Aqbeż għall-kontentut

Crespi d'Adda

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Crespi d'Adda
 Italja
Amministrazzjoni
Stat sovranItalja
Region of ItalyLombardia
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Bergamo
Commune of ItalyCapriate San Gervasio (en) Translate
Kodiċi postali 24042
Ġeografija
Koordinati 45°35′48″N 9°32′10″E / 45.596666666667°N 9.5361111111111°E / 45.596666666667; 9.5361111111111Koordinati: 45°35′48″N 9°32′10″E / 45.596666666667°N 9.5361111111111°E / 45.596666666667; 9.5361111111111
Crespi d'Adda is located in Italy
Crespi d'Adda
Crespi d'Adda
Crespi d'Adda (Italy)
Superfiċjenti 0.64 kilometru kwadru
Għoli 180 m
Demografija
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1878
Kodiċi tat-telefon 02
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
crespidaddaunesco.org

Crespi d'Adda huwa raħal żgħir fit-Tramuntana tal-Italja u distrett (bit-Taljan: frazione) li jagħmel parti minn Capriate San Gervasio, muniċipalità fil-provinċja ta' Bergamo, fir-reġjun tal-Lombardia. Crespi d'Adda huwa insedjament storiku ta' inqas minn 500 ruħ[1] u eżempju straordinarju tal-"bliet jew irħula mibnija madwar kumpanija" fis-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20 fl-Ewropa u fl-Amerka ta' Fuq minn industrijalisti illuminati biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Is-sit għadu intatt u jintuża parzjalment għal skopijiet industrijali, għalkemm it-tibdil fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali issa qed jheddu l-għajxien tiegħu.[2] Fl-1995 Crespi d'Adda tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Fl-1869, Cristoforo Benigno Crespi, manifattur tat-tessuti minn Busto Arsizio (Varese), xtara wied ta' kilometru bejn ix-xmajjar ta' Brembo u Adda, fin-Nofsinhar ta' Capriate, bl-intenzjoni li jibni fabbrika tal-qoton max-xtut tax-xmara Adda.[4]

Cristoforo Crespi daħħal l-iżjed proċessi moderni tal-għażil, tal-insiġ u tat-tlestija fil-fabbrika tal-qoton tiegħu.[5] L-impjant tal-enerġija idroelettrika fi Trezzo, fuq ix-xmara Adda ftit kilometri 'l fuq, inbena għall-ħabta tal-1906 għall-manifattur Cristoforo Benigno Crespi.[6] L-insedjament li nbena fl-1878 madwar il-fabbrika tal-qoton kien żona residenzjali pprovduta bis-servizzi soċjali bħal klinika, skola, teatru, ċimiterju, għajn tal-ħasil u knisja.[7][8]

Kemm ir-raħal kif ukoll il-fabbrika kien imdawwla bis-saħħa tad-dawl elettriku.[9] Ir-raħal ta' Crespi d'Adda kien l-ewwel raħal fl-Italja li kellu sistema pubblika moderna ta' tidwil. Id-djar tal-ħaddiema, ispirati mill-Ingilterra, inbnew waħda ħdejn l-oħra f'ringieli, f'toroq paralleli lejn il-Lvant tal-fabbrika.[5] Triq bis-siġar maż-żewġ naħat tissepara ż-żona tal-produzzjoni mid-djar, skont pjanta ta' toroq dritti u orizzontali f'għamla ta' chess board.[10] L-arkitettura kollha u l-ippjanar tar-raħal kollu (għajr l-ewwel dipartiment tal-għażil, maħluq mill-inġinier Angelo Colla), ħa ħsiebhom l-arkitett Ernesto Pirovano. Għal madwar ħamsin sena, Pirovano, megħjun mill-inġinier Pietro Brunati, ħa ħsieb il-kostruzzjoni tar-raħal.[7] Huwa kien bena wkoll minjaturi jew mudelli ta' kostruzzjonijiet qishom ġugarelli biex l-abitanti jiġu edukati u murija xejriet ġodda fil-ħsieb soċjali kif ukoll l-avvanzi xjentifiċi li kienu saru.

Fl-1889, iben Cristoforo, Silvio Benigno Crespi, beda jaħdem fil-fabbrika bħala direttur, wara li kien qatta' xi żmien f'Oldham, l-Ingilterra.[7] Huwa tbiegħed mill-għajxien f'blokka kbira okkupata minn ħafna nies u minflok kien favur għajxien fejn kull familja jkollha dar għaliha, bil-ġnien tagħha, għaliex fil-fehma tiegħu dan mhux biss kien joħloq armonija iżda kien ukoll xorta ta' difiża kontra l-kunflitti industrijali. Huwa rnexxielu jwettaq din il-politika fl-1892 u fis-snin ta' wara, u fil-fatt ma kien hemm l-ebda strajk jew forma oħra ta' diżordni soċjali fil-ħamsin sena taħt il-ġestjoni ta' Crespi.[4]

