Bruno Pizzul
| Bruno Pizzul | |
|---|---|
|
| |
| Ħajja | |
| Twelid | Udine, 8 Marzu 1938 |
| Nazzjonalità | Italja |
| L-ewwel lingwa | Taljan |
| Mewt |
Gorizia (mul) |
| Edukazzjoni | |
| Lingwi |
Taljan Frijuljan |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
plejer tal-futbol ġurnalist |
| Mudell:Infobox biography/sport/football | |
| Pożizzjoni jew speċjalità | midfilder |
| Tul | 198 cm |
Bruno Pizzul (twieled f'Udine fit-8 ta' Marzu 1938 – miet f'Gorizia fil-5 ta' Marzu 2025) kien ġurnalist, kummentatur sportiv u plejer tal-futbol Taljan, li kien jilgħab bħala difensur. Kien l-ewwel kummentatur tar-Rai fix-xandiriet tal-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Italja mill-1986 sal-2002.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Perjodu bikri u tentattiv ta' karriera bħala plejer tal-futbol
[immodifika | immodifika s-sors]Pizzul beda jilgħab il-futbol ma' tim parrokkjali ta' Cormons imsejjaħ Cormonese,[1][2] u wara beda jilgħab mal-Pro Gorizia. Bruno Pizzul kien jalterna l-istudju mal-attività sportiva. Sar plejer tal-futbol professjonali u kien jilgħab bħala difensur ċentrali mal-Catania fl-1958. Lagħab anke mal-Ischia[3][4] u mal-Udinese,[5] iżda l-karriera sportiva tiegħu ntemmet ħesrem minħabba li weġġa' rkopptu serjament.
Lawrja u karriera ta' kummentatur tal-futbol
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li temm l-iskola sekondarja fil-Liċeo "XXV Aprile", huwa ggradwa fil-ġurisprudenza u wara għallem il-letteratura fl-iskejjel sekondarji ta' San Lorenzo Isontino. Fl-1969 ġie impjegat mir-Rai wara li ħa sehem fil-kompetizzjoni nazzjonali għall-kummentatur tar-radju, li kienet miftuħa għaż-żgħażagħ iggradwati kollha tal-Friuli-Venezia Giulia.[6] Fit-8 ta' April 1970 ikkummenta l-ewwel logħba tiegħu (Juventus-Bologna, play-off tal-Coppa Italia li kienet intlagħbet fil-grawnd newtrali ta' Como). Bruno Pizzul kien wasal kwarta tard għal dik il-logħba: fil-fatt beda jikkummenta dik il-logħba mis-16-il minuta; b'xorti tajba ma kinitx imxandra f'ħin reali u b'hekk wara seta' jdaħħal il-kummentarju fir-reġistrazzjoni tal-logħba.[7] L-ewwel finali ta' kompetizzjoni internazzjonali li kkummenta kienet dik tal-Kampjonat Ewropew tal-1972 f'Brussell, il-Belġju, bir-rebħa ta' 3-0 tal-Ġermanja tal-Punent kontra l-Unjoni Sovjetika.
L-ewwel rebħa ta' tim tal-futbol Taljan ikkummentata minnu f'ħin reali lit-telespettaturi kienet fil-finali tat-Tazza Ewropea, meta l-Milan rebħu kontra l-Leeds United FC f'Tessaloniki, fis-16 ta' Mejju 1973, filwaqt li l-finali tal-istess kompetizzjoni tal-1999 bejn il-Lazio u l-Mallorca fil-Villa Park ta' Birmingham u dik tat-Tazza UEFA tal-istess sena bejn il-Parma u l-Olympique Marseille li ntlagħbet fil-grawnd ta' Lužniki f'Moska, kienu l-aħħar rebħiet ta' timijiet Taljani fil-kompetizzjonijiet Ewropej li ġew ikkummentati minnu. Fid-29 ta' Mejju 1985 huwa kien il-kummentatur televiżiv tal-finali tat-Tazza taċ-Ċampjins li baqgħet magħrufa għat-traġedja tal-grawnd ta' Heysel, il-Belġju.
