Choeung Ek
Choeung Ek (bil-Khmer: ជើងឯក, b'ittri Rumani: Cheung Êk; pronunzja: [cəːŋ ʔaek]) hija eks għalqa tas-siġar tal-frott f'Dangkao, Phnom Penh, il-belt kapitali tal-Kambodja, li ntużat bħala għalqa tal-qtil bejn l-1975 u l-1979 mill-Khmer Rouge meta wettqu l-ġenoċidju tal-Kambodja. Tinsab madwar 17-il kilometru (11-il mil) fin-Nofsinhar taċ-ċentru tal-belt, u kienet mehmuża maċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Tuol Sleng. Il-katavri ta' 8,895 vittma tneħħew mis-sit wara l-waqgħa tal-Khmer Rouge. Dawn kienu ġew ġustizzjati hemmhekk —tipikament bi bqaqen biex ma jinħlewx balal — qabel ma ndifnu f'oqbra tal-massa.
Hija l-iżjed waħda magħrufa mill-madwar 300 għalqa tal-qtil, fejn ir-reġim tal-Khmer Rouge b'mod kollettiv qatel iktar minn miljun ruħ bħala parti mill-ġenoċidju tal-Kambodja bejn l-1975 u l-1979.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
F'Choeung Ek ġew skoperti oqbra tal-massa bi 8,895 katavru wara l-waqgħa tar-reġim tal-Khmer Rouge. Bosta mill-mejtin kienu eks priġunieri politiċi li l-Khmer Rouge kienu żammew fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Tuol Sleng u f'ċentri oħra tad-detenzjoni tal-Kambodja.
Illum il-ġurnata, Choeung Ek huwa post ta' mafkar, immarkat bi stupa Buddista. L-istupa għandha ġnub tal-ħġieġ akriliku u hija mimlija b'iktar minn 5,000 kranju ta' bniedem. Xi saffi tan-naħa t'isfel jinfetħu binhar biex il-kranji jkunu viżibbli direttament. Ħafna minnhom ġew mifqugħin jew imkissrin.
It-turisti huma mħeġġa jżuru Choeung Ek mill-gvern tal-Kambodja. Apparti l-istupa, hemm il-fosos fejn instabu l-katavri, u għad hemm għadam uman fis-sit.
Fit-3 ta' Mejju 2005, il-Muniċipalità ta' Phnom Penh ħabbret li kienet daħlet fi ftehim ta' 30 sena ma' JC Royal Co. biex jiġi żviluppat mafkar f'Choeung Ek. Bħala parti mill-ftehim, il-fdalijiet umani li għadhom preżenti fl-għalqa kellhom jitħallew fejn huma.[2]
Fl-2025, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3][4]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Siti ta' Mafkar tal-Kambodja: Minn ċentri ta' repressjoni għal postijiet ta' paċi u ta' riflessjoni huwa t-titlu uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li ġie ddeżinjat fl-2025.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-film The Killing Fields (L-Għelieqi tal-Qtil) hija rappreżentazzjoni drammatizzata tal-avvenimenti bħal dawk li seħħew f'Choeung Ek.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Counting Hell: The Death Toll of the Khmer Rouge Regime in Cambodia". www.mekong.net. Miġbur 2025-07-23.
- ↑ "The Revenue Fields - TIME". www.time.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-25. Miġbur 2025-07-23.
- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Cambodian Memorial Sites: From centres of repression to places of peace and reflection". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-23.
- ↑ "Cambodian sites of Khmer Rouge brutality added to UNESCO heritage list". AP News (bl-Ingliż). 2025-07-12. Miġbur 2025-07-23.