Il-Kastell ta' Crespi d'Adda

Il-kriżi tad-Dipressjoni l-Kbira tal-1929 u l-politika fiskali Faxxista ħarxa wasslu biex il-familja Crespi tiġi daharha mal-ħajt u kienet obbligata tbigħ ir-raħal kollu lil STI, impriża tat-tessuti Taljana, li ttrasferit ir-raħal lill-kumpanija Rossarl e Varzi fl-1970. Ir-raħal imbagħad għadda f'idejn il-kumpanija Legler, li bigħet il-biċċa l-kbira tad-djar. Ir-raħal fl-aħħar mill-aħħar għadda f'idejn il-grupp industrijali Polli, li kien jimpjega xi 600 ruħ, meta mqabbel mat-3,200 ruħ li kienu impjegati fis-snin meta l-attività industrijali kienet fl-eqqel tagħha.[4]

Illum il-ġurnata, ir-raħal huwa abitat minn komunità li fil-biċċa l-kbira tagħha jiġu mill-ħaddiema oriġinali. Il-fabbrika ma baqgħetx topera mill-2004 'il quddiem. Il-qasam tal-attività tagħha dejjem baqgħet il-produzzjoni tat-tessuti tal-qoton tul il-ħajja kollha tal-fabbrika.

F'Ottubru 2013 ġie mħabbar li Antonio Percassi kien se jixtri l-fabbrika ta' Crespi d'Adda sabiex jikkonvertiha fis-sede tal-grupp tan-negozju ta' Percassi kif ukoll fis-sede tal-Fondazzjoni l-ġdida tal-familja ta' Antonio Percassi.[11]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fabbrika tal-qoton

Crespi d'Adda ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

Ir-raħal jinsab fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Adda, qrib il-fruntieri provinċjali ta' Bergamo u Milan, fin-Nofsinhar ta' Capriate San Gervasio. Insedjament oħra fil-qrib huma Trezzo sull'Adda, Brembate, Vaprio d'Adda u Canonica d'Adda.[12] Crespi d'Adda jinsab 19-il kilometru 'l bogħod minn Bergamo u l-ajruport Orio al Serio, 30 kilometru 'l bogħod minn Monza u 47 kilometru 'l bogħod minn Milan. L-eqreb ħruġ tal-awtostrada, "Capriate", jinsab xi żewġ kilometri fit-Tramuntana u huwa parti mill-awtostrada A4 Torino-Trieste.

Monumenti u attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Arkitettura Reliġjuża

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' Crespi d'Adda

Il-knisja parrokkjali nbniet mill-1891 taħt id-direzzjoni tal-inġinier Pietro Brunati u nfetħet f'Novembru 1893 bl-inawgurazzjoni mill-isqof Gaetano Camillo Guindani.[13] Il-knisja hija rikostruzzjoni tas-santwarju Marjan f'Busto Arsizio. Dik il-knisja ġiet iddedikata lil Santa Marija tal-Għajnuna u tmur lura għall-1517. Id-disinjatur mhuwiex magħruf, iżda arkitetti u skulturi importanti, bħal Lonati u Tommaso Rodari, ħadmu fuqha.[13] Din il-knisja tirrappreżenta r-rabta ideali bejn raħal twelid il-familja Crespi, Busto Arsizio, u r-raħal ta' Crespi d'Adda, li kien jirrappreżenta l-aqwa espressjoni tas-settur industrijali tat-tessuti.[14]

Il-knisja parrokkjali ta' Crespi d'Adda għandha pjanta kwadra b'bażi magħmula mill-materjal tax-xatt tax-xmara Adda. Għandha koppla ottagonali kbira mdawra esternament b'loġġa tal-irħam abjad.[14] Fuq ġewwa hemm bosta affreski u pitturi fuq tiela kkummissjonati minn Cristoforo Crespi.[13]

Sa llum il-ġurnata, il-knisja għadha tintuża mill-popolazzjoni lokali għal ċerimonji reliġjużi ordinarji.

Iċ-ċimiterju

Ix-xogħlijiet għall-kostruzzjoni taċ-ċimiterju bdew fl-1905, ikkummissjonati minn Cristoforo Crespi, u ċ-ċimiterju tlesta f'Novembru 1908. Iċ-ċimiterju huwa kostruzzjoni monumentali bil-mawżolew tal-familja Crespi fil-qalba tiegħu. Fil-mawżolew hemm l-oqbra tal-membri tal-familja Crespi.[13]

Il-kastell ta' Crespi d'Adda nbena bejn l-1893 u l-1894. Il-kastell kien il-villa tal-familja Crespi u l-istil tiegħu huwa tipiku tal-arkitettura Medjevali tas-seklu XII. L-arkitett tiegħu kien Ernesto Pirovano.[15] Il-villa kienet ir-residenza tas-sajf tal-familja Crespi.[15]