Għat-televiżjoni statali huwa kkummenta l-logħbiet ewlenin tal-klabbs tal-futbol fil-kompetizzjonijiet Ewropej u nazzjonali. Barra minn hekk, huwa kien preżentatur tal-programm televiżiv ta' nhar ta' Ħadd Domenica Sportiva fil-verżjoni tas-sajf tal-1975 u fl-istaġun tal-1993-1994, flimkien ma' Simona Ventura u Amedeo Goria; kien ukoll preżentatur tal-programm sportiv Sport Sera, Domenica Sprint mill-1976 sal-1990 u kuratur tal-ispazju ddedikat għall-moviola (ir-replays tal-mumenti importanti tal-logħbiet) fil-programm sportiv 90º minuto, li dak iż-żmien kien ippreżentat minn Fabrizio Maffei, mill-1990 sal-1992. Mit-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-1986 beda jikkumenta wkoll il-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan, anke minħabba li l-predeċessur tiegħu Nando Martellini ħassu ħażin minħabba l-altitudni.[8]
Bruno Pizzul kien diġà kkummenta xi logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan immexxi mill-kowċ Enzo Bearzot: il-logħba mhux uffiċjali bejn l-Italja u t-tim nazzjonali B tal-Ungerija, li ntlagħbet f'Como fl-1 ta' Ġunju 1980 u li ntrebħet 4-1 mit-Taljani, il-finali għat-tielet post fil-Kampjonat Ewropew tal-1980 bejn l-Italja u ċ-Ċekoslovakkja, li ntlagħbet f'Napli u li ntrebħet miċ-Ċekoslovakkja 10-9 bil-penalties, il-logħba bejn il-Lussemburgu u l-Italja li ntemmet 0-2 fil-11 ta' Ottubru 1980, il-logħba tal-ftuħ tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-1982 fi Spanja (fejn Pizzul fl-aħħar minuta ħa post Nando Martellini li kien ma jiflaħ bl-influwenza), il-logħba ta' ħbiberija b'risq il-vittmi tat-terremot ta' Irpinia bejn l-Italja u l-Bqija tal-Ewropa, li saret f'Ruma fil-25 ta' Frar 1981 u li ntrebħet 0-3 mit-tim kontinentali, u l-logħba ta' ħbiberija bejn l-Italja u l-Ingilterra li ntrebħet 2-1 mill-Italja, li ntlagħbet fil-Belt tal-Messiku fis-6 ta' Ġunju 1985.
Bruno Pizzul baqa' jaħdem bħala kummentatur sportiv tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan sal-21 ta' Awwissu 2002 (Italja-Slovenja 0-1), wara li għamilha ta' kummentatur televiżiv tat-tim nazzjonali Taljan f'ħames Tazzi tad-Dinja, erba' Kampjonati Ewropej, il-logħbiet kollha tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja u għall-Kampjonat Ewropew, ħlief il-finali għat-tielet u r-raba' post tat-Tazza tad-Dinja tal-1990 li saret fl-Italja (li ġiet ikkumentata minn Giorgio Martino, minħabba li Pizzul l-għada kellu jikkummenta l-finali fil-grawnd tal-Olimpico f'Ruma), il-logħbiet imxandra b'esklużiva mit-TMC u mill-Mediaset u xi logħbiet ta' ħbiberija. L-aħħar logħba tal-Italja li kkummenta, li kien ukoll l-aħħar jum li ħadem mar-Rai, kienet il-logħba ta' ħbiberija li ntlagħbet f'Trieste u li ntrebħet 1-0 mis-Slovenja.[9]
