmaw parti mill-arti stess. Dan huwa tassew minnu fl-użu ta' dawn l-irregolaritajiet biex tiġi rrappreżentata t-topografija tal-ambjenti tax-xbihat, bħax-xbieha ta' rdumijiet. Il-kaċċaturi mpittrin fix-xeni x'aktarx li kienu kaċċaturi fuq distanza twila, u x-xeni spiss juru tattiki tal-kaċċa li permezz tagħhom il-gwanako kienu jiġu ċċirkondati.
Mill-2010, dan il-grupp stilistiku ġie maqsum mill-ġdid f'ħames sottostili jew serje differenti, ikkategorizzati skont il-kulur/materjal. Dawn is-serje huma kklassifikati bħala A1 (serje tal-okra), li primarjament tinkorpora l-okra u l-aħmar; A2 (serje tal-iswed), li hija primarjament tinkorpora l-iswed iżda fiha wkoll xi vjola skur; A3 (serje tal-aħmar), li primarjament tinkorpora l-aħmar; A4 (serje tal-vjola/aħmar skur), li primarjament tinkorpora l-vjola fl-aħmar u l-aħmar skur; u A5 (serje tal-abjad/isfar), li primarjament tinkorpora l-abjad iżda wkoll l-isfar/okra. Bħala xbihat fuq xulxin, l-A2 ġeneralment tkopri l-A1; l-A3 tkopri l-A1 u l-A2; l-A4 tkopri l-A3 u l-A2; u l-A5 hija ppożizzjonata fuq is-serje l-oħra kollha. Is-sottostili tal-grupp stilistiku A huma numerati kronoloġikament; jiġifieri, l-A1 hija l-eqdem u l-A5 hija l-iżjed reċenti.
Is-serje tal-iswed b'mod partikolari daħħlet diversi innovazzjonijiet artistiċi li ntużaw ukoll fl-istili artistiċi sussegwenti. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta' perspettivi mill-ajru u ġerarkiċi, li mbagħad ġew inkorporati fl-arti li ġiet wara. Introduċiet ukoll ilwien kuntrastanti, l-iktar l-iswed u l-vjola skur, li ntużaw biex issir distinzjoni bejn ir-rappreżentazzjonijiet separati, metodu li ntuża matul l-istorja kollha tal-arti fl-għerien. Bosta minn dawn l-influwenzi baqgħu jintużaw fl-istili tax-xeni tal-kaċċa saħansitra sal-5,400 Q.K.
Il-grupp stilistiku A ntemm matul l-iżbroff H1 tal-vulkan ta' Hudson, li seħħ għall-ħabta tal-4,770/4,675 Q.K. u wassal għall-abbandun tal-inħawi ta' Rio Pinturas. X'aktarx ħafna li dan l-iżbroff wassal għat-tmiem ta' dan il-grupp stilistiku.
Gruppi stilistiċi B u B1
[immodifika | immodifika s-sors]Grupp kulturali ġdid, li dam mill-ħabta tal-5,000 Q.K. sal-ħabta tal-1,300 Q.K., ħoloq l-arti ta' dawk li issa jitqiesu bħala l-gruppi stilistiċi B (Río Pinturas II) u B1 (Río Pinturas III). Gruppi statiċi u iżolati ta' gwanako b'żaqqhom kbira, possibbilment tqal, jieħdu post ix-xeni dinamiċi tal-kaċċa tal-grupp preċedenti. Dawn il-gwanako tqal u l-istil u r-rappreżentazzjoni tagħhom ġew introdotti għall-ewwel darba bħala parti mis-serje tal-iswed tal-grupp stilistiku A. Gruppi kbar ta' marki sovraimposti tal-idejn, madwar 2,000 b'kollox, b'bosta kuluri, huma assoċjati mal-grupp stilistiku B, l-istess bħal xi motivi iktar rari ta' marki tal-bnedmin u tal-annimali.
Fil-grupp B1, sottogrupp ta' B, il-forom isiru iktar u iktar skematiċi, u x-xbihat tal-annimali u tal-bnedmin isiru iktar stilizzati; il-grupp stilistiku jinkludi l-kontorni tal-idejn, marki bil-bolas u linji bit-tikek.