Fl-aħħar tal-1960, il-muniċipalità ta' Capriate San Gervasio kisbet is-sjieda tal-binja. Mill-1968 sal-1981, il-binja ntużat bħala l-iskola sekondarja tar-raħal u wara ntużat bħala istitut professjonali. Fl-1977, il-binja nbigħet lil xi xerrejja privati. Dawn l-użi differenti kollha implikaw xi bidliet importanti fl-istruttura arkitettonika u fl-istili dekorattivi tal-kastell.[15]

Illum il-ġurnata, il-binja ġiet iddikjarata proprjetà immobbli ta' interess storiku.[15]

Fabbrika u djar

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-djar residenzjali li qabel kien tal-ħaddiema ta' Crespi d'Adda

Il-fabbrika bdiet l-attività tagħha f'Lulju 1878 u l-produzzjoni tagħha kienet iddedikata għalkollox għall-ipproċessar tal-qoton u għall-produzzjoni tat-tessuti.[15] B'Silvio Crespi l-fabbrika ġiet imkabbra, bis-saħħa tal-proġett ta' Pietro Brunati, u kien hemm inawgurazzjoni ġdida fl-1894 fil-preżenza tar-Reġina Margerita. Il-linji produttivi l-ġodda bdew jaħdmu sistematikament fl-1896. Din il-fabbrika kienet iċ-ċentru tar-raħal u l-abitanti kollha kienu jaħdmu fiha. Il-fabbrika kienet il-qalb tħabbat tar-raħal u l-għajxien tal-ħaddiema kien jiddependi fuq il-produzzjoni tal-fabbrika. Kull persuna fir-raħal kellha d-dar tagħha u d-djar kienu kollha l-istess, għajr dawk tal-maniġers, tat-tabib, u tal-qassis li kellhom djar iktar lussużi. Inizjalment, fil-proġett ta' Cristoforo Crespi, ma kienx hemm l-idea ta' ġerarkija, iżda s-sitwazzjoni żviluppat minħabba li l-ambjent soċjali ta' dak iż-żmien inbidel u kien hemm livelli differenti ta' ġid.[15] Matul l-istorja tagħha, il-fabbrika sarulha diversi bidliet strutturali sabiex tiġi aġġustata għall-bidliet fil-produzzjoni industrijali u fil-manifattura tat-tessuti.[15]

Fl-1973, Legler, kumpanija tat-tessuti, xtrat il-fabbrika u baqgħet topera sal-2003, meta l-fabbrika kellha tingħalaq minħabba falliment.[16]

Illum il-ġurnata, il-fabbrika hija mużew fil-beraħ tal-arkeoloġija industrijali.[17]

  1. ^ "La frazione di Casalsottano nel comune di San Mauro Cilento (SA) Campania". italia.indettaglio.it. Miġbur 2022-03-06.
  2. ^ "UNESCO reference 730" (PDF).
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Crespi d'Adda". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-06.
  4. ^ a b ċ "Crespi" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-30. Miġbur 2022-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ a b "Moving to www.villaggiocrespi.it ..." web.archive.org. 2008-11-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-11-05. Miġbur 2022-03-06.
  6. ^ "www.laviadellenergia.it - Territory - Territorial Policies - Taccani Hydroelectric Power Station, Trezzo d'Adda, Milano". web.archive.org. 2008-10-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-05. Miġbur 2022-03-06.
  7. ^ a b ċ "Villaggio CRESPI D'ADDA - Informazioni e Visite Guidate". VILLAGGIO CRESPI D'ADDA (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-06.
  8. ^ "Crespi d'Adda - World Heritage Site - Pictures, Info and Travel Reports". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2022-03-06.
  9. ^ "Villaggio CRESPI D'ADDA - Informazioni e Visite Guidate". VILLAGGIO CRESPI D'ADDA (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-06.
  10. ^ "Pjanta tat-toroq" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-30. Miġbur 2022-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "The Founder". web.archive.org. 2013-12-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-21. Miġbur 2022-03-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Way: ‪Crespi d'Adda‬ (‪409048659‬)". OpenStreetMap (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-06.
  13. ^ a b ċ d Cortesi, Luigi. Crespi d'Adda, villaggio ideale del lavoro. Grafica Monti s.n.c- Bergamo. pp. 106–109.
  14. ^ a b "Chiesa" (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-06.
  15. ^ a b ċ d e f ġ Cortesi, Luigi. Crespi d'Adda, villaggio ideale del lavoro. Grafica Monti s.n.c.- Bergamo. pp. 88–94.
  16. ^ "Legler, dopo 125 anni chiude Crespi". www.ecodibergamo.it (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-06.
  17. ^ "Museo - Sito ufficiale del villaggio operaio di Crespi D'Adda, patrimonio dell'Umanità UNESCO". visitcrespi.it. Miġbur 2022-03-06.