Fil-31 ta' Diċembru 1999 kien fost il-preżentaturi fuq Rai 1 fil-programm televiżiv Millennium, li kien avveniment tal-aħħar tas-sena biex tiġi ċċelebrata l-wasla tal-millenju l-ġdid, li baqa' jixxandar matul il-lejl kollu tal-1 ta' Jannar 2000.[10]
Mill-1993 sal-2002 u fl-2014 ħa sehem (bl-eċċezzjoni biss tal-1996, meta inzerta kien hemm ukoll il-logħba tal-ftuħ tal-Kampjonat Ewropew fl-Ingilterra), bħala kummentatur tekniku, fil-logħba għall-ġbir ta' fondi organizzata kull sena mit-tim nazzjonali tal-kantanti Taljani. Fl-istaġun tal-2003-2004, flimkien ma' Luigi Colombo, Pizzul kien wieħed mill-kummentaturi ewlenin tal-logħbiet tas-Serie A mxandra minn Gioco Calcio, il-pjattaforma televiżiva mixtieqa mil-Lega Calcio biex tikkuntrasta l-monopolju ta' Sky, li mbagħad kellha tagħlaq 9 xhur wara li ġiet stabbilit. Pizzul għamel id-debutt tiegħu fuq it-televiżjoni diġitali terrestri fuq Cartapiù f'Jannar 2005, fejn għal erba' staġuni kien il-kummentatur tal-iktar logħbiet importanti tal-kampjonat tas-Serie A li ġew imxandra fuq dik il-pjattaforma televiżiva.
Huwa kien l-ewwel kummentatur tal-ewwel logħba tal-futbol imxandra fl-Italja fuq it-televiżjoni diġitali terrestri (Bologna-Cagliari 1-0). Fis-sajf tal-2007 ikkummenta mill-ġdid għal LA7 ir-repliki (f'format ħieles) tal-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan fit-Tazza tad-Dinja tal-2006, li ġew proposti mill-ġdid (is-semifinali u l-finali) anke fl-2010 qabel il-bidu tat-Tazza tad-Dinja li ntlagħbet fl-Afrika t'Isfel u fiċ-ċelebrazzjoni tal-għaxar snin anniversarju mir-rebħa tat-tim nazzjonali Taljan tat-Tazza tad-Dinja fl-2016.[11] Għall-istess xandar, fl-istaġun tal-2007-2008, Pizzul ikkummenta l-logħbiet ewlenin f'format ħieles tal-Coppa Italia. Fit-2 ta' Awwissu 2012 kien il-kummentatur tal-logħba bejn Hajduk Split-Inter li kienet tgħodd bħala t-tielet rawnd preliminari tal-UEFA Europa League.[12] Għall-kummenti tekniċi, Pizzul reġa' lura fil-programm televiżiv Quelli che il calcio minn Jannar sa Frar 2012, fejn diġà kien ħadem flimkien ma' Massimo Caputi fl-edizzjoni tal-2001-2002.[13] Fl-2014 kull filgħodu kien jidher f'xandira f'ħin reali flimkien ma' Marco Franzelli fuq Rai News 24, filwaqt li fil-11 kien ikun fuq RMC flimkien ma' Teo Teocoli.[14] Mill-2015 reġa' beda jaħdem mar-Rai fost l-opinjonisti tal-programm televiżiv La Domenica Sportiva u kien in-narratur tal-31 edizzjoni tal-programm Techetechete'.