Grupp stilistiku Ċ
[immodifika | immodifika s-sors]Il-grupp stilistiku Ċ (Río Pinturas IV) beda għall-ħabta tas-700 W.K. u jimmarka l-aħħar fost is-sekwenzi stilistiċi fl-għar. Il-grupp jiffoka fuq xbihat ġeometriċi astratti, inkluż kontorni skematiċi ferm ta' xbihat ta' annimali kif ukoll ta' bnedmin, flimkien ma' ċrieki, xbihat żigużajg, tikek u iktar idejn sovraimposti fuq gruppi akbar ta' idejn. Il-kulur primarju f'dan il-grupp stilistiku huwa l-aħmar.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Cueva de las Manos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Importanza kulturali u konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Kull Frar ir-raħal fil-qrib ta' Moreno jospita ċelebrazzjoni f'ġieħ l-għerien imsejħa Festival Folkloristiku ta' Cueva de las Manos.
Bosta turisti jżuru l-għar, li huwa magħruf mad-dinja kollha. L-għadd ta' turisti li qed iżuru s-sit żdied b'erba' darbiet minn mindu tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Mill-2020, il-Cueva de las Manos jilqa' madwar 8,000 ruħ fis-sena. Dan ġab miegħu sfidi ġodda għall-preservazzjoni tas-sit. Attwalment, l-iżjed theddida sinifikanti huma l-graffiti, segwita minn forom oħra ta' vandaliżmu, pereżempju t-teħid ta' biċċiet ta' blat bit-tpittir mill-ħitan u l-mess tat-tpittir.
Minħabba f'hekk, is-sit ġie magħluq b'katina u ġiet installata mogħdija tal-injam biex jiġu kkontrollati l-movimenti tal-viżitaturi. Sabiex ikollhom aċċess għas-sit, il-viżitaturi jridu jiġu akkumpanjati minn gwida. Is-sit żied ukoll mogħdijiet bil-mixi, loġġa għall-gwidi, poġġamani u parkeġġ. Tim ta' professjonisti mill-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u tal-Ħsieb tal-Amerka Latina u mill-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka Xjentifika u Teknika wettqu superviżjoni tal-kostruzzjoni ta' dawn il-faċilitajiet. Programm ta' sensibilizzazzjoni ġie varat ukoll biex it-turisti u l-viżitaturi jiġu edukati dwar is-sit, inkluż gwidi lokali, u biex jiġi ffaċilitat involviment akbar mill-komunitajiet lokali. L-arti fuq il-blat tas-sit qed tiġi rreġistrata u ddokumentata f'filmat panoramiku ta' 360° biex titħejja esperjenza bir-realtà virtwali tas-sit.
Minkejja dawn il-miżuri, il-gvern provinċjali lokali, il-gvern tal-Arġentina u l-UNESCO ġew ikkritikati li ma għamlux biżżejjed biex jipproteġu s-sit. Il-gvern provinċjali b'mod partikolari ġie kkritikat li ma żammx mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u tal-Ħsieb tal-Amerka Latina, inkluż il-ħtieġa għal persunal addizzjonali u arkeologu permanenti fil-post.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Cueva de las Manos, Río Pinturas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
- ↑ "Se concretó la donación de tierras para el Parque Provincial Cueva de las Manos". Argentina.gob.ar (bl-Ispanjol). 2020-07-13. Miġbur 2025-08-18.
- ↑ Lundborg, Göran (2014). "Handprints from the Past". The Hand and the Brain. Springer. pp. 41–48. doi:10.1007/978-1-4471-5334-4_5. ISBN 978-1-4471-5333-7.
- ↑ Tang, Jin Bo (April 2015). "The Hand in Art: 'Hands' in the Artwork of Patagonia". The Journal of Hand Surgery. 40 (4): 806–808.
- ↑ Aschero, Carlos A.; Schneier, Patricia (13 April 2021). "The Black Series in the Hunting Scenes of Cueva De Las Manos, Río Pinturas, Patagonia, Argentina". In Davidson, Iain; Nowell, April (eds.). Making Scenes: Global Perspectives on Scenes in Rock Art. Berghahn Books. ISBN 978-1-78920-921-1. p. 311
- ↑ Galende, Gladys I.; Vega, Rocío (4 May 2021). "Summer diet selection of a rock specialist: the Wolffsohn's viscacha (Lagidium wolffsohni) in protected natural area of Pinturas River, Cueva de las Manos, Patagonia, Argentina". Studies on Neotropical Fauna and Environment. 56 (2): 135–145. Bibcode:2021SNFE...56..135G. doi:10.1080/01650521.2020.1763763. ISSN 0165-0521. S2CID 219738461.
- ↑ Albiston, Isabel; Brown, Cathy, Clark, Gregor, Egerton, Alex; Grosberg, Michael; Kaminski, Anna; McCarthy, Carolyn, Mutić, Anja; Skolnick, Adam (2018). Argentina. Lonely Planet. p. 443. ISBN 978-1-78657-066-6. OCLC 1038423144.