Minn April 2022 reġa' beda jaħdem fuq it-televiżjoni fuq DAZN, u pparteċipa fit-talk show ta' nhar ta' Tnejn filgħaxija Supertele, ippreżentat minn Pierluigi Pardo. Fi ħdan ir-rubrika "Tutto molto bello", Pizzul kien jikkummenta l-gowls kollha tal-kampjonat li kienu jsiru fi tmiem il-ġimgħa ta' qabel.[15]
Karriera ta' kummentatur ta' sports oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Minbarra l-futbol, Pizzul minn żmien għal żmien kien il-kummentatur televiżiv tal-boxing, tal-ping pong, tal-boċċi, tat-tlielaq tar-roti, tal-ibburdjar u tat-tiġrijiet taż-żwiemel; barra minn hekk, kien ukoll il-kummentatur televiżiv fiss tal-qdif mill-1971 sal-1976.[17]
Rwoli fiċ-ċinema
[immodifika | immodifika s-sors]Bruno Pizzul interpreta lilu nnifsu fil-film komiku tal-1974 L'arbitro, tar-reġista Luigi Filippo D'Amico, flimkien ma' Lando Buzzanca u Joan Collins, u kellu rwol żgħir fil-film Fantozzi - Il ritorno (1996) flimkien ma' Paolo Villaggio. Fl-2004 kien in-narratur, kif ukoll id-"doppjatur" ta' San Gennaru, fil-film ta' Ditelo voi Ventitré. Fl-2011 għamel kameo żgħir fil-film Box Office 3D - Il film dei film ta' Ezio Greggio. Fl-2014 kien id-doppjatur ta' kummentatur sportiv fl-adattament bit-Taljan tal-film Pelé.
Bruno Pizzul miet filgħodu fil-5 ta' Marzu 2025 fl-isptar ta' Gorizia, tlett ijiem qabel ma għalaq 87 sena.[18]
Ħajja privata
[immodifika | immodifika s-sors]Bruno Pizzul kien miżżewweġ ma' Maria Pizzul. Miż-żwieġ tagħhom twieldu tliet ulied: Fabio li minbarra li huwa għalliem tal-Masters fil-Ġurnaliżmu fl-Università Kattolika ta' Milan, huwa ġurnalist u eks kunsillier reġjonali tal-Lombardia, Silvia, għalliema tal-matematika u x-xjenzi f'Milan, u Carla, assistenta soċjali. Barra minn hekk, Pizzul kien nannu ta' saħansitra 11-il neputi jew neputija.[19][20][21][22][23][24][25]
Kritiki u kontroversji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1985, wara t-traġedja tal-grawnd ta' Heysel, li fiha l-Juventus rebħu kontra l-Liverpool wara li 39 persuna mietu mgħaffġin qalb il-ġlied bejn il-partitarji taż-żewġ klabbs, Pizzul ikkummenta r-rebħa tat-tazza bħala "jum mill-isbaħ għall-futbol Taljan". L-Onorevoli Vincenzo La Russa ddefinixxa lil Pizzul bħala "imbeċilli li fil-konfront tiegħu nuruh il-ħniena".[26] L-għada, Bruno Pizzul ċaħad li stqarr dik il-frażi u ddefenda ruħu billi ddikjara li kkummenta għal siegħa u nofs sħaħ il-ġlied li seħħ qabel il-logħba bid-dmugħ f'għajnejh.[27]
Reklami
[immodifika | immodifika s-sors]F'Mejju 2014 Pizzul kien rappreżentant tal-FIAT f'reklami li nġibed fil-Brażil, flimkien ma' Giovanni Trapattoni, eks kowċ tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan.[28]
F'Jannar 2021 ħa sehem fil-filmat ta' preżentazzjoni tal-kompetizzjoni tal-PS5 Supercup. Suċċessivament, f'Ġunju tal-istess sena, leħnu nstema' fir-reklami ta' Repower, filwaqt li f'Lulju kien protagonist ta' reklami ta' promozzjoni ta' DAZN.
Premjijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Premju Nazzjonali Andrea Fortunato, kategorija tal-ġurnaliżmu: 1, fl-2009.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Commendatore dell'Ordine al merito della Repubblica italiana (fuq proposta tal-Prim Ministru), fit-2 ta' Ġunju 2022.[29]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Justice TV - CALCIO: BRUNO PIZZUL UNA VOCE NAZIONAL". web.archive.org. 2014-02-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-21. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Si fa seppellire con la maglia della Cormonese - Cronaca - Il Piccolo". web.archive.org. 2014-02-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-22. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ Raffaele Castagna, Storia risultati classifiche protagonisti delle squadre isolane negli anni 1957/1980, Supplemento de La Rassegna d'Ischia, numero 1, aprile 1981.
- ↑ Pietro Ferrandino, Storia degli sports isolani, vol. 1, Rubano, Elle-Elle, SBN CFI0166748.
- ↑ "Homepage". TigullioVino.it (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Bruno Pizzul - biografia". web.archive.org. 2015-06-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-26. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Bruno Pizzul in esclusiva per "Quelli che l'Inter..." | Quelli che l'…". archive.is. 2014-12-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-12-26. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Blog | I Mondiali di calcio nelle parole dei telecronisti". Il Fatto Quotidiano (bit-Taljan). 2014-06-18. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ D'Alessandro, Marco. "Riccardo Cucchi, GRAZIE per 20 anni magistrali". Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Millennium, la notte del 2000 - Raiuno". web.archive.org. 2013-11-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-06. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Blog | Pizzul e la nostalgia per una Tv che non c'è più". Il Fatto Quotidiano (bit-Taljan). 2012-08-04. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Camilleri, Gianluca (2012-08-02). "LA7 RISPOLVERA BRUNO PIZZUL PER LA TELECRONACA DI HAJDUK SPALATO-INTER". Davide Maggio (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Pizzul, Bruno - Enciclopedia". Treccani (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Bruno Pizzul, tutti lo rivogliono: "Ma non portavo sfiga?" - Libero Quotidiano". web.archive.org. 2014-06-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-06-17. Miġbur 2025-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Supertele, prima puntata su Dazn: anticipazioni e ospiti". tuttosport.com (bit-Taljan). 2022-04-04. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Lucio Giordano, Lo sentivo al mio fianco durante le telecronache e mi aiutava a non sbagliare, in Dipiù, n. 1, 6 gennaio 2023, pp. 74-77.
- ↑ "Bruno Pizzul: età, moglie, carriera, figli, causa della morte". www.libero.it (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "È morto Bruno Pizzul, voce storica del calcio: raccontò l'Heysel e le Notti Magiche". La Gazzetta dello Sport (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Bruno Pizzul: età, moglie, carriera, figli, causa della morte". www.libero.it (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Sereni, Andrea (2023-08-03). "Gli 85 anni di Pizzul: frasi cult, vino e carte, la moglie «Tigre», la patente mai presa". Corriere della Sera (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "I docenti". progetti.unicatt.it (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Fabio Pizzul" (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Bruno Pizzul: 'Senza patente mi affido alla tigre, mia moglie. L'Heysel il dolore più angoscioso, che liti a carte col Trap'". Calciomercato.com | Tutte le news sul calcio in tempo reale (bit-Taljan). 2021-07-30. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Lamorte, Antonio (2021-07-30). "Bruno Pizzul e la sua vita da nonno di 11 nipoti: "I telecronisti? La tv parla più di sé che della partita"". Il Riformista (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Sereni, Andrea (2023-08-03). "Gli 85 anni di Pizzul: frasi cult, vino e carte, la moglie «Tigre», la patente mai presa". Corriere della Sera (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "CRAXI ACCUSA IL GOVERNO BELGA POLITICI DURI CON JUVE E RAI - la Repubblica.it". Archivio - la Repubblica.it (bit-Taljan). 1985-06-01. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "PIZZUL SI DIFENDE 'PIANGEVO ANCH' IO' - la Repubblica.it". Archivio - la Repubblica.it (bit-Taljan). 1985-06-02. Miġbur 2025-03-05.
- ↑ "Leo Burnett porta Pizzul e Trapattoni in Brasile per le offerte Fiat. Produce Mercurio". YM! (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.
- ↑ Segretariato generale della Presidenza della Repubblica - Servizio sistemi informatici. "Le onorificenze della Repubblica Italiana". www.quirinale.it (bit-Taljan). Miġbur 2025-03